Mur fil-kontenut

Istruzzjonijiet għal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna

Istruzzjonijiet għal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna

Werrej

1. L-istruzzjonijiet f’dan id-dokument se jgħin lil kull min jieħu sehem fil-laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. Dawn għandhom jirrivedu l-istruzzjonijiet għall-inkarigu tagħhom kif inhu muri fil-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna u skont dan id-dokument qabel ma jippreparaw l-inkarigu tagħhom. Il-pubblikaturi kollha għandhom jiġu mistidnin jagħmlu lilhom infushom disponibbli biex jippreżentaw inkarigi tal-istudenti. Oħrajn li qed jassoċjaw b’mod attiv mal-kongregazzjoni jistgħu jipparteċipaw jekk huma jaqblu mat-tagħlim tal-Bibbja u ħajjithom tkun fi qbil mal-prinċipji Kristjani. L-indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna għandu jiddiskuti l-ħtiġijiet dwar kif wieħed jistaʼ jinkiteb m’individwu li mhux pubblikatur u li jesprimi x-xewqa li jinkiteb. Imbagħad l-indokratur jinformah jekk jikkwalifikax. Dan għandu jsir fil-preżenza tal-individwu li qed jistudja l-Bibbja miegħu (jew fil-preżenza taʼ ġenitur li jaqdi lil Ġeħova). Il-ħtiġijiet huma l-istess bħal t’individwu li jrid isir pubblikatur mhux mgħammed.—od kap. 8 par. 8.

 INTRODUZZJONI MIĊ-CHAIRMAN:

2. Minuta. Kull ġimgħa, wara l-għanja tal-ftuħ u t-talba, iċ-chairman tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna se jqanqal l-entużjażmu għall-programm ta’ dakinhar. Iċ-chairman għandu jiffoka fuq punti li se jkunu l-iktar ta’ benefiċċju għall-kongregazzjoni.

  TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA:

 3Taħdita: Għaxar minuti. It-tema u l-punti prinċipali, li jkunu tnejn jew tlieta, huma pprovduti fil-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. Din it-taħdita għandha tiġi assenjata lil anzjan jew qaddej ministerjali kwalifikat. Meta fl-iskeda ta’ kull ġimgħa tal-Qari tal-Bibbja nkunu se nibdew ktieb tal-Bibbja ġdid, għandu jintwera l-vidjow biex jintroduċi l-ktieb. Il-kelliemi jistaʼ jislet tagħlim mill-vidjow li jaqbel mat-tema. Madankollu, għandu jagħmel ċert li jkopri l-punti tal-outline li huma mniżżlin fil-Fuljett għall-Istudju. Ukoll, skont kemm jippermetti l-ħin, għandu jagħmel użu tajjeb tal-istampi. Dawn huma ddisinjati biex jikkumplimentaw il-materjal li għandu jiġi mgħoddi. Hu jistaʼ jinkludi wkoll materjal ieħor bħala referenza, dment li dan jgħin sabiex jibni fuq il-punti li hemm fl-outline.

 4Ġawhar Spiritwali: Għaxar minuti. Din il-parti għandha tkun forma ta’ mistoqsija u tweġiba mingħajr introduzzjoni jew konklużjoni. Din għandha ssir minn anzjan jew qaddej ministerjali kwalifikat. Il-kelliemi għandu jistaqsi lill-udjenza ż-żewġ mistoqsijiet. Ukoll, hu għandu jiddeċiedi jekk il-versi ċitati għandhomx jinqraw jew le. Il-kummenti ta’ dawk li jagħtu t-tweġibiet għandhom ikunu ta’ 30 sekonda jew inqas.

 5Qari tal-Bibbja: Erbaʼ minuti. Dan l-inkarigu għandu jingħata minn student raġel. L-istudent għandu jaqra l-materjal assenjat mingħajr introduzzjoni u konklużjoni. Iċ-chairman tal-laqgħa għandu jkun interessat b’mod speċjali f’li jgħin lill-istudenti biex jaqraw b’mod eżatt, b’mod li jinftiehem, b’mod fluwenti, b’enfasi xierqa fuq il-kliem, bil-modulazzjoni, b’pawsi xierqa, u b’mod naturali. Minħabba li xi inkarigi tal-qari tal-Bibbja huma iqsar u oħrajn huma itwal, l-indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna għandu jqis l-abbiltajiet tal-istudenti meta jagħti dawn l-inkarigi.

 IRSISTI FIL-MINISTERU

6.  Ħmistax-il minuta. Din il-parti tal-laqgħa hi ddisinjata biex tagħti opportunità lil kulħadd ħalli jipprattika għall-ministeru u jtejjeb il-mod kif jagħmel konversazzjoni u l-abbiltà biex jipprietka u jgħallem. L-anzjani jistgħu jingħataw inkarigi taʼ student, skont il-bżonn. Kull student għandu jaħdem fuq l-istudju li jidher fil-brackets ħdejn l-inkarigu li jkun hemm fil-browxer Tagħlim jew L-Imħabba Tgħinek. Xi kultant, fil-programm se jkun hemm parti li se tkun fil-forma taʼ diskussjoni. Dan it-tip t’inkarigu għandu jiġi assenjat lil anzjan jew qaddej ministerjali kwalifikat.—Ara  paragrafu 15 dwar kif tiġi trattata parti fil-forma taʼ diskussjoni.

 7Ibda Konversazzjoni: Dan l-inkarigu jistaʼ jiġi assenjat lil student raġel jew mara. L-assistent għandu jkun tal-istess sess jew membru tal-familja. L-istudent u l-assistent jistgħu jpoġġu bilqiegħda jew jibqgħu bilwieqfa.—Għal iktar informazzjoni fuq il-kontenut u s-setting għal dan l-inkarigu ara  paragrafi 12 u  13.

 8Kompli Ibni l-Interess: Dan l-inkarigu għandu jiġi assenjat lil student raġel jew mara. L-assistent m’għandux ikun xi ħadd tas-sess oppost. (km 5/97 p. 2) L-istudent u l-assistent jistgħu jpoġġu bilqiegħda jew jibqgħu bilwieqfa. L-istudent għandu juri x’għandu jingħad meta nkomplu nibnu l-interess fuq konversazzjoni li kellna qabel.—Għal iktar informazzjoni fuq il-kontenut u s-setting għal dan l-inkarigu ara  paragrafi 12 u  13.

 9Agħmel Dixxipli: Dan l-inkarigu jistaʼ jiġi assenjat lil student raġel jew mara. L-assistent m’għandux ikun xi ħadd tas-sess oppost. (km 5/97 p. 2) L-istudent u l-assistent jistgħu jpoġġu bilqiegħda jew jibqgħu bilwieqfa. Dan l-inkarigu għandu juri parti minn studju tal-Bibbja li jkun diġà beda. M’hemmx bżonn ta’ introduzzjoni jew konklużjoni sakemm l-istudent mhux qed jaħdem speċifikament fuq wieħed minn dawn il-punti ta’ studju. M’hemmx għalfejn jinqara l-materjal assenjat kollu, għalkemm dan jistaʼ jsir.

 10Spjega Dak li Temmen: Meta jiġi assenjat bħala taħdita, l-istudent għandu jkun raġel. Meta jiġi assenjat bħala turija, jistaʼ jiġi assenjat lil student raġel jew mara. L-assistent għandu jkun xi ħadd tal-istess ġeneru jew membru tal-familja. L-istudent għandu jagħti tweġiba ċara u bit-tattika għall-mistoqsija fit-tema billi juża l-informazzjoni fir-referenza provduta. L-istudent jistaʼ jiddeċiedi jekk isemmix il-pubblikazzjoni li hemm fir-referenza meta jkun qed jagħti l-inkarigu tiegħu.

 11Taħdita: Dan l-inkarigu għandu jiġi assenjat lil student raġel u għandu jingħata bħala taħdita lill-kongregazzjoni. Meta it-taħdita tkun ibbażata minn fuq punt fl-appendiċi A tal-browxer L-Imħabba Tgħinek, l-istudent għandu jenfasizza kif il-vers(i) jistaʼ jintuża fil-ministeru. Pereżempju, hu jistaʼ jispjega meta vers jistaʼ jintuża, it-tifsira tal-vers, u kif tirraġuna maʼ persuna fuqu. Meta t-taħdita hi bbażata fuq xi punt minn waħda mill-lezzjonijiet tal-browxer L-Imħabba Tgħinek, l-istudent għandu jiffoka fuq kif jistaʼ jiġi applikat il-punt fil-ministeru. Hu jistaʼ jenfasizza l-eżempju li jidher f’punt 1 tal-lezzjoni jew jekk t’għajnuna, jistaʼ jenfasizza kwalunkwe versi supplimentari li hemm fil-lezzjoni.

   12Il-Kontenut: Il-materjal f’dan il-paragrafu u li jmiss japplika għall-inkarigi “Ibda Konversazzjoni” u “Kompli Ibni l-Interess.” Sakemm ma tingħatax istruzzjoni oħra, il-mira tal-istudent hi li jaqsam verità sempliċi mill-Bibbja li hi xierqa għal persuna li jkun qed jitkellem magħha u li jwitti t-triq għall-konversazzjoni oħra fil-futur. L-istudent għandu jagħżel suġġett li lokalment hu f’waqtu u effettiv. Hu jistaʼ jiddeċiedi jekk għandux jintroduċi xi pubblikazzjoni jew vidjow mill-Kaxxa tal-Għodda tat-Tagħlim. Minflok ma jiffokaw li jitgħallmu l-preżentazzjoni bl-amment, l-istudenti għandhom jitħarrġu fuq l-abbiltajiet biex itejbu l-mod kif jagħmlu konversazzjoni, bħal li juru interess persunali u li jkunu naturali.

   13Is-Setting: L-istudent għandu japplika s-setting ġenerali assenjat lilu skont iċ-ċirkustanzi lokali. Pereżempju:

  1.  (1) Minn Dar għal Dar: Dan is-setting jinkludi l-ippritkar minn dar għal dar—kemm b’mod fiżiku, bit-telefown, jew bl-ittri—u li jinbena l-interess maʼ persuna li ġiet ikkuntattja fil-ministeru minn dar għal dar.

  2.  (2) Għoti taʼ Xhieda Informali: Dan is-setting juri kif jittieħed vantaġġ minn opportunitajiet biex konversazzjoni normali tinbidel f’li tingħata xhieda. Tistaʼ tinkludi li taqsam ħsieb Skritturali maʼ dawk li tiltaqaʼ magħhom fuq ix-xogħol, fl-iskola, maʼ dawk li jgħixu fl-akkwati tiegħek, fuq it-trasport pubbliku, jew postijiet oħrajn waqt li tkun għaddej bl-attivitajiet tiegħek.

  3.  (3) Ippritkar f’Postijiet Pubbliċi: Dan is-setting jinkludi għoti taʼ xhieda bit-trolley, għoti taʼ xhieda f’postijiet tan-negozju, għoti taʼ xhieda fit-toroq, għoti taʼ xhieda fil-ġonna, parkeġġi, jew kull fejn jinstabu n-nies.

 14Użu tal-Vidjows u Letteratura: Skont iċ-ċirkustanzi, student jistaʼ jiddeċiedi li jinkludi xi vidjow jew xi pubblikazzjoni. Jekk l-inkarigu tal-istudent jinkludi vidjow jew jekk l-istudent jagħżel li jinkludi vidjow, hu għandu jintroduċi u jiddiskuti l-vidjow imma ma jurihx.

  GĦIX BĦALA KRISTJAN

15. Wara l-għanja, se jkun hemm sezzjoni ta’ 15-il minuta li se tikkonsisti f’parti jew tnejn. Dawn se jkunu ddisinjati biex jgħinu l-udjenza tapplika l-Kelma t’Alla. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, dawn l-inkarigi jistgħu jiġu assenjati lil anzjani jew qaddejja ministerjali kwalifikati, bl-eċċezzjoni tal-bżonnijiet lokali, li għandhom jingħataw minn anzjan. Meta l-parti tkun fil-forma taʼ diskussjoni l-kelliemi jistaʼ jistaqsi mistoqsijiet addizzjonali tul l-parti kollha flimkien maʼ dawk provduti. Hu għandu jżomm l-introduzzjoni qasira biex iħalli ħin biżżejjed biex joħroġ il-punti importanti u għall-parteċipazzjoni tal-udjenza. Jekk ikun hemm intervista, hu preferut li jekk hu possibbli dak li jkun qiegħed jiġi intervistat jagħti l-kummenti tiegħu minn fuq il-platform, minflok maʼ jkun bilqiegħda fl-udjenza.

  16Studju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni: Tletin minuta. Dan għandu jkun assenjat lil anzjan kwalifikat. (Fejn in-numru t’anzjani hu limitat, jistgħu jiġu inkarigati qaddejja ministerjali kwalifikati skont il-bżonn.) Il-ġemgħa tal-anzjani għandha tiddetermina min hu kwalifikat biex jikkonduċi l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni. Dawk approvati għandhom ikunu kapaċi jikkonduċu tajjeb ħalli jżommu l-istudju fil-ħin, jenfasizzaw l-iskritturi prinċipali, u jgħinu lil kulħadd japprezza l-valur prattiku tal-punti li jkunu għaddew flimkien. Dawk approvati se jibbenefikaw billi jirrivedu d-direzzjoni ppubblikata dwar kif wieħed għandu jikkonduċi partijiet fil-forma taʼ mistoqsija u tweġiba. (w23.04 p. 24, kaxxa.) Wara li l-materjal assenjat għal dik il-ġimgħa jiġi mgħoddi sew, ma jkunx hemm bżonn li jtawlu l-istudju. Fejn ikun possibbli, għandhom jintużaw aħwa differenti kull ġimgħa biex jikkonduċu u jaqraw. Jekk iċ-chairman tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna jinforma li l-istudju għandu jiġi mqassar, il-ħu li jikkonduċi għandu jiddeċiedi kif se jqassru. Hu jista’ jagħżel li ma jinqrawx xi paragrafi.

  KUMMENTI TAL-GĦELUQ

17. Tliet minuti. Iċ-chairman tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna għandu jirrivedi punti ta’ għajnuna mil-laqgħa. Hu għandu wkoll isemmi fil-qosor il-materjal li jkun se jiġi kkunsidrat il-ġimgħa ta’ wara. Hu jista’ jsemmi l-ismijiet tal-istudenti li huma assenjati l-ġimgħa ta’ wara, dment li jkun hemm ħin għal dan. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, għandu jsir kull avviż neċessarju u għandha tinqara kull ittra importanti lill-kongregazzjoni miċ-chairman waqt il-kummenti tal-għeluq tiegħu. Informazzjoni tas-soltu, bħall-arranġamenti normali tas-servizz tal-għalqa u skedi tat-tindif, m’għandhomx jitħabbru minn fuq il-platform imma għandhom jiġu mwaħħlin man-notice board. Jekk ma jistgħux isiru avviżi jew jinqraw ittri fil-ħin allokat għall-kummenti tal-għeluq, iċ-chairman għandu jitlob lill-aħwa li jkollhom parti fis-sezzjoni Għix Bħala Kristjan biex iqassru skont il-bżonn. (Ara  paragrafi 16 u  19.) Il-laqgħa tispiċċa b’għanja u talba.

  KUMMENTI TA’ TIFĦIR U PARIRI

18. Wara li kull student jagħmel l-inkarigu tiegħu, iċ-chairman tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna għandu bejn wieħed u ieħor minuta biex ifaħħar u jagħti parir ibbażat fuq il-punt tal-istudju assenjat. Meta ċ-chairman jintroduċi l-inkarigu tal-istudent, hu m’għandux jgħid fuq liema studju qed jaħdem l-istudent. Madankollu, meta l-istudent ilesti l-inkarigu, iċ-chairman, wara li jfaħħru bi kliem xieraq, jista’ jgħid fuq liema studju kien qed jaħdem u għala mar tajjeb fuq dak l-istudju jew inkella b’qalb tajba jispjega għala għandu jagħti iktar attenzjoni lil dak il-punt partikolari. Iċ-chairman jista’ jikkummenta wkoll fuq aspetti oħra tat-turija jekk jaħseb li dan se jkun ta’ benefiċċju għall-istudent jew l-udjenza. Pariri oħrajn li jibnu bbażati fuq il-browxer L-Imħabba Tgħinek, il-browxer Tagħlim jew il-ktieb tal-Iskola tal-Ministeru jistgħu jingħataw privatament wara l-laqgħa jew f’ħin ieħor, kemm dwar l-istudju li l-istudent ħadem fuqu kif ukoll dwar studju ieħor.—Għal iktar informazzjoni rigward l-irwol taċ-chairman tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna u l-irwol tal-ajjutant li jagħti l-pariri, ara  paragrafi 19,  24, u  25.

     ĦIN

19Ħadd m’għandu jaqbeż il-ħin, inkluż iċ-chairman tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna meta jkun qed jagħti l-kummenti tiegħu. Għalkemm il-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna jispeċifika l-ħin għal kull parti jekk il-materjal ikun kopert sew m’hemmx għalfejn iżżid informazzjoni biex tuża l-ħin kollu li jkun hemm imniżżel fuq l-fuljett għal dik il-parti. Jekk jkun hemm partijiet li jaqbżu l-ħin, għandhom jingħataw parir fil-privat miċ-chairman tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru jew mill-ajjutant li jagħti l-pariri. (Ara  paragrafi 24 u  25.) Il-laqgħa kollha, inkluż l-għanjiet u t-talb, għandha ddum siegħa u 45 minuta.

 ŻJARA MILL-INDOKRATUR LI JŻUR IL-KONGREGAZZJONIJIET

20. Meta l-kongregazzjoni jkollha ż-żjara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, il-programm għandu jsir skont kif inhu deskritt fil-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna bl-eċċezzjonijiet li ġejjin: Minflok l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni tas-sezzjoni Għix Bħala Kristjan għandha ssir taħdita tas-servizz ta’ 30 minuta mill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Qabel it-taħdita tas-servizz, iċ-chairman tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna għandu jirrivedi l-programm li jkun għadu kif sar, jagħti ħarsa fuq fuq lejn il-programm tal-ġimgħa ta’ wara, jagħmel kwalunkwe avviż importanti, jaqra xi ittri li jkun hemm bżonn, u mbagħad jintroduċi lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Wara t-taħdita tas-servizz, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għandu jikkonkludi l-laqgħa b’għanja li jagħżel hu. Jista’ jistieden ħu ieħor biex jikkonkludi b’talba. Waqt iż-żjara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet m’għandhiex issir it-tieni jew it-tielet klassi fil-lingwa tal-kongregazzjoni. Grupp jista’ jkompli bil-laqgħat tiegħu anke meta l-indokratur ikun qed iżur il-kongregazzjoni li hemm il-grupp fiha. Madankollu, il-grupp għandu jingħaqad mal-kongregazzjoni għat-taħdita tas-servizz tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet.

 IL-ĠIMGĦA TAL-ASSEMBLEA JEW TAL-KONVENZJONI

21. Matul il-ġimgħa tal-assemblea jew tal-konvenzjoni ma ssir ebda laqgħa tal-kongregazzjoni. Il-kongregazzjoni għandha tingħata tfakkira li l-materjal li kien se jiġi kkunsidrat matul il-laqgħa f’dik il-ġimgħa għandu jiġi kkunsidrat b’mod personali jew bħala familja.

 IL-ĠIMGĦA TAT-TIFKIRA

22. Jekk it-Tifkira tinzerta matul il-ġimgħa, ma jkunx hemm il-Laqgħa taʼ fost il-ġimgħa.

 L-INDOKRATUR TAL-LAQGĦA TAL-ĦAJJA U L-MINISTERU TAGĦNA

23. Anzjan magħżul mill-ġemgħa tal-anzjani għandu jaqdi bħala l-indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. Hu l-wieħed responsabbli biex jagħmel ċert li din il-laqgħa tkun organizzata sew u li ssir skont dawn l-istruzzjonijiet. Hu għandu jżomm komunikazzjoni tajba mal-ajjutant li jagħti l-pariri. Kull meta l-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna jkun disponibbli, l-indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna għandu jinkariga l-partijiet kollha tal-laqgħa taʼ fost il-ġimgħa għal dawk ix-xahrejn. Dan jinkludi ċ-chairmen taʼ matul il-ġimgħa u l-partijiet li mhumiex tal-istudenti minn dawk approvati mill-ġemgħa tal-anzjani kif ukoll il-partijiet tal-istudenti. (Ara  paragrafi 3-16 u  24.) Meta jkun qed jassenja l-inkarigi tal-istudenti, hu għandu jikkunsidra l-età tal-istudent, l-esperjenza, u l-libertà tal-kelma fuq is-suġġett li se jiġi diskuss. Għandu juża l-istess għaqal meta jassenja l-partijiet l-oħrajn tal-laqgħa. Kull inkarigu għandu jingħata minn tal-inqas tliet ġimgħat qabel id-data tal-inkarigu. Il-formola Inkarigu fil-Laqgħa l-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna (S-89) għandha tintuża għall-inkarigi tal-istudenti. L-indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna jrid jagħmel ċert li kopja tal-iskeda bl-inkarigi tal-laqgħa kollha tkun fuq in-noticeboard. Il-ġemgħa tal-anzjani jistgħu jinkarigaw anzjan jew qaddej ministerjali biex jgħinu. Imma l-anzjani biss għandhom jinkarigaw il-partijiet li mhumiex tal-istudenti.

    IĊ-CHAIRMAN TAL-LAQGĦA TAL-ĦAJJA U L-MINISTERU TAGĦNA

24. Kull ġimgħa, anzjan għandu jaqdi bħala ċ-chairman matul il-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. (Fejn in-numru t’anzjani hu limitat, qaddejja ministerjali kwalifikati jistgħu jintużaw skont il-bżonn.) Hu għandu jkun responsabbli biex jipprepara l-kummenti tal-introduzzjoni u tal-għeluq. Hu għandu wkoll jintroduċi kull inkarigu u, skont id-daqs tal-ġemgħa tal-anzjani, hu jista’ jkun responsabbli f’li jkollu xi inkarigi oħra fil-laqgħa, speċjalment fʼparti li fiha vidjow biss mingħajr diskussjoni. Il-kummenti bejn il-partijiet tal-laqgħa għandhom ikunu qosra ħafna. Il-ġemgħa tal-anzjani għandha tiddeċiedi liema anzjani huma kwalifikati biex ikollhom dan l-irwol. L-anzjani kwalifikati normalment għandhom ikunu assenjati bħala chairmen minn żmien għal żmien. Skont iċ-ċirkustanzi lokali, l-indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna jista’ jintuża bħala chairman iktar spiss mill-anzjani kwalifikati l-oħra. Jekk anzjan hu kwalifikat biex jikkonduċi l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni, aktarx hu kwalifikat biex jaqdi bħala ċ-chairman tal-laqgħa. Madankollu, jekk jogħġbok żomm f’moħħok li l-anzjan li jaqdi bħala chairman ikun mitlub li jfaħħar u li jagħti pariri ta’ għajnuna u bi mħabba, skont il-bżonn, lill-istudenti li jkollhom l-inkarigu. Hija r-responsabbiltà taċ-chairman li jagħmel ċert li l-laqgħa tispiċċa fil-ħin. (Ara  paragrafi 17 u  19.) Jekk jippreferi u jekk hemm biżżejjed spazju, jista’ jkun hemm mikrofonu fuq stand fuq il-platform ħalli ċ-chairman ikun jista’ jintroduċi l-parti li jkun imiss fl-istess waqt li l-ħu jkun qed jieħu postu mal-istand tal-kelliemi. Bl-istess mod, iċ-chairman jista’ jippreferi li jpoġġi ma’ mejda fuq il-platform matul l-inkarigu tal-Qari tal-Bibbja u s-sezzjoni Irsisti fil-Ministeru. Dan jista’ jiffranka l-ħin.

   L-AJJUTANT LI JAGĦTI L-PARIRI

25. Kull meta jkun possibbli, ikun tajjeb li jintuża anzjan li hu kelliemi tal-esperjenza biex ikollu dan l-irwol. Ir-responsabbiltà tal-ajjutant għandha tkun li jagħti pariri fil-privat, jekk ikun hemm bżonn, lil anzjani u qaddejja ministerjali rigward kull inkarigu li għandu mnejn ikollhom. Dawn l-inkarigi jistgħu jinkludu: meta jkollhom sehem fil-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna, taħditiet pubbliċi, u meta jikkonduċu jew jaqraw l-Istudju ta’ It-Torri tal-Għassa jew l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni. (Ara  paragrafu 19.) Jekk hemm ammont mhux ħażin ta’ anzjani fil-kongregazzjoni li huma kelliema u għalliema kapaċi, mela kull sena jista’ jaqdi anzjan differenti fil-kariga ta’ ajjutant li jagħti l-pariri. Mhuwiex neċessarju li l-ajjutant jagħti pariri wara kull inkarigu.

 KLASSIJIET OĦRAJN

26. Skont kemm hemm studenti, il-kongregazzjonijiet jista’ jkollhom klassijiet oħrajn għall-inkarigi tal-istudenti. Kull klassi oħra għandu jkollha xi ħadd kwalifikat biex jagħti l-pariri, preferibbilment anzjan. Meta jkun neċessarju, jista’ jiġi inkarigat qaddej ministerjali kwalifikat sew. Il-ġemgħa tal-anzjani għandha tiddeċiedi min jista’ jagħmel dan u jekk l-inkarigu għandux isir dejjem mill-istess persuna. Dak li jagħti l-pariri għandu jsegwi l-proċedura mniżżla  f’paragrafu 18. Jekk issir klassi oħra, l-istudenti għandhom jiġu mitluba biex imorru fiha wara li ssir il-parti Ġawhar Spiritwali li hi parti mis-sezzjoni tal-laqgħa li jisimha Teżori mill-Kelma t’Alla. Imbagħad għandhom jerġgħu jingħaqdu mal-kumplament tal-kongregazzjoni wara l-aħħar inkarigu tal-istudent fil-laqgħa.

 VIDJOWS

27. Se jintwerew xi vidjows li jkollhom x’jaqsmu ma’ din il-laqgħa. Il-vidjows għal-laqgħa ta’ matul il-ġimgħa se jkunu disponibbli fl-app tal-JW Library® u se jkunu aċċessibbli minn diversi apparati.

© 2023 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania

S-38-MT 11/23