Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?
Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?
“IRRID dak kollu li hu l-aħjar mill-ħajja.” Hekk tgħid tfajla adolexxenti. Bla dubju int ukoll trid l-istess ħaġa. Imma kif tistaʼ tikseb “l-aħjar” mill-ħajja? Il-mezzi tax-xandir u sħabek, forsi saħansitra l-għalliema tiegħek, għandhom mnejn jgħidu li dan jiġi billi taqlaʼ ħafna flus u jkollok karriera prestiġjuża—billi tkun persuna taʼ suċċess!
Madankollu, il-Bibbja twissi liż-żgħażagħ li l-ġiri wara s-suċċess materjali m’huwa xejn għajr “ġiri wara r-riħ.” (Koħèlet 4:4) Waħda mir-raġunijiet hi li ftit huma ż-żgħażagħ li fil-fatt jirnexxilhom isiru sinjuri jew famużi. Dawk li jirnexxilhom, taʼ spiss jispiċċaw diżappuntati bl-ikrah. “Huwa bħallikieku għandek kaxxa vojta,” jgħid wieħed żagħżugħ mill-Britannja li stinka biex ikollu karriera akkademika prestiġjuża. “Meta tħares ġewwa, ma ssib xejn.” Huwa veru li kultant ix-xogħol jistaʼ jġiblek għana u rispett. Imma dan ma jistax jimla “l-bżonn spiritwali” tiegħek. (Mattew 5:3, New World Translation) Barra minn hekk, l-1 Ġwann 2:17 iwissi li ‘d-dinja qiegħda tgħaddi.’ Anki jekk tirnexxi u jkollok suċċess f’din id-dinja, dan se jkun għomru qasir.
Għal din ir-raġuni, Koħèlet 12:1 iħeġġeġ liż-żgħażagħ: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek.” Iva, l-aqwa mod kif tistaʼ tuża ħajtek huwa fis-servizz t’Alla Jehovah. Imma qabel xejn trid tikkwalifika biex tkun fis-servizz t’Alla. Kif tistaʼ tagħmel dan? U x’tinvolvi ħajja taʼ servizz lil Alla?
Kif Tikkwalifika biex Tkun Xhud taʼ Jehovah
L-ewwelnett, trid tikkultiva xewqa li taqdi lil Alla—u dik ix-xewqa ma tiġix waħedha, anki jekk il-ġenituri tiegħek huma Kristjani. Int trid taħdem biex tiżviluppa relazzjoni persunali ma’ Jehovah. “It-talb jgħinek biex ikollok relazzjoni ma’ Jehovah,” tgħid tfajla adolexxenti.—Salm 62:9 (62:8, NW); Ġakbu 4:8.
Rumani 12:2 jenfasizza pass ieħor li trid tagħmel. Dan jgħid: “[Agħrfu] x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” Qatt kellek dubju dwar xi affarijiet li tgħallimt? Mela agħmel bħalma tħeġġeġ il-Bibbja, u ‘agħraf’ li dawn l-affarijiet huma veri! Agħmel riċerka persunali. Aqra l-Bibbja u l-letteratura Biblika. Iżda li titgħallem dwar Alla m’huwiex sempliċement xi ħaġa tal-moħħ. Ħu l-ħin biex timmedita fuq dak li taqra ħalli b’hekk dan ikun jistaʼ jinżel fil-qalb figurattiva tiegħek. B’dan il-mod, l-imħabba tiegħek lejn Alla se tikber iżjed.—Salm 1:2, 3.
Imbagħad, ipprova tkellem b’mod informali dwar dak li qed titgħallem ma’ oħrajn, forsi ma’ sħabek taʼ l-iskola. Wara dan, il-pass li jkun imiss huwa l-ippridkar minn dar għal dar. Minn żmien għal żmien, waqt li tkun qed tippriedka tistaʼ tiltaqaʼ ma’ xi ħadd li jkun l-iskola miegħek, u għall-ewwel din is-sitwazzjoni tistaʼ ddejqek xi ftit. Imma l-Bibbja tħeġġiġna biex ma ‘nistħux mill-Evanġelju.’ (Rumani 1:16) Il-messaġġ li qed ixxandar huwa wieħed taʼ ħajja u tama! Għala għandek tistħi?
Jekk il-ġenituri tiegħek huma Kristjani, forsi diġà tmur magħhom fuq dan ix-xogħol. Imma kapaċi tagħmel iktar milli sempliċement toqgħod ma titkellimx jew inkella milli toffri r-rivisti u l-fuljetti biss? Kapaċi tkun f’bieb u tagħmel konversazzjoni waħdek, filwaqt li tuża l-Bibbja biex tgħallem lill-inkwilin? Jekk le, allura itlob l-għajnuna tal-ġenituri tiegħek jew taʼ xi ħadd matur fil-kongregazzjoni. Agħmilha l-mira tiegħek li tikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed taʼ l-aħbar tajba!
Maż-żmien, se titqanqal biex tiddedika lilek innifsek—twiegħed lil Alla li minn dak in-nhar ’il quddiem se taqdih. (Rumani 12:1) Madankollu, id-dedikazzjoni m’hijiex sempliċement kwistjoni privata. Alla jitlob li kull wieħed u waħda minna “jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni.” (Rumani 10:10) Meta titgħammed, l-ewwel tagħmel dikjarazzjoni tal-fidi tiegħek b’mod verbali. Imbagħad ikun hemm il-magħmudija fl-ilma. (Mattew 28:19, 20) Huwa veru li l-magħmudija hija pass serju. Iżda żżommx lura għax tibżaʼ li se tonqos b’xi mod. Jekk tistrieħ fuq Alla għas-saħħa, hu se jagħtik qawwa iżjed min-normal biex jgħinek tibqaʼ sod.—2 Korintin 4:7; 1 Pietru 5:10.
Meta titgħammed issir wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:10) Dan għandu jkollu effett qawwi fuq kif se tuża ħajtek. Id-dedikazzjoni tinvolvi li ‘tiċħad lilek innifsek.’ (Mattew 16:24) Forsi tħalli xi miri jew ambizzjonijiet persunali u ‘tfittex l-ewwel is-Saltna taʼ Alla.’ (Mattew 6:33) Għalhekk, id-dedikazzjoni u l-magħmudija jippreżentawlek ħafna opportunitajiet biex tagħmel dan. Ejja nikkunsidraw ftit minnhom.
Opportunitajiet biex Taqdi lil Alla Full-Time
● Ix-xogħol taʼ pijunier huwa opportunità waħda. Il-pijunier huwa pubblikatur Kristjan mgħammed u eżemplari li jqattaʼ minn taʼ l-inqas 70 siegħa fix-xahar jippriedka l-aħbar tajba. Il-fatt li tqattaʼ iktar ħin fis-servizz taʼ l-għalqa se jgħinek tiżviluppa l-abbiltajiet tiegħek taʼ li tippriedka u tgħallem. Ħafna pijunieri kellhom il-ferħ li jgħinu ’l-istudenti tal-Bibbja tagħhom isiru Xhieda mgħammdin. Liema xogħol sekulari jistaʼ jkun daqstant eċċitanti u jagħtik daqshekk sodisfazzjon?
Sabiex jgħinhom ilaħħqu ma’ l-ispejjeż tagħhom, il-biċċa l-kbira mill-pijunieri jkollhom xogħol sekulari part-time. Ħafna jippreparaw minn qabel għal din ir-responsabbiltà billi jitgħallmu xi sengħa mill-iskola jew mingħand il-ġenituri tagħhom. Jekk int u l-ġenituri tiegħek tħossu li jkun aħjar li tieħu xi taħriġ ieħor wara li tkun spiċċajt l-iskola sekondarja, kun ċert li l-motiv tiegħek ma jkunx li tagħmel il-flus imma li tappoġġa l-ministeru tiegħek u forsi taqdi bħala ministru full-time.
Madankollu, il-qofol tal-ħajja taʼ pijunier m’huwiex l-impjieg sekulari tiegħu, imma l-ministeru tiegħu—li jgħin lil oħrajn jiksbu l-ħajja! Għala ma tagħmilhiex il-mira persunali tiegħek li taqdi bħala pijunier? Taʼ spiss, ix-xogħol taʼ pijunier jiftaħ it-triq għal privileġġi oħra. Per eżempju, xi pijunieri jmorru joqogħdu f’postijiet fejn hemm ħtieġa akbar għal pubblikaturi tas-Saltna. Oħrajn jitgħallmu lingwa barranija u jaqdu f’xi kongregazzjoni taʼ lingwa barranija lokali jew saħansitra f’pajjiż ieħor. Iva, li tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier huwa mod taʼ ħajja premjanti!
● L-Iskola tal-Bibbja Għal Koppji Kristjani hija opportunità oħra. Din l-iskola tagħti lil koppji miżżewġin taħriġ speċjalizzat biex hekk ikunu jistgħu jintużaw iktar bis-sħiħ minn Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu. Ħafna gradwati jiġu mitlubin jaqdu fejn hemm iktar bżonn f’pajjiżhom. Oħrajn jingħataw inkarigu biex jaqdu bħala predikaturi full-time f’pajjiżi barranin jekk iċ-ċirkustanzi tagħhom jippermettu. Xi gradwati għandhom mnejn jaqdu bħala pijunieri speċjali temporanji biex jiftħu u jkabbru x-xogħol f’postijiet imwarrbin u iżolati.
● L-Iskola tal-Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mħux Miżżewġin ġiet stabbilita biex tħarreġ dawk l-anzjani u l-qaddejja ministerjali li jkunu kwalifikati u li ma jkunux miżżewġin. Il-kors intensiv li jdum tmien ġimgħat ikopri suġġetti bħalma huma r-responsabbiltajiet ta’ l-anzjani u l-qaddejja ministerjali, l-organizzazzjoni, u d-diskors fil-pubbliku. Xi wħud jiġu assenjati biex jaqdu f’pajjiżhom stess. Oħrajn jintalbu jaqdu f’pajjiżi barranin.
● Is-servizz f’Betel ifisser li taqdi bħala volontier f’waħda mill-fergħat tax-Xhieda ta’ Jehovah. Xi membri tal-familja ta’ Betel jaħdmu direttament fil-produzzjoni tal-letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Oħrajn jingħataw xogħol ieħor li jgħin fil-produzzjoni tal-letteratura Biblika, bħall-manutenzjoni tal-bini u l-apparat jew inkella jieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tal-familja ta’ Betel. Kull inkarigu huwa privileġġ sagru ta’ servizz lil Jehovah. Iżjed minn hekk, dawk f’Betel għandhom il-ferħ li jafu li jagħmlu x’jagħmlu, dan huwa għall-benefiċċju ta’ ħuthom madwar id-dinja.
Kultant, aħwa b’xi snajja’ speċjali jiġu mistiedna biex jaqdu f’Betel. Madankollu, il-biċċa l-kbira jiġu mħarrġin wara li jidħlu. Dawk li jaqdu f’Betel ma jagħmlux dan għal xi gwadann materjali imma huma sodisfatti bl-arranġamenti provduti għall-ikel, akkomodazzjoni, u bix-xi ħaġa żgħira tal-flus li jingħataw biex ikopru l-ispejjeż persunali. Wieħed mill-membri żgħażagħ tal-familja ta’ Betel jiddeskrivi s-servizz tiegħu b’dan il-mod: “Huwa xi ħaġa meraviljuża! M’huwiex faċli li tidra r-rutina, imma kemm ilni naqdi hawnhekk irċivejt ħafna barkiet.”
● Is-servizz internazzjonali jippermetti lil dak li jkun biex jieħu sehem fil-bini ta’ fergħat u Swali tas-Saltna. Il-qaddejja internazzjonali, bħalma huma msejħin, imorru f’pajjiżi oħra biex jgħinu f’xogħol ta’ bini bħal dan. Dan huwa forma ta’ servizz sagru, simili għax-xogħol li għamlu dawk li bnew it-tempju ta’ Salamun. (1 Slaten 8:13-18) Il-qaddejja internazzjonali jgawdu arranġamenti simili għal dawk tal-familja ta’ Betel. Xi privileġġ għandhom dawn l-aħwa li jaqdu f’dan il-qasam t’attività li jġib tifħir lil Jehovah!
Aqdi lil Jehovah b’Qalb Sħiħa
Li taqdi lil Jehovah huwa l-aħjar mod kif tuża ħajtek. Għala ma tikkunsidrax l-idea li tagħmel mira persunali biex taqdi lil Alla full-time? Iddiskuti s-servizz full-time mal-ġenituri tiegħek, ma’ l-anzjani tal-lokal tiegħek, u ma’ l-indokratur tas-circuit. Jekk int interessat f’Betel, l-Iskola tal-Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mħux Miżżewġin, jew l-Iskola tal-Bibbja Għal Koppji Kristjani, attendi xi waħda mil-laqgħat organizzati li jsiru matul l-assemblea tas-circuit u l-konvenzjoni distrettwali għal dawk li jkunu jixtiequ japplikaw.
Veru, mhux kulħadd jista’ jikkwalifika jew jaqdi full-time. Kultant il-problemi ta’ saħħa, is-sitwazzjoni finanzjarja, u l-obbligazzjonijiet tal-familja jistgħu jillimitaw dak li jista’ jagħmel individwu. Madankollu, il-Kristjani dedikati kollha jridu jagħtu kas il-kmand tal-Bibbja: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Jehovah jirrikjedi li int tagħmel l-aħjar li tista’ fiċ-ċirkustanzi tiegħek. Għalhekk, hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, iċċentra ħajtek fuq li taqdi lil Jehovah. Agħmel miri teokratiċi u realistiċi. Iva, “ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek”—u tkun imbierek għall-eternità talli tkun għamilt dan!
Jekk mhux indikat mod ieħor, il-kwotazzjonijiet Skritturali huma meħudin mill-Bibbja taʼ l-Għaqda Biblika Maltija, it-Tieni Edizzjoni (1996).