Mur fil-kontenut

Għala Tistaʼ Tafda l-Bibbja

Għala Tistaʼ Tafda l-Bibbja

Għala Tistaʼ Tafda l-​Bibbja

Xi nies jgħidu li l-​Bibbja m’hijiex taʼ min joqgħod fuqha, u l-​ħarsa tagħhom hija aċċettata minn ħafna. Għalhekk, ħafna nies illum iqisu dak li tgħid il-​Bibbja bħala li m’huwiex taʼ min jafdah.

Mill-banda l-​oħra, dak li qal Ġesù Kristu f’talba lil Alla jqanqal fiduċja: “Kelmtek hi l-​verità.” U l-​Bibbja nfisha tgħid li hi ispirata minn Alla.—Ġwanni 17:17; 2 Timotju 3:16.

Int x’taħseb dwar dan? Hemm bażi soda għala għandna nafdaw il-​Bibbja? Jew tassew hemm evidenza li l-​Bibbja m’hijiex taʼ min joqgħod fuqha, li tikkontradixxi lilha nfisha, u li m’hijiex konsistenti?

Tikkontradixxi Lilha Nfisha?

Filwaqt li xi wħud jistgħu jistqarru li l-​Bibbja tikkontradixxi lilha nfisha, qatt xi ħadd uriek eżempju veru? Qatt ma kien hawn eżempju li meta ġie eżaminat bir-​reqqa nstab li kien minnu. Veru, jistaʼ jidher li hemm xi diskrepanzi f’ċerti rakkonti tal-​Bibbja. Iżda ħafna drabi l-​problema tkun nuqqas t’għarfien dwar id-​dettalji u ċ-​ċirkustanzi taż-​żminijiet.

Per eżempju, xi nies jiġbdu l-​attenzjoni għal dak li jqisuh bħala diskrepanza fil-​Bibbja billi jistaqsu: ‘Kajjin minfejn sabha lil martu?’ In-​nies jaħsbu li Kajjin u Abel kienu l-​uniċi tfal taʼ Adam u Eva. Iżda din l-​idea hija bbażata fuq fehma ħażina taʼ dak li tgħid il-​Bibbja. Il-​Bibbja tispjega li Adam “wiled subjien u bniet.” (Ġenesi 5:4) Għalhekk, Kajjin iżżewweġ lil waħda minn ħutu l-​bniet jew forsi lil xi neputija.

Spiss, il-​kritiċi jkunu sempliċement qed ifittxu kontradizzjonijiet, u għalhekk jistgħu jgħidu: ‘Il-​kittieb Bibliku Mattew jgħid li uffiċjal taʼ l-​armata ġie biex jitlob favur lil Ġesù, filwaqt li Luqa jgħid li xi rappreżentanti kienu mibgħutin biex jitolbu l-​favur. Liema hi t-​tajba?’ (Mattew 8:5, 6; Luqa 7:2, 3) Iżda hija din verament kontradizzjoni?

Meta jingħata l-​kredtu għall-​attività, jew ix-​xogħol, taʼ xi nies lill-​wieħed li fil-​fatt ikun responsabbli għaliha, bniedem raġunevoli mhux se jgħid li hemm xi diskrepanza. Per eżempju, rapport li jgħid li sindku għamel triq għalkemm it-​triq fil-​fatt tkun saret mill-​inġiniera u l-​ħaddiema tiegħu, se tqisu int bħala żbaljat? Dażgur li le! B’mod simili, ma hemmx żball min-​naħa taʼ Mattew li jgħid li l-​uffiċjal taʼ l-​armata talab favur lil Ġesù, iżda, bħalma jikteb Luqa, din it-​talba saret permezz taʼ ċerti rappreżentanti.

Hekk kif isiru magħrufin iżjed dettalji, jgħibu dawk li jidhru qishom diskrepanzi fil-​Bibbja.

L-​Istorja u x-​Xjenza

Kien hemm żmien li fih l-​eżattezza storika tal-​Bibbja kienet dubitata mhux ħażin. Per eżempju, il-​kritiċi qajmu dubji dwar l-​eżistenza taʼ karattri Bibliċi bħalma huma s-​Sultan Sargon taʼ l-​Assirja, Beltassar taʼ Babilonja, u l-​gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. Iżda sejbiet reċenti vverifikaw rakkont Bibliku wieħed wara l-​ieħor. Għalhekk, l-​istorjografu Moshe Pearlman kiteb: “F’daqqa waħda, ix-​xettiċi li kienu ddubitaw l-​awtentiċità saħansitra tal-​partijiet storiċi tat-​Testment il-​Qadim bdew ibiddlu fehmithom.”

Jekk se nafdaw il-​Bibbja, din għandha tkun eżatta f’affarijiet taʼ xjenza wkoll. Huwa minnu dan? Sa ftit ilu, ix-​xjenzati, b’kontradizzjoni mal-​Bibbja, sostnew li l-​univers ma kellux bidu. Madankollu, l-​astronomu Robert Jastrow reċentement irrefera għal informazzjoni iżjed ġdida li tagħti prova li dan m’huwiex minnu billi spjega: “Issa naraw kif l-​evidenza astronomika tappoġġa l-​ħarsa biblika dwar l-​oriġini tad-​dinja. Id-​dettalji huma differenti, iżda l-​elementi essenzjali fir-​rakkonti astronomiċi u bibliċi tal-​Ġenesi huma l-​istess.”—Ġenesi 1:1.

Il-bnedmin biddlu wkoll il-​ħarsa tagħhom dwar il-​forma tad-​dinja. The World Book Encyclopedia tispjega li “vjaġġi li fihom saru xi sejbiet urew li d-​dinja hija tonda, mhux ċatta, bħalma kienu jemmnu ħafna min-​nies.” Iżda l-​Bibbja kienet korretta minn dejjem! Iktar minn 2,000 sena qabel ma saru dawn il-​vjaġġi, f’Isaija 40:22 (Saydon) il-​Bibbja qalet: “Hu li jgħammar fuq id-​dawra taʼ l-​art,” jew bħalma jpoġġuha xi traduzzjonijiet oħra, “il-​globu taʼ l-​art” (Douay), “l-​art tonda.” (Moffatt)

Għalhekk, iżjed ma l-​bnedmin jitgħallmu, iżjed ikun hemm evidenza li l-​Bibbja tistaʼ tafdaha. Sir Frederic Kenyon, li kien direttur tal-​British Museum, kiteb: “Ir-​riżultati li diġà nkisbu jikkonfermaw dak li juri t-​twemmin dwar il-​fatt li iktar ma jgħaddi ż-​żmien iktar niskopru kemm il-​Bibbja fiha għarfien.”

Tbassar il-​Futur

Iżda nistgħu aħna verament nafdaw it-​tbassir tal-​Bibbja dwar il-​futur, inkluż il-​wegħdi taʼ ‘smewwiet ġodda u art ġdida li fihom tgħammar il-​ġustizzja’? (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:3, 4) Mela, il-​Bibbja kif uriet li hi taʼ min joqgħod fuqha fil-​passat? Għal darba wara l-​oħra, profeziji li tbassru saħansitra mijiet taʼ snin bil-​quddiem twettqu sa l-​iċken dettall!

Per eżempju, il-​Bibbja bassret il-​waqgħa tal-​belt setgħana taʼ Babilonja kważi 200 sena qabel ma dan seħħ. Fil-​fatt, il-​Medi, li saru alleati mal-​Persjani, ġew imsemmijin bħala l-​konkwistaturi. U għalkemm Ċiru, is-​Sultan Persjan, kien għadu lanqas biss twieled, il-​Bibbja bassret li hu kien se jkun prominenti fir-​rebħa. Il-​Bibbja qalet li l-​ilmijiet, ix-​xmara Ewfrat, li kienu jipproteġu lil Babilonja ‘jridu jiġu mnixxfin,’ u li “ebda bieb [taʼ Babilonja] ma jibqaʼ magħluq.”—Ġeremija 50:38; Isaija 13:17-19; 44:27–45:1.

Dawn id-​dettalji speċifiċi twettqu, bħalma qal l-​istorjografu Erodotu. Iżjed minn hekk, il-​Bibbja bassret li maż-​żmien Babilonja kellha ssir ħerba u post diżabitat. U proprju hekk ġara. Illum Babilonja hija borġ ġebel. (Isaija 13:20-22; Ġeremija 51:37, 41-43) Il-​Bibbja hija mimlija profeziji oħrajn li kellhom twettiq drammatiku.

Mela, il-​Bibbja xi tbassar dwar is-​sistema dinjija preżenti? Din tgħid: “L-​era finali taʼ din id-​dinja għandha tkun żmien taʼ ħafna inkwiet. In-​nies ma jkunu jħobbu xejn iktar ħlief il-​flus u lilhom infushom; se jkunu arroganti, kburin, u ġellidin; mingħajr ebda rispett lejn il-​ġenituri, bla gratitudni, bla ħniena, bla affezzjoni naturali . . . Huma se jkunu nies li jpoġġu l-​pjaċiri qabel Alla, nies li minn barra jidhru reliġjużi, imma ma jurux bil-​fatti r-​realtà tagħha.”—2 Timotju 3:1-5, The New English Bible.

Ċertament li aħna qed naraw it-​twettiq taʼ dan issa! Iżda l-​Bibbja tbassar ukoll li fl-​“era finali taʼ din id-​dinja” kellu jkun hawn dawn l-​affarijiet: “Ġens iqum kontra ġens saltna kontra saltna, u jkun hemm nuqqas taʼ ikel.” Iktar minn hekk, “ikun hemm terremoti kbar, u f’post wara l-​ieħor ikun hemm mard li jittieħed.”—Mattew 24:7; Luqa 21:11.

Tabilħaqq, il-​profeziji tal-​Bibbja qegħdin jitwettqu llum! Mela, xi ngħidu għall-​wegħdi li għad iridu jitwettqu bħalma huma: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem,” u, “Jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet . . . , u s-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed”?—Salm 37:29; Isaija 2:4.

Xi wħud jistgħu jgħidu: ‘Dawn il-​wegħdi lanqas jitwemmnu tant kemm huma sbieħ.’ Iżda, fil-​fatt m’hemm ebda raġuni biex aħna niddubitaw xi ħaġa li jwiegħed il-​Ħallieq tagħna. Il-​Kelma tiegħu tistaʼ tafdaha! (Titu 1:2) Billi tkompli teżamina l-​evidenza, int se tkun konvint dwar dan iktar minn qatt qabel.

Sakemm m’huwiex indikat mod ieħor, il-​kwotazzjonijiet mill-​Iskrittura Ebrajka huma meħudin mill-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni (1996) u dawk mill-​Iskrittura Griega huma meħudin mit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida li għandha lingwa moderna. L-​abbrevjazzjoni NW tindika n-​New World Translation of the Holy Scriptures—With References.

[Kumment f’paġna 4]

“Ir-​riżultati li diġà nkisbu jikkonfermaw dak li juri t-​twemmin dwar il-​fatt li iktar ma jgħaddi ż-​żmien iktar niskopru kemm fiha għarfien il-​Bibbja”