Huwa Ġesù Alla?
ĦAFNA nies iqisu t-Trinità bħala “d-duttrina ċentrali tal-Kristjaneżmu.” Skont dan it-tagħlim, huma jemmnu li l-Missier, l-Iben, u l-ispirtu qaddis huma tliet persuni f’Alla wieħed. Il-Kardinal John O’Connor qal hekk dwar it-Trinità: “Aħna nafu li dan huwa misteru li diffiċli biex tifhmu.” It-twemmin tat-Trinità għala hu daqshekk diffiċli biex tifhmu?
The Illustrated Bible Dictionary jagħti raġuni waħda. Meta titkellem fuq it-Trinità din il-pubblikazzjoni tammetti: “Dan it-tagħlim mhuwiex ibbażat minn fuq il-Bibbja fis-sens li mhux se ssib skritturi li jispjegawh.” Minħabba li t-tagħlim dwar it-Trinità “mhuwiex ibbażat minn fuq il-Bibbja,” it-Trinitarjani jagħmlu minn kollox biex jippruvaw isibu versi fil-Bibbja li jappoġġaw it-tagħlim tagħhom, saħansitra jaslu li jgħawġu xi versi.
Dan il-Vers Jappoġġa t-Trinità?
Eżempju wieħed taʼ vers fil-Bibbja li ħafna drabi jiġi użat ħażin huwa dak taʼ Ġwanni 1:1. Fil-King James Version, dan il-vers jgħid: “Fil-bidu kienet il-Kelma, u l-Kelma kienet m’Alla [bil-Grieg, ton the·onʹ], u l-Kelma kienet Alla [the·osʹ].” F’dan il-vers intużaw żewġ forom tan-nom Grieg the·osʹ (alla). L-ewwel waħda għandha qabilha l-artiklu definit Grieg ton (il-), u f’dan il-każ il-kelma the·onʹ tirreferi għal Alla Li Jistaʼ Kollox. Però t-tieni waħda, the·osʹ, m’għandhiex artiklu definit. Kien żball li ħallew l-artiklu barra?
Għaliex it-tagħlim tat-Trinità huwa daqshekk diffiċli biex tifhmu?
L-Evanġelju taʼ Ġwanni ġie miktub bil-Grieg komuni, Koine, li għandu regoli speċifiċi fejn għandu jintuża l-artiklu definit. A. T. Robertson, studjuż tal-Bibbja, jirrikonoxxi li kemm is-suġġett kif ukoll dak li jiġi warajh jieħu l-artiklu, “it-tnejn huma definiti, trattati l-istess, u jistgħu jieħdu post xulxin.” Robertson jikkunsidra bħala eżempju Mattew 13:38, li jgħid: “L-għalqa [bil-Grieg, ho a·grosʹ] hi d-dinja [bil-Grieg, ho koʹsmos].” Il-grammatika tgħinna nifhmu li d-dinja hi wkoll l-għalqa.
Imma xi ngħidu jekk is-suġġett għandu artiklu definit u dak li jiġi wara m’għandux, bħal fil-każ taʼ Ġwanni 1:1? Billi kkwota dak il-vers bħala eżempju, l-istudjuż James Allen Hewett jenfasizza: “Kif inhu poġġut il-kliem f’din l-iskrittura, is-suġġett u dak li jiġi wara mhumiex l-istess, indaqs, jew identiċi.”
Biex iġib eżempju, Hewett juża l-1 Ġwanni 1:5, li jgħid: “Alla hu dawl.” Bil-Grieg, “Alla” hu ho the·osʹ u għalhekk għandu artiklu definit. Imma fos għal “dawl” m’għandha l-ebda artiklu quddiemha. Hewett jiġbed l-attenzjoni li: “Wieħed jistaʼ dejjem . . . jgħid li Alla hu dawl, iżda mhux dejjem tistaʼ tgħid li d-dawl hu Alla.” Eżempji simili nsibuhom fi Ġwanni 4:24, “Alla hu Spirtu,” u fl-1 Ġwanni 4:16, “Alla hu mħabba.” F’dawn iż-żewġ versi, is-suġġett għandu l-artiklu definit imma dak li jiġi wara, “Spirtu” u “mħabba,” m’għandhomx. Mela s-suġġett u dak li jiġi wara ma jistgħux jieħdu post xulxin. Dawn il-versi ma jistgħux ifissru li “l-Ispirtu hu Alla” jew “l-imħabba hi Alla.”
L-identità taʼ “il-Kelma”
Ħafna studjużi u tradutturi tal-Bibbja jaqblu li Ġwanni 1:1 ma jiġbidx l-attenzjoni lejn l-identità, iżda lejn karatteristika taʼ “il-Kelma.” William Barclay, traduttur tal-Bibbja, qal: “Minħabba li [l-appostlu Ġwanni] ma poġġiex artiklu definit quddiem theos, din tiġi deskrizzjoni . . . Ġwanni hawnhekk mhuwiex qed jidentifika l-Kelma bħala Alla. Fi kliem sempliċi, hu ma jgħidx li Ġesù kien Alla.” L-istudjuż Jason David BeDuhn b’mod simili qal: “Bil-Grieg, jekk ma tpoġġix l-artiklu quddiem theos f’sentenza bħal dik fi Ġwanni 1:1ċ, il-qarrejja se jassumu li qed tirreferi għal ‘kwalunkwe alla.ʼ . . . Theos li m’għandhiex artiklu hi differenti minn ho theos, li għandha artiklu, bħalma bl-Ingliż nistgħu naraw id-differenza meta niktbu ‘a god’ u ‘God’.” BeDuhn iżid: “Fi Ġwanni 1:1, il-Kelma ma tirreferix għall-uniku Alla li jeżisti, iżda għal alla jew spirtu divin.” Jew kif qal Joseph Henry Thayer, studjuż li ħadem fuq l-American Standard Version: “Logos [jew, il-Kelma] kien divin, imma mhux l-Iktar wieħed divin.”
Ġesù għamel distinzjoni bejnu u bejn Missieru
Għandha l-identità t’Alla tkun misteru? Ma jidhirx li kienet misteru għal Ġesù. Fit-talba tiegħu lil Missieru, hu għamel distinzjoni bejnu u bejn Missieru meta qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Jekk nemmnu dak li qal Ġesù u nifhmu t-tagħlim sempliċi tal-Bibbja, se nirrispettaw lil Ġesù bħala dak li hu verament, l-Iben qaddis t’Alla. Ukoll se nqimu lil Ġeħova bħala “l-uniku Alla veru.”