Mur fil-kontenut

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

ŻAGĦŻUGĦA li ma kienx jinteressaha f’Alla u kellha xogħol tajjeb, kif sabet skop veru fil-​ħajja? Żagħżugħ Kattoliku x’tgħallem dwar il-​mewt li biddlitlu ħajtu? U żagħżugħ li kien imdejjaq b’ħajtu, x’tgħallem dwar Alla li ġiegħlu jsir Kristjan? Aqra x’qalu dawn in-​nies.

“Għal Ħafna Snin Saqsejt, ‘Għala Qegħdin Hawn?’”​—ROSALIND JOHN

  • SENA TAT-​TWELID: 1963

  • POST TAT-​TWELID: L-​INGILTERRA

  • PASSAT: KELLI KARRIERA TAJBA

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Jien twilidt fi Croydon, fin-​naħa t’Isfel taʼ Londra. Fil-​familja qegħdin disat itfal u jien is-​sitt waħda. Il-​ġenituri tiegħi huma minn St. Vincent, gżira fil-​Karibew. Ommi kienet tmur il-​knisja Metodista. Jien ma kelli l-​ebda interess li nitgħallem dwar Alla, imma kont nieħu pjaċir nistudja u nitgħallem affarijiet ġodda. Fil-​vaganzi tal-​iskola, kont nissellef il-​kotba mil-​librerija u kont noqgħod naqrahom fil-​kampanja.

Xi snin wara li tlaqt mill-​iskola, iddeċidejt li xtaqt ngħin lin-​nies fil-​bżonn. Bdejt naħdem ma’ nies li ma kellhomx fejn joqogħdu u m’oħrajn b’diżabbiltà. Imbagħad ħadt kors l-​università fil-​healthcare. Wara li ggradwajt, kelli ħafna xogħlijiet tajbin u stajt nonfoq ħafna flus. Xogħli kien li nagħti l-​pariri, allura kulma kelli bżonn biex naħdem kien il-​laptop u l-​Internet. B’hekk, kont insiefer ħafna u nagħmel xi ħmistax f’hotels sbieħ. Ħsibt li kelli ħajja tal-​ġenn. Imma dejjem kont naħseb dwar in-​nies li għandhom ħajja diffiċli.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Dejjem kont naħseb, ‘Għala qegħdin hawn?’ Imma qatt ma pprovajt infittex it-​tweġiba fil-​Bibbja. Oħti ż-​żgħira, Margaret, kienet saret waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-​1999, ġiet għandi mal-​ħabiba tagħha li kienet Xhud u hi wriet interess fija. Mingħajr ma kont naf bdejt nistudja l-​Bibbja mal-​ħabiba t’oħti. Imma minħabba l-​karriera tiegħi u l-​ħajja li kont ngħix ma tantx għamilt progress.

Fis-​sajf tal-​2002, mort noqgħod f’post ieħor fl-​Ingilterra. Hemmhekk, erġajt mort l-​università biex inġib degree oħra. Bdejt immur il-​laqgħat iktar regulari mat-​tifel tiegħi. Kont nieħu pjaċir nistudja l-​università, imma jien u nistudja l-​Bibbja fhimt għala hawn il-​problemi fid-​dinja u kif se jissolvew. Mattew 6:​24 jgħid li ma tistax tkun ilsir taʼ żewġ sidien, jew se taqdi lil Alla jew il-​flus. Dan beda jagħmel iktar sens għalija. Kont naf li issa kelli niddeċiedi x’kien l-​iktar importanti f’ħajti.

Sena qabel, kont immur nistudja l-​ktieb Is There a Creator Who Cares About You? * maʼ grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova. Jien kont konvinta li l-​Ħallieq tagħna, Ġeħova, biss għandu s-​soluzzjoni għall-​problemi li għandna. Imma fl-​università bdew jgħallmuna li m’għandniex bżonn lil Alla f’ħajjitna. Dan irrabjani ħafna. Allura, xahrejn wara ddeċidejt li nieqaf mill-​università u nuża l-​ħin tiegħi biex insir naf iżjed lil Alla.

Il-​versi fi Proverbji 3:​5, 6 vera għenuni: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” Dak li tgħallimt dwar Alla għamilni iktar ferħana mill-​flus u x-​xogħol. Iktar ma tgħallimt dwar l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​art u dwar għala Ġesù miet għalina, iktar ridt niddedika lili nnifsi lill-​Ħallieq u tgħammidt f’April tal-​2003. Imbagħad, komplejt nagħmel iktar bidliet f’ħajti biex ikolli iktar ħin għal Alla.

KIF IBBENEFIKAJT:

M’hemm xejn iktar importanti mill-​ħbiberija tiegħi ma’ Ġeħova. Issa li sirt nafu, inħossni iktar ferħana u fil-​paċi. Jiena ferħana wkoll li għandi ħbieb li jħobbu lil Ġeħova.

Jiena għadni nħobb nitgħallem mill-​Bibbja u mil-​laqgħat Kristjani. Nieħu pjaċir ukoll naqsam dak li nitgħallem m’oħrajn. Dan sar l-​iktar ħaġa importanti f’ħajti, għax b’hekk nistaʼ ngħin lin-​nies igawdu ħajja aħjar issa u jkollhom tama sabiħa għall-​futur. Ili pijuniera minn Ġunju tal-​2008, u qatt ma kont daqshekk kuntenta f’ħajti. Jien vera grata li Ġeħova wrieni x’inhu l-​iskop veru tal-​ħajja.

“Ħadtha bi Kbira Meta Miet il-​Ħabib Tiegħi.”—ROMAN IRNESBERGER

  • SENA TAT-​TWELID: 1973

  • POST TAT-​TWELID: L-​AWSTRIJA

  • PASSAT: NILGĦAB IL-​FLUS

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Jien trabbejt fir-​raħal żgħir ta’ Braunau, l-​Awstrija. In-​nies t’hemm kienu sinjuri u ma kienx hemm ħafna kriminalità. Jien u l-​familja tiegħi konna Kattoliċi.

Meta kont għadni żgħir, ġrat xi ħaġa li effettwatni ħafna. Fl-​1984, meta kelli madwar 11-​il sena, niftakar kont qed nilgħab il-​futbol ma’ wieħed mill-​ħbieb tiegħi. Imma dakinhar stess, hu miet f’inċident tat-​traffiku. Ħadtha bi kbira meta miet. Wara dak l-​aċċident, dejjem kont naħseb x’jiġri wara li mmutu.

Meta tlaqt mill-​iskola, ħdimt bħala elektrixin. Bdejt nilgħab ħafna flus, imma ma kellix problemi finanzjarji. Ukoll, qattajt ħafna ħin fl-​isports u anki saret togħġobni l-​mużika heavy metal u punk rock. Kont nieħu pjaċir immur il-​clubs u l-​parties. Dejjem kont nara x’se nivvinta biex inkun ferħan u kont ngħix ħajja immorali, imma ma kontx kuntent.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Fl-​1995, wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ħabbatli l-​bieb. Hu offrieli ktieb li jwieġeb mill-​Bibbja, X’jiġri wara l-​mewt? Kont għadni effettwat mill-​mewt tal-​ħabib tiegħi, allura ħadt il-​ktieb. Jien ma qrajtx biss il-​kapitlu dwar il-​mewt, imma l-​ktieb kollu!

Dak li qrajt wiġibli l-​mistoqsijiet li kelli dwar il-​mewt. Imma tgħallimt ħafna iktar minn hekk. Peress li trabbejt Kattoliku, għalija Ġesù kien iktar importanti minn Alla. Imma l-​istudju tal-​Bibbja għenni biex ikolli ħbiberija mill-​qrib m’Alla Ġeħova, Missier Ġesù. Kont vera ferħan meta tgħallimt li Ġeħova jimpurtah minna u jridna nsiru nafuh. (Mattew 7:​7-​11) Tgħallimt li dak li nagħmel jistaʼ jferraħ jew idejjaq lil Ġeħova, u li hu dejjem iżomm il-​wegħdi tiegħu. Allura bdejt ninteressa ruħi fil-​profeziji tal-​Bibbja u ridt nistudja kif twettqu ftit minnhom. Dak li tgħallimt saħħaħli l-​fidi tiegħi f’Alla.

Jien irrealizzajt li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu l-​unika nies li vera jridu jgħinu lil oħrajn jifhmu l-​Bibbja. Meta rajt il-​versi tal-​Bibbja fil-​pubblikazzjonijiet tagħhom, fittixthom fil-​Bibbja tiegħi. Iktar ma fittixt, iktar indunajt li sibt il-​verità.

Jien u nistudja l-​Bibbja tgħallimt li Ġeħova jridni nobdi l-​liġijiet tiegħu. Minn Efesin 4:​22-​24, rajt li kelli bżonn inneħħi “l-​personalità l-​qadima,” taʼ kif ‘kont inġib ruħi qabel,’ u kelli ‘nilbes il-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla.’ Għalhekk, ma bqajtx ngħix ħajja immorali. Tgħallimt ukoll li kelli nieqaf nilgħab il-​flus għax dan iġiegħel in-​nies iħobbu l-​flus. (1 Korintin 6:​9, 10) Jien kont naf li biex nagħmel dawn il-​bidliet kelli nieqaf nagħmilha mal-​ħbieb li kelli qabel u nagħmel ħbieb ġodda li riedu jogħġbu lil Alla.

Ma kienx faċli biex nagħmel dawn il-​bidliet. Imma bdejt nattendi l-​laqgħat max-​Xhieda taʼ Ġeħova u bdejt nagħmel ħbieb ġodda. Ukoll, kont nistudja l-​Bibbja waħdi. Dawn l-​affarijiet għenuni nbiddel it-​tip taʼ mużika li kont nismaʼ, x’ridt nagħmel b’ħajti, u kif kont nilbes. Fl-​1995, tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT:

Issa l-​flus m’għadhomx importanti għalija daqskemm kienu qabel. Qabel kont nirrabja malajr ħafna, imma issa iktar kalm. Ukoll, m’għadnix ninkwieta daqshekk fuq il-​futur.

Jien kuntent li nagħmel parti minn grupp taʼ nies mad-​dinja kollha li jaqdu lil Ġeħova. Minkejja li għandhom il-​problemi xorta jaqdu lil Alla b’lealtà. Ferħan ħafna li issa ma nużax il-​ħin u l-​enerġija għalija biss, imma wkoll biex naqdi lil Ġeħova u ngħin lil oħrajn.

“Issa Għandi Ħajja Ferħana.”—IAN KING

  • SENA TAT-​TWELID: 1963

  • POST TAT-​TWELID: L-​INGILTERRA

  • PASSAT: MA KONTX KUNTENT B’ĦAJTI

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Jien twelidt l-​Ingilterra, imma meta kelli seba’ snin, il-​familja tiegħi marret toqgħod l-​Awstralja. Morna noqogħdu l-​Gold Coast, post turistiku. Aħna ma konniex sinjuri imma qatt ma naqasna xejn.

Għalkemm kelli kollox meta kont tifel, qatt ma kont vera ferħan. Missieri kien jixrob ħafna. Minħabba x-​xorb u kif kien jittratta lil ommi, ma tantx kont inħobbu. Imma meta kont żagħżugħ stajt nifhem għala kien jagħmel hekk. Sirt naf minn xiex għadda bħala suldat fil-​Malasja.

Fis-​sekondarja bdejt nixrob. Meta kelli 16, tlaqt mill-​iskola u dħalt fin-​navy. Bdejt inpejjep u nieħu d-​drogi. Iktar ma beda jgħaddi ż-​żmien, iktar bdejt nixrob. Fil-​bidu kont nixrob l-​alkoħol fil-​weekends biss, imma mbagħad spiċċajt nixrob kuljum.

Meta kelli kważi 20 sena, bdejt niddubita jekk Alla jeżistix. Kont naħseb, ‘Jekk Alla jeżisti, għala jħalli lin-​nies ibatu u jmutu?’ Bdejt anki nikteb poeżiji, li fihom kont inwaħħal f’Alla għall-​ħażen li hawn fid-​dinja.

Meta kelli 23 sena, tlaqt min-​navy u bdejt nagħmel xogħlijiet differenti. Anki sifirt għal sena, imma ma bdejtx inħossni aħjar. Ma kontx naf xi rrid f’ħajti. L-​idea li tixtri dar u jkollok xogħol u karriera ma kinitx tagħmel sens għalija. L-​unika ħaġa li kienet tgħinni nħossni aħjar kienet li nixrob l-​alkoħol u nismaʼ l-​mużika.

Niftakar meta vera xtaqt nifhem għala qegħdin ngħixu. Kont il-​Polonja fil-​kamp tal-​konċentrament f’Auschwitz. Kont qrajt dwar l-​affarijiet koroh li ġraw hemmhekk. Imma meta kont hemm u rajt kemm kien kbir il-​kamp, ħassejtni ħażin. Ma stajtx nifhem kif in-​nies setgħu jkunu daqshekk kattivi ma’ nies oħra. Niftakarni nimxi madwar il-​kamp bid-​dmugħ f’għajnejja u nsaqsi, ‘Dan għala ġara?’

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Fl-​1993, mort lura l-​Awstralja u bdejt naqra l-​Bibbja biex insib it-​tweġibiet. Ftit wara, tnejn mix-​Xhieda ta’ Ġeħova ħabbtuli l-​bieb u stidnuni mmur konvenzjoni fi stejdjum viċin u ddeċidejt li mmur.

Ftit xhur qabel kont mort ġo dan l-​istejdjum biex nara logħba. Imma l-​atmosfera waqt il-​konvenzjoni kienet differenti ħafna. Ix-​Xhieda kienu edukati u lebsin pulit, u t-​tfal tagħhom ġabu ruħhom sew. Bqajt impressjonat b’dak li rajt waqt il-​brejk taʼ nofsinhar. Mijiet taʼ Xhieda marru jieklu fuq il-​ħaxix, u meta marru lura f’posthom ma ħallewx ħmieġ warajhom! Imma l-​iżjed ħaġa li impressjonatni kienet li dawn in-​nies kienu jidhru kuntenti u ferħanin, xi ħaġa li jien vera xtaqt. It-​taħditiet ma niftakarhomx, imma bqajt niftakar kif ġabu ruħhom.

Il-​kuġin tiegħi kien qara l-​Bibbja u studja reliġjonijiet differenti. Dakinhar filgħaxija ftakart x’kien qalli. Kien urieni li Ġesù qal li se nkunu nafu liema hi r-​reliġjon vera mill-​mod kif in-​nies tagħha jġibu ruħhom. (Mattew 7:​15-​20) Allura ddeċidejt li nsir naf għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma daqshekk differenti. Għall-​ewwel darba ħassejt li nistaʼ nkun ferħan.

Il-​ġimgħa taʼ wara, iż-​żewġt irġiel li kienu stidnuni għall-​konvenzjoni reġgħu ġew. Offrewli studju tal-​Bibbja u jien aċċettajt. Ukoll, bdejt nattendi l-​laqgħat magħhom.

Jien u nistudja l-​Bibbja, lil Alla bdejt narah differenti. Tgħallimt li mhux hu jġib it-​tbatija u l-​affarijiet ħżiena. Ukoll, li hu jweġġaʼ meta n-​nies jagħmlu affarijiet ħżiena. (Ġenesi 6:6; Salm 78:40, 41) Iddeċidejt li nagħmel l-​aħjar li nistaʼ biex ma nweġġax lil Ġeħova u nagħmlu ferħan. (Proverbji 27:11) Waqaft nixrob, inpejjep, u ma bqajtx ngħix ħajja immorali. F’Marzu tal-​1994, tgħammidt u sirt wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT:

Issa nħossni vera ferħan. M’għadnix nixrob biex insolvi l-​problemi tiegħi. Minflok, tgħallimt nistrieħ fuq Ġeħova meta jkolli l-​problemi.​—Salm 55:22.

Ili miżżewweġ għaxar snin lil Karen, u hi għandha tifla jisimha Nella. It-​tlieta li aħna naqdu lil Ġeħova u nieħdu pjaċir ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwaru. Issa nħoss li għandi ħajja ferħana.

^ Ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.