Mur fil-kontenut

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Il-Pornografija—Hija l-Pornografija Perikoluża?

Il-Pornografija—Hija l-Pornografija Perikoluża?

Id-​dinja llum hi mimlija pornografija. * Nistgħu nsibuha fir-​riklami, magazines, films, mużika, kif ukoll fuq it-​televixin, fil-​video games, fil-​mowbajl, il-​websajts u fuq il-​midja soċjali. Illum il-​ġurnata, il-​pornografija saret aċċettata kważi minn kulħadd. Iktar minn qatt qabel, illum iktar nies qed jaraw il-​pornografija.​—Ara l-​kaxxa  “Fatti Dwar il-​Pornografija.”

Il-​pornografija llum qed tinbidel. Il-​professura Gail Dines kitbet: “L-​istampi llum tant saru estremi li dak li qabel kien xokkanti, illum hu pornografija komuni.”

Inti x’taħseb? Hi l-​pornografija xi passatemp li ma jagħmilx ħsara? Ġesù qal: “Kull siġra tajba tagħmel frott tajjeb, imma kull siġra mħassra tagħmel frott ħażin.” (Mattew 7:17) X’effett tagħmel il-​pornografija? Biex insibu t-​tweġibiet, ejja nikkunsidraw xi mistoqsijiet dwar il-​pornografija.

Il-​pornografija kif teffettwa lin-​nies?

X’JGĦIDU L-​ESPERTI: Tant hu faċli li tiġi tiddependi mill-​pornografija, li xi esperti jgħidu li hu simili għal dawk li jiddependu mid-​droga.

Brian, * li kien miġbud lejn il-​pornografija fuq l-​internet, jgħid: “Xejn ma setaʼ jwaqqafni. Ħassejtni qisni kont iddrogat. Tant kont inħossni guilty, li letteralment kont inħossni ma niflaħx. Pruvajt nieqaf imma snin wara kont għadni ma ħriġtx minnha.”

Nies li jaraw il-​pornografija spiss jaħbu li jagħmlu dan. Ħafna li jaraw il-​pornografija jħossuhom maqtugħin waħedhom, mistħijin, ansjużi, dipressi, u rrabjati. F’xi każi anki jibdew jaħsbu biex jagħmlu suwiċidju. Serge, li kien jiddawnlowdja l-​pornografija fuq il-​mowbajl kważi kuljum, jgħid: “Jien kont biss naħseb dwari nnifsi u kont iddisprat. Kont inħossni ma niswa għal xejn, guilty, waħdi, u maqbud f’nassa. Tant kont nistħi u nibżaʼ li qatt ma tlabt għajnuna.”

Il-​pornografija tistaʼ tkun perikoluża anki jekk taraha għal ftit jew bi żball. Meta kienet quddiem il-​U.S. Senate committee, Dr.  Judith Reisman, esperta fuq l-​effetti tal-​pornografija, qalet: “Stampi pornografiċi jibqgħu fil-​moħħ u huma vera diffiċli biex tneħħihom.” Susan, li għandha 19-​il sena u li kienet tara l-​pornografija fuq il-​websajts, tgħid: “L-​istampi għadhom f’moħħi u xi kultant bħal għadni narahom. Inħoss daqslikieku qatt ma nistaʼ nħassarhom.”

X’NISTGĦU NITGĦALLMU: Min jara l-​pornografija jsir skjav tagħha u jweġġaʼ lilu nnifsu.—2 Pietru 2:19.

Il-​pornografija kif teffettwa l-​familji?

X’JGĦIDU L-​ESPERTI: “Il-​koppji u l-​familji jinfirdu minħabba l-​porn.”—The Porn Trap, miktub minn Wendy u Larry Maltz.

Il-​pornografija tkisser iż-​żwiġijiet u l-​familji billi:

  • Ma jibqgħux close bejniethom u l-​imħabba taʼ bejniethom tonqos.—Proverbji 2:12-​17.

  • Tagħmlek egoist, riservat, u ma tibqax ferħan mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek.—Efesin 5:28, 29.

  • Tkabbar xewqat u fantasiji sesswali.—2 Pietru 2:14.

  • Min jaraha jistaʼ jisforza lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħu biex tagħmel sess mhux aċċettabbli.—Efesin 5:3, 4.

  • Twassal biex il-​koppji ma jibqgħux leali lejn xulxin kemm fil-​ħsibijiet tagħhom u kemm f’dak li jagħmlu.—Mattew 5:28.

Il-​Bibbja tgħid lil uħud miżżewġin biex ma jittradux lil xulxin. (Malakija 2:16) L-​adulterju hu tip taʼ tradiment li jkisser żwieġ u jwassal għal separazzjoni u divorzju. Dan se jeffettwa anki lit-​tfal.

Il-​pornografija tistaʼ wkoll tweġġaʼ lit-​tfal b’mod iktar dirett. Brian, li ssemma qabel, jispjega: “Meta kelli madwar għaxar snin, bi żball sibt il-​magazines tal-​pornografija taʼ missieri waqt li kont qed nilgħab noli. Jien bdejt narahom bil-​moħbi għalkemm ma stajtx nifhem għala stampi bħal dawn bdew jiġbduni. Dan wassalni biex nibda l-​vizzju qerriedi li baqaʼ miegħi anki meta kbirt.” L-​istudji juru li l-​pornografija tistaʼ tinfluwenza liż-​żgħażagħ biex ikunu sesswalment attivi minn età żgħira, biex ikollhom ħafna partners differenti, u jsiru vjolenti sesswalment. U wkoll, minħabba l-​pornografija jistgħu ma jibqgħux stabbli emozzjonalment u psikoloġikament.

X’NISTGĦU NITGĦALLMU: Il-​pornografija hi bħal valenu għal familji li jħobbu lil xulxin u din twassal għal tipi differenti taʼ wġigħ.—Proverbji 6:27.

X’tgħid il-​Bibbja dwar il-​pornografija?

IL-​KELMA T’ALLA TGĦID: “Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom . . . fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.”—Kolossin 3:5.

B’mod sempliċi nistgħu ngħidu li Alla Ġeħova * jobgħod il-​pornografija. Dan mhux għax hu kontra s-​sess. Hu ħalaqna b’tali mod li jistaʼ jkollna relazzjonijiet sesswali bl-​iskop li koppji miżżewġin jużawhom biex jissodisfaw lil xulxin, isiru eqreb taʼ xulxin, u biex jesperjenzaw il-​ferħ taʼ li jkollhom it-​tfal.—Ġakbu 1:17.

Allura, kif nafu li Ġeħova jobgħodha daqstant il-​pornografija? Ejja nikkunsidraw ftit raġunijiet.

  • Hu jaf li l-​pornografija tistaʼ teqred il-​ħajjiet.—Efesin 4:17-​19.

  • Hu jħobbna u jrid jipproteġina mill-​periklu.—Isaija 48:17, 18.

  • Ġeħova jrid jipproteġi ż-​żwiġijiet u l-​familji.—Mattew 19:4-​6.

  • Hu jixtieqna nkunu nodfa moralment u nirrispettaw id-​drittijiet t’oħrajn.—1 Tessalonikin 4:3-​6.

  • Hu jrid li s-​sess ikun nadif u diċenti.—Ebrej 13:4.

  • Ġeħova jaf li l-​pornografija mhix naturali, hi egoista, u turi kif Satana jaħseb dwar is-​sess.—Ġenesi 6:2; Ġuda 6, 7.

X’NISTGĦU NITGĦALLMU: Il-​pornografija tkisser il-​ħbiberija m’Alla.—Rumani 1:24.

Ġeħova veru jixtieq jgħin lil dawk li qed jippruvaw jaħarbu n-​nassa tal-​pornografija. Il-​Bibbja tgħid: “Ġeħova ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba. Għax hu jaf tajjeb kif aħna msawrin, u jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:8, 14) Hu jistieden lil uħud umli biex iduru lejh ħalli jsibu “ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-​għajnuna f’waqtha.”—Ebrej 4:16; ara l-​kaxxa “ Aqtaʼ l-​Vizzju tal-​Pornografija.”

Ħafna aċċettaw l-​għajnuna t’Alla. X’effett għandha l-​għajnuna tiegħu? Innota x’tgħid il-​Bibbja dwar xi wħud li waqqfu vizzji ħżiena: “Ġejtu maħsulin, . . . ġejtu mqaddsin, . . . ġejtu dikjarati ġusti f’isem il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu u bl-​ispirtu t’Alla tagħna.” (1 Korintin 6:11) Bħall-​appostlu Pawlu, uħud bħal dawn jistgħu jgħidu: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”—Filippin 4:13.

Susan, li rnexxielha tirbaħ dan il-​vizzju tal-​pornografija, qalet: ”Ġeħova hu l-​uniku wieħed li jistaʼ jgħinek tegħleb dan il-​vizzju. Jekk titolbu għall-​għajnuna u l-​gwida, int tistaʼ tkun ħabib tiegħu. Hu żgur li mhux se jiddiżappuntak.”

^ par. 3 “Pornografija” tirreferi għal materjal sesswali li hu magħmul biex iqajjem aptit sesswali għal min ikun qed jarah, jisimgħu jew jaqrah. Dan jinkludi stampi, kif ukoll materjal miktub jew li tisimgħu.

^ par. 8 L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

^ par. 25 Ġeħova hu l-​isem t’Alla bħalma turina l-​Bibbja.