Il-Ħajja f’Dinja Ġdida taʼ Paċi
Il-Ħajja f’Dinja Ġdida taʼ Paċi
Meta tħares lejn ix-xena taʼ dan il-fuljett, liema sentimenti tħoss int? Ma tixxennaqx qalbek għall-paċi, il-ferħ, u r-riżq li naraw hawnhekk? Żgur li hekk hu. Iżda hija din sempliċi ħolma, jew fantasija, li temmen li dawn il-kundizzjonijiet xi darba se jeżistu fuq l-art?
Il-biċċa l-kbira min-nies x’aktarx li hekk jaħsbu. Ir-realtajiet taʼ llum il-ġurnata huma gwerer, delitti, ġuħ, mard, xjuħija—biex insemmu biss ftit. Iżda hemm raġuni għal tama. Billi tħares lejn il-futur, il-Bibbja titkellem dwar “smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13; Isaija 65:17.
Dawn is-“smewwiet ġodda” u “art ġdida,” skond il-Bibbja, m’humiex smewwiet ġodda fiżiċi jew xi art ġdida letterali. L-art u s-smewwiet letterali kienu magħmulin perfetti, u l-Bibbja turi li dawn se jibqgħu għal dejjem. (Salm 89:37, 38 [89:36, 37, NW]; 104:5) L-“art ġdida” se tkun soċjetà taʼ ġustizzja taʼ nies li jgħixu fuq l-art, u s-“smewwiet ġodda” se jkunu s-saltna, jew gvern, perfetta tas-sema li se taħkem fuq in-nies taʼ din is-soċjetà taʼ l-art. Iżda huwa realistiku li temmen li “art ġdida,” jew dinja ġdida glorjuża, hi possibbli?
Sewwa, ikkunsidra l-fatt li kundizzjonijiet ideali bħal dawn kienu parti mill-għan oriġinali li Alla kellu għall-art. Huwa qiegħed lill-ewwel koppja umana fil-ġenna taʼ l-art taʼ l-Għeden u tahom biċċa xogħol meraviljuża: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha.” (Ġenesi 1:28) Iva, l-għan t’Alla għalihom kien li jkollhom it-tfal u li eventwalment jifirxu l-Ġenna tagħhom maʼ l-art kollha. Għalkemm iktar tard huma għażlu li ma jobdux lil Alla, u b’hekk urew li ma kinux denji li jgħixu għal dejjem, l-għan oriġinali t’Alla ma nbidilx. U dan irid iseħħ f’dinja ġdida.—Isaija 55:11.
Fil-fatt, meta titlob it-talba tal-Mulej, jew il-Missierna, billi tistaqsi biex tiġi s-Saltna t’Alla, int qiegħed titlob għall-gvern tiegħu tas-sema biex jeħles l-art mill-ħażen u biex jaħkem fuq din id-dinja ġdida. (Mattew 6:9, 10) U nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jwieġeb dik it-talba, ladarba l-Kelma tiegħu twiegħed: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
Il-Ħajja fid-Dinja l-Ġdida t’Alla
Is-Saltna t’Alla se ġġib benefiċċji għall-art li xejn ma jistaʼ jitqabbel magħhom, billi twettaq kull ħaġa tajba li Alla oriġinalment kellu skop li jagħmel biex il-poplu tiegħu jgawdi fuq l-art. Mibegħda u preġudizzji ma jibqgħux jeżistu, u eventwalment kulħadd fuq l-art se jkun ħabib veru taʼ kulħadd. Fil-Bibbja, Alla jwiegħed li se “jwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.” “Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—Salm 46:10 (46:9, NW); Isaija 2:4.
Eventwalment, id-dinja kollha se tinġieb fi stat taʼ ġenna bħal li kieku ġnien. Il-Bibbja tgħid: “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis. . . . Igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri. L-art maħruqa tinbidel f’għadira, u l-art niexfa f’għejun taʼ ilma ġieri.”—Isaija 35:1, 6, 7.
Se jkun hemm kull raġuni biex tkun ferħan fil-Ġenna taʼ l-art. In-nies qatt iktar ma se jerġgħu jkunu bil-ġuħ minħabba nuqqas taʼ ikel. “L-art tat il-frott tagħha,” tgħid il-Bibbja. (Salm 67:7 [67:6, NW]; 72:16) Kulħadd se jgawdi l-frott taʼ xogħol idejh stess, hekk kif il-Ħallieq tagħna jwiegħed: “Iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. . . . ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor.”—Isaija 65:21, 22.
Isaija 65:21-23) B’hekk in-nies se jkollhom xogħol produttiv li jissodisfa. Il-ħajja m’hijiex se tkun monotona.
Fid-dinja l-ġdida t’Alla, in-nies mhux se jkunu iktar imrassin f’bini kbir t’appartamenti jew f’kerrejja mfarrkin, għax Alla għandu l-iskop li: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom . . . Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor.” Il-Bibbja twiegħed ukoll: “Ma jitħabtux għal xejn.” (Maż-żmien, is-Saltna t’Alla se ġġedded ir-relazzjonijiet paċifiċi li kienu jeżistu fil-ġnien taʼ l-Għeden bejn l-annimali, u bejn l-annimali u l-bnedmin. Il-Bibbja tgħid: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn taʼ tfajjel isuqhom.”—Isaija 11:6-9; Hosegħa 2:20 (2:18, NW).
Immaġina ftit, fil-Ġenna taʼ l-art il-mard u d-dgħjufijiet fiżiċi kollha se jkunu mfejqin ukoll! Il-Kelma t’Alla tiżgurana: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas ugigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:4.
Kif Dan Hu Possibbli Għalik
Żgur li qalbek titqanqal mill-wegħdi t’Alla rigward il-ħajja f’din id-dinja ġdida taʼ ġustizzja. U filwaqt li xi wħud jistgħu jħossu li t-twettiq taʼ dawn il-barkiet huwa sabiħ wisq biex ikun veru, dawn l-affarijiet m’humiex sbieħ wisq biex jiġu minn id il-Ħallieq maħbub tagħna.—Salm 145:16; Mikea 4:4.
M’għandniex xi ngħidu, hemm ħtiġijiet li jridu jiġu mwettqin jekk aħna se ngħixu għal dejjem fil-Ġenna taʼ l-art li riesqa. Ġesù wera ħtieġa prinċipali billi fit-talb lil Alla qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.
Mela jekk tassew irridu ngħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla, l-ewwel irridu nitgħallmu r-rieda t’Alla u mbagħad inwettquha. Għax il-fatt huwa dan: Din “id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla se jibqaʼ għal dejjem,” sabiex igawdi għal dejjem il-barkiet li ġejjin mill-Ħallieq maħbub tagħna.—1 Ġwanni 2:17.
Sakemm m’huwiex indikat mod ieħor, il-kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Ebrajka huma meħudin mill-Bibbja taʼ l-Għaqda Biblika Maltija, It-Tieni Edizzjoni (1996) u dawk mill-Iskrittura Griega huma meħudin mit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida li għandha lingwa moderna. L-abbrevjazzjoni NW tindika n-New World Translation of the Holy Scriptures—With References.