Mur fil-kontenut

Tixtieq tkun taf il-​verità?

Tixtieq tkun taf il-​verità?

IL-​VERITÀ dwar xiex? Dwar ftit mill-​iktar mistoqsijiet importanti li qatt staqsew il-​bnedmin. Forsi ġieli ħsibt dwar mistoqsijiet bħal dawn:

  • Veru li Alla jimpurtah minna?

  • Il-​gwerer u t-​tbatija qatt se jispiċċaw?

  • X’jiġrilna meta mmutu?

  • Hemm xi tama għall-​mejtin?

  • Kif nistaʼ nitlob b’mod li Alla jismagħni?

  • Kif jistaʼ jkolli l-​hena f’ħajti?

Kieku fejn tfittex it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet? Kieku kellek tmur f’libreriji jew fi ħwienet tal-​kotba, forsi ssib eluf taʼ kotba li jsostnu li għandhom it-​tweġibiet. Madankollu, spiss ktieb wieħed jikkontradixxi lil ieħor. Oħrajn jidhru li huma validi għal ċertu perijodu taʼ żmien imma malajr ma jibqgħux u jiġu riveduti jew toħroġ xi ħaġa oħra minflokhom.

Madankollu, hemm ktieb wieħed li fih tweġibiet taʼ min joqgħod fuqhom. Huwa ktieb li fih il-​verità. Ġesù Kristu qal meta kien qed jitlob lil Alla: “Kelmtek hi l-​verità.” (Ġwanni 17:17) Illum dik il-​Kelma hija magħrufa bħala l-​Bibbja Mqaddsa. Mill-​paġni li jmiss int se tieħu idea tat-​tweġibiet ċari u veri li tagħti l-​Bibbja għall-​mistoqsijiet t’hawn fuq.

Veru li Alla Jimpurtah Minna?

GĦALA TQUM IL-​MISTOQSIJA: Qed ngħixu f’dinja mimlija krudeltà u inġustizzja. Ħafna reliġjonijiet jgħallmu li t-​tbatijiet li nġarrbu huma r-​rieda t’Alla.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA: Alla qatt ma jikkaġuna dak li hu mill-​agħar. “Ma jistax ikun li l-​Alla l-​veru jaġixxi bil-​ħażen, u li Dak li Jistaʼ Kollox jaġixxi b’mod inġust!” jgħid Ġob 34:10. Alla għandu skop kollu mħabba għall-​bnedmin. Dan hu għala Ġesù għallimna nitolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa . . . tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:9, 10) Alla tant jimpurtah minna li għamel minn kollox biex żgur iwettaq l-​iskop tiegħu.—Ġwanni 3:16.

Ara wkoll Ġenesi 1:26-28; Ġakbu 1:13; u l-​1 Pietru 5:6, 7.

Il-​Gwerer u t-​Tbatija Qatt Se Jispiċċaw?

GĦALA TQUM IL-​MISTOQSIJA: Il-​gwerer għadhom qed joqtlu ħajjiet umani bla għadd. Ilkoll kemm aħna esperjenzajna t-​tbatija umana.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA: Alla jbassar żmien li fih se jistabbilixxi l-​paċi mad-​dinja kollha. Taħt is-​Saltna tiegħu, gvern li jaħkem mis-​sema, in-​nies “ma jitħarrġux iktar għall-​gwerra.” Minflok, se “jaħdmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet.” (Isaija 2:4) Alla se jtemm l-​inġustizzja u t-​tbatija kollha. Il-​Bibbja twiegħed: “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel [inkluż l-​inġustizzji u t-​tbatijiet taʼ żmienna] ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Ara wkoll Salm 37:10, 11; 46:9; u Mikea 4:1-4.

X’Jiġrilna Meta Mmutu?

GĦALA TQUM IL-​MISTOQSIJA: Il-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet tad-​dinja jgħallmu li xi ħaġa fil-​bniedem tibqaʼ ħajja wara l-​mewt. Xi wħud jemmnu li l-​mejtin jistgħu jagħmlu l-​ħsara lill-​ħajjin jew li Alla jikkastiga lill-​ħżiena billi jikkundannahom għal turment etern f’infern tan-​nar.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA: Malli jmutu, il-​bnedmin ma jibqgħux jeżistu. “Il-​mejtin ma jafu assolutament xejn,” jgħid Ekkleżjasti 9:5. Ladarba l-​mejtin ma jistgħu jkunu jafu, iħossu, jew jesperjenzaw xejn, ma jistgħux jagħmlu ħsara—jew jgħinu—lill-​ħajjin.—Salm 146:3, 4.

Ara wkoll Ġenesi 3:19 u Ekkleżjasti 9:6, 10.

Hemm Xi Tama għall-​Mejtin?

GĦALA TQUM IL-​MISTOQSIJA: Aħna rridu ngħixu u ngawdu ħajjitna mal-​maħbubin tagħna. Hija xi ħaġa naturali li nixxennqu biex nerġgħu naraw lill-​maħbubin mejtin tagħna.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA: Ħafna minn dawk li mietu se jiġu rxoxtati. Ġesù wiegħed li dawk “li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira . . . joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Fi qbil maʼ l-​iskop oriġinali t’Alla, dawk li jiġu rxoxtati bħala bnedmin se jkollhom l-​opportunità li jgħixu f’art magħmula ġenna. (Luqa 23:43) Dan il-​futur imwiegħed jinkludi saħħa perfetta u ħajja taʼ dejjem għal bnedmin ubbidjenti. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.

Ara wkoll Ġob 14:14, 15; Luqa 7:11-17; u Atti 24:15.

Kif Nistaʼ Nitlob b’Mod li Alla Jismagħni?

GĦALA TQUM IL-​MISTOQSIJA: Tistaʼ tgħid li kważi n-​nies kollha jitolbu, huma minn liema reliġjon huma. Imma ħafna jħossu li t-​talb tagħhom ma jiġix imwieġeb.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA: Ġesù għallimna biex ma noqogħdux nirripetu l-​istess affarijiet fit-​talb tagħna. Hu qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-​istess ħaġa.” (Mattew 6:7) Jekk irridu li Alla jismaʼ talbna rridu nitolbu bil-​mod li japprova hu. Sabiex nagħmlu dan, irridu nitgħallmu x’inhi r-​rieda t’Alla u mbagħad nitolbu skond din ir-​rieda. L-​Ewwel Ġwanni 5:14 jispjega: “Kulma nitolbuh skond ir-​rieda [t’Alla], hu jismagħna.”

Ara wkoll Salm 65:2; Ġwanni 14:6, 14; u l-​1 Ġwanni 3:22.

Kif Jistaʼ Jkolli l-​Hena f’Ħajti?

GĦALA TQUM IL-​MISTOQSIJA: Ħafna nies jemmnu li l-​flus, il-​fama, jew is-​sbuħija tagħmilhom henjin. Għalhekk, huma jirsistu għal dawn l-​affarijiet—biss biex jindunaw li ma jistgħux jiksbu l-​hena.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA: Ġesù wera x’inhu fundamentali għall-​hena meta qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) L-​hena veru jistaʼ jinkiseb biss jekk naġixxu biex nissodisfaw l-​akbar ħtieġa tagħna—il-​ġuħ tagħna għall-​verità spiritwali dwar Alla u dwar l-​iskop tiegħu għalina. Din il-​verità tinsab fil-​Bibbja. Meta nkunu nafu l-​verità nistgħu niġu megħjunin nagħrfu x’inhu tassew importanti—u x’m’huwiex. Jekk inħallu l-​verità tal-​Bibbja tiggwida d-​deċiżjonijiet u l-​azzjonijiet tagħna jkollna ħajja iktar siewja.—Luqa 11:28.

Ara wkoll Proverbji 3:5, 6, 13-18 u l-​1 Timotju 6:9, 10.

Din kienet biss daqqa t’għajn ħafifa lejn it-​tweġibiet tal-​Bibbja għal sitt mistoqsijiet. Tixtieq tkun taf iktar minn hekk? Jekk int wieħed minn dawk li “huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom,” żgur li tixtieq. Għandek mnejn taħseb dwar mistoqsijiet oħrajn, bħal: ‘Jekk Alla jimpurtah minna, għala ppermetta li jkun hawn daqshekk ħażen u tbatija tul l-​istorja? Kif nistaʼ ntejjeb il-​kwalità tal-​ħajja tal-​familja tiegħi?’ Il-​Bibbja tagħti tweġibiet sħaħ u sodisfaċenti għal dawn il-​mistoqsijiet u ħafna oħrajn.

Però, ħafna llum jaħsbuha darbtejn biex ifittxu fil-​Bibbja. Huma jħarsu lejha bħala ktieb kbir wisq li kultant hu diffiċli biex tifhmu. Tixtieq tingħata għajnuna biex issib it-​tweġibiet fil-​Bibbja? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova joffru żewġ għodod li jistgħu jgħinuk.

L-ewwel, il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? huwa mfassal biex jgħin lil min għandu ħafna x’jagħmel ħalli jeżamina t-​tweġibiet ċari tal-​Bibbja għal mistoqsijiet vitali. It-​tieni għodda hija programm taʼ studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas. Wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova li joqgħod fl-​inħawi tiegħek u li hu kwalifikat biex jgħallem il-​Bibbja, jistaʼ jiġi d-​dar tiegħek jew f’post ieħor konvenjenti għalik u bla ħlas iqattaʼ ftit ħin kull ġimgħa jiddiskuti l-​Bibbja miegħek. Miljuni taʼ nies madwar id-​dinja bbenefikaw minn dan il-​programm. Ħafna waslu għal din il-​konklużjoni taʼ ferħ: “Sibt il-​verità!”

Ma tistax issib teżor akbar minn dan. Il-​verità tal-​Bibbja teħlisna mis-​superstizzjoni, mit-​taħwid, u mill-​biżaʼ li jwaħħax. Tagħtina tama, skop, u ferħ. Ġesù qal: “Tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.”—Ġwanni 8:32.