Mur fil-kontenut

Se Tibqaʼ Teżisti din id-Dinja?

Se Tibqaʼ Teżisti din id-Dinja?

Se Tibqaʼ Teżisti din id-​Dinja?

L-​ebda ġenerazzjoni oħra ma semgħet daqshekk diskors dwar it-​tmiem tad-​dinja. Ħafna jibżgħu li d-​dinja se tispiċċa f’olokawst nukleari. Oħrajn jaħsbu li t-​tniġġis jistaʼ jeqred lid-​dinja. Jerġaʼ oħrajn jinkwetaw li kaos ekonomiku se jdawwar lill-​mases taʼ l-​umanità kontra xulxin.

Tistaʼ din id-​dinja tispicca tassew? Li kieku jiġrilha hekk, xi jkun ifisser? Qatt spiċċat xi dinja qabel?

Dinja Tispiċċa—Oħra Tiġi Minflokha

Iva, kien hemm dinja li spiċċat. Ikkunsidra d-​dinja li kienet saret ferm mill-​agħar fi żmien Noè. Il-​Bibbja tispjega: “Id-​dinja taʼ dak iż-​żmien inqerdet meta ġiet mgħarrqa bl-​ilma.” Il-​Bibbja tgħid ukoll: “[Alla] ma żammx lura milli jikkastiga dinja tal-​qedem, imma lil Noè, predikatur tal-​ġustizzja, żammu qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”—2 Pietru 2:5; 3:6.

Innota t-​tmiem taʼ dik id-​dinja x’kien ifisser u x’ma kienx ifisser. Ma kienx ifisser it-​tmiem taʼ l-​umanità. Noè u l-​familja tiegħu salvaw mid-​Dilluvju globali. Hekk ukoll għamlet il-​pjaneta Art u s-​smewwiet sbieħ kollhom kwiekeb. Kienet id-​“dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla” li għabet, sistema mill-​agħar.

Maż-żmien, hekk kif in-​nisel taʼ Noè żdied, żviluppat dinja oħra. Dik it-​tieni dinja, jew sistema, għadha teżisti sal-​ġurnata tal-​lum. L-​istorja tagħha kienet mimlija bi gwerer, kriminalità, u vjolenza. X’se jiġrilha din id-​dinja? Se tibqaʼ teżisti?

Il-​Futur taʼ Din id-​Dinja

Wara li jgħid li d-​dinja taʼ żmien Noè sofriet qerda, ir-​rakkont tal-​Bibbja jkompli: “Bl-​istess kelma, is-​smewwiet u l-​art t’issa huma merfugħin għan-​nar.” (2 Pietru 3:7) Tabilħaqq, bħalma jispjega kittieb ieħor tal-​Bibbja: “Id-​dinja [dik li teżisti llum] tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll.”—1 Ġwanni 2:17.

Il-Bibbja ma tfissirx li l-​art letterali jew is-​smewwiet bil-​kwiekeb se jgħaddu, saħansitra bħalma dawn m’għaddewx fi żmien Noè. (Salm 104:5) Minflok, din id-​dinja, bis-​“smewwiet” tagħha, jew il-​ħakkiema governattivi taħt l-​influwenza taʼ Satana, u l-​“art” tagħha, jew is-​soċjetà umana tagħha, se tiġi meqruda bħallikieku bin-​nar. (Ġwanni 14:30; 2 Korintin 4:4) Din id-​dinja, jew sistema, se tgħib sewwasew bħalma għamlet id-​dinja taʼ qabel id-​Dilluvju. Saħansitra Ġesù Kristu tkellem dwar is-​sitwazzjoni f’“jiem Noè” bħala eżempju taʼ x’kellu jiġri eżatt qabel it-​tmiem taʼ din id-​dinja.—Mattew 24:37-39.

B’mod sinifikanti, meta Ġesù tkellem dwar żmien Noè, dan kien bi tweġiba għall-​mistoqsija taʼ l-​appostli tiegħu: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u taʼ tmiem is-​sistema?” (Mattew 24:3) Is-​segwaċi taʼ Ġesù kienu jafu li din id-​dinja kellha tispiċċa. Beżżagħhom dan il-​prospett?

Għall-kuntrarju, meta Ġesù ddeskriva ġrajjiet li kellhom iseħħu qabel tmiem id-​dinja, hu ħeġġiġhom biex jifirħu ‘għax ikun qorob il-​ħelsien tagħhom.’ (Luqa 21:28) Iva, ħelsien minn Satana u s-​sistema mill-​agħar tiegħu għal ġo dinja ġdida taʼ paċi!—2 Pietru 3:13.

Imma din id-​dinja meta se tispiċċa? Ġesù liema “sinjal” ta tal-​‘preżenza tiegħu u taʼ tmiem is-​sistema’?

“Is-​Sinjal”

Il-​kelma Griega hawnhekk tradotta “preżenza” hija pa·rou·siʹa, u tfisser li wieħed ikun attwalment qiegħed preżenti. Mela meta jidher “is-​sinjal,” ma jkunx ifisser li Kristu kellu dalwaqt jiġi imma li hu jkun diġà ġie lura u jkun preżenti. Ikun ifisser li hu beda jaħkem b’mod inviżibbli bħala sultan tas-​sema u li dalwaqt se jġib fi tmiem lill-​għedewwa tiegħu.—Rivelazzjoni 12:7-12; Salm 110:1, 2.

Ġesù ma tax ġrajja waħda biss bħala “s-​sinjal.” Hu ddeskriva ħafna ġrajjiet u sitwazzjonijiet dinjin. Dawn kollha kellhom iseħħu matul iż-​żmien li kittieba tal-​Bibbja sejħulu “l-​aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1-5; 2 Pietru 3:3, 4) Ikkunsidra xi wħud mill-​affarijiet li Ġesù bassar li kellhom jimmarkaw “l-​aħħar jiem.”

“Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Il-​gwerer fiż-​żminijiet moderni kienu ħafna akbar minn qatt qabel. Wieħed kittieb taʼ l-​istorja nnota: “L-​ewwel gwerra dinjija [li bdiet fl-​1914] kienet l-​ewwel gwerra ‘totali’.” Madankollu, it-​tieni gwerra dinjija kienet ħafna iktar qerrieda. U l-​gwerer ikomplu jirrovinaw l-​art. Iva, il-​kliem taʼ Ġesù kellu twettiq b’mod drammatiku!

“Ikun hemm nuqqas taʼ ikel.” (Mattew 24:7) Wara l-​ewwel gwerra dinjija ġie dak li x’aktarx hu l-​akbar ġuħ fl-​istorja kollha. Ġuħ terribbli wkoll segwa t-​tieni gwerra dinjija. Pjaga taʼ malnutrizzjoni teffettwa lil madwar wieħed minn kull ħamsa tal-​popolazzjoni taʼ l-​art, billi toqtol lil madwar 14-il miljun tifel u tifla kull sena. Verament, kien hemm “nuqqas taʼ ikel”!

“Terremoti kbar.” (Luqa 21:11) Bejn wieħed u ieħor, madwar għaxar darbiet iktar mietu kull sena bit-​terremoti mill-​1914 ’l hawn imqabblin mas-​sekli taʼ qabel. Ikkunsidra biss xi wħud mill-​akbar fosthom: 1920, Ċina, 200,000 maqtulin; 1923, Ġappun, 140,000 mietu jew sparixxew; 1939, Turkija, 32,700 imwiet; 1970, Perù, 66,800 maqtulin; u 1976, Ċina, madwar 240,000 (jew, skond xi sorsi, 800,000) mejtin u feruti. Ċertament, “terremoti kbar’!

“F’post wara l-​ieħor ikun hemm mard li jittieħed.” (Luqa 21:11) Eżatt wara l-​ewwel gwerra dinjija, mal-​21 miljun persuna mietu bl-​influwenza Spanjola. Is-​Science Digest irrapporta: “Fl-​istorja kollha qatt ma kien hemm mewġa taʼ mwiet daqshekk qalila u malajr.” Minn dakinhar ’l hawn, mard tal-​qalb, kankru, AIDS, u ħafna iktar pesti qatlu lil mijiet taʼ miljuni.

“Jiżdied il-​ħażen.” (Mattew 24:12) Id-​dinja tagħna mill-​1914 ’l hawn saret magħrufa bħala waħda taʼ kriminalità u vjolenza. F’ħafna postijiet ħadd ma jħossu fis-​sigurtà fit-​toroq saħansitra fid-​dawl tax-​xemx. Bil-​lejl in-​nies jibqgħu ġo darhom wara bibien imsakkrin u mbarrati, għaliex jibżgħu joħorġu barra.

Ħafna iktar affarijiet ġew imbassrin li se jseħħu matul l-​aħħar jiem, u dawn kollha wkoll qed jitwettqu. Dan ifisser li t-​tmiem tad-​dinja hu fil-​qrib. Imma, b’ferħ, se jkun hemm uħud li jsalvaw. Wara li tgħid li “d-​dinja . . . tgħaddi,” il-​Bibbja twiegħed: “Min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:17.

Mela huwa meħtieġ li aħna nitgħallmu r-​rieda t’Alla u nagħmluha. Imbagħad inkunu nistgħu nsalvaw mit-​tmiem taʼ din id-​dinja biex ingawdu għall-​eternità l-​barkiet tad-​dinja ġdida t’Alla. Il-​Bibbja twiegħed li f’dak iż-​żmien: “Alla . . . jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Apokalissi 21:3, 4.

Sakemm m’huwiex indikat mod ieħor, il-​kwotazzjonijiet mill-​Iskrittura Ebrajka huma meħudin mill-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni (1996) u dawk mill-​Iskrittura Griega huma meħudin mit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida li għandha lingwa moderna. L-​abbrevjazzjoni NW tindika n-​New World Translation of the Holy Scriptures—With References.

[Sorsi tal-istampa f’paġna 6]

Photo Credits: Airplane: USAF photo. Child: WHO photo by W. Cutting. Earthquake: Y. Ishiyama, Hokkaido University, Japan.