Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja?
Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja?
Għala Għandek Taqraha l-Bibbja?
IL-BIBBJA hija ktieb differenti minn kwalunkwe ktieb ieħor. Fiha nsibu tagħlim mimli mħabba mingħand Alla. (1 Tessalonikin 2:13) Jekk tapplika dak li tgħallem il-Bibbja, se jkollok benefiċċji kbar. Se ssir tħobb lil Alla iżjed u jkollok relazzjoni iktar mill-qrib miegħu, id-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) Se ssir taf kif tersaq lejh fit-talb. Meta tkun għaddej minn żminijiet diffiċli, tkun tistaʼ tara kif Alla jgħinek. Jekk tgħix ħajtek fi qbil mal-livelli mniżżlin fil-Bibbja, Alla jagħtik ħajja taʼ dejjem.—Rumani 6:23.
Il-Bibbja fiha veritajiet li jagħtuna dehen spiritwali. Dawk li jiksbu l-għarfien tal-Bibbja jinħelsu mill-ideat żbaljati li jiddominaw il-ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies. Per eżempju, billi nkunu nafu l-verità dwar x’jiġri meta mmutu ma nibqgħux nibżgħu li l-mejtin jistgħu jagħmlulna l-ħsara jew inkella li qrabatna jew ħbiebna li huma mejtin qegħdin ibatu. (Eżekjel 18:4, Karm Żammit) It-tagħlim Bibliku dwar l-irxoxt ifarraġ lil dawk li tilfu l-maħbubin tagħhom fil-mewt. (Ġwann 11:25) Il-fatt li nkunu nafu dwar l-anġli ħżiena jiftħilna għajnejna dwar il-perikli taʼ l-ispiritiżmu u jgħinna nifhmu għala fid-dinja hawn daqshekk inkwiet.
Il-prinċipji divini tal-Bibbja juruna kif nistgħu ngħixu b’mod li jġibilna benefiċċji fiżiċi. Per eżempju, li nkunu ‘meqjusin,’ jew moderati, huwa importanti ħafna biex ikollna saħħa tajba. (1 Timotju 3:2) Billi “nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u tar-ruħ,” nevitaw li ngħarrqu saħħitna. (2 Korintin 7:1) L-applikar tal-pariri t’Alla li nsibu fil-Bibbja jgħinna wkoll biex ikollna rispett lejna nfusna u ferħ fiż-żwieġ tagħna.—1 Korintin 6:18.
Jekk tapplika l-Kelma t’Alla, se tkun iktar ferħan. L-għarfien Bibliku jgħinna nsibu l-paċi tal-moħħ u l-kuntentizza u jagħtina tama. Jgħinna niżviluppaw u ntejbu kwalitajiet mill-aħjar bħalma huma l-mogħdrija, l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, it-tjieba, u l-fidi. (Galatin 5:22, 23; Efesin 4:24, 32) Kemm jekk aħna rġiel jew nisa miżżewġin, missirijiet jew ommijiet, inkella wlied, kwalitajiet bħal dawn jgħinuna nkunu persuni aħjar.
Ġieli ħsibt dwar il-futur? Il-profeziji tal-Bibbja juruna li qegħdin ngħixu fi żmien importanti ferm fl-istorja tal-bniedem. Dawn il-profeziji mhux biss jiddeskrivu s-sitwazzjoni dinjija taʼ llum imma juruna wkoll li Alla dalwaqt se jbiddel din id-dinja f’ġenna taʼ l-art.—Għajnuna biex Tifhem il-Bibbja
Forsi ġieli pprovajt taqra l-Bibbja imma ma stajtx tifhimha. Forsi ma tafx fejn għandek tfittex fil-Bibbja biex issib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħek. Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-għajnuna biex nifhmu l-Kelma t’Alla. Ix-Xhieda taʼ Jehovah, f’madwar 235 pajjiż, joffru li jgħallmu l-Bibbja lil miljuni taʼ nies. U dan jagħmluh bla ħlas. Huma jieħdu pjaċir jgħinu lilek ukoll.
Ġeneralment, l-aħjar mod biex tistudja l-Bibbja hu li tistudjaha pass pass, billi tibda mit-tagħlim bażiku. (Lhud 6:1) Hekk kif tkompli titgħallem, tkun tiflaħ iżjed għall-“ikel sħiħ”—jiġifieri, il-veritajiet li jidħlu iktar fil-fond. (Lhud 5:14) Il-Bibbja hija l-awtorità. Pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, bħall-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?, se jgħinuk tifhem ir-referenzi Skritturali fuq diversi suġġetti.
Lest li Tqattaʼ Ftit Ħin Kull Ġimgħa biex Tifhem il-Bibbja?
Ġeneralment, l-istudju tal-Bibbja jsir f’ħin u f’post konvenjenti għalik. Ħafna individwi jistudjaw fil-privatezza taʼ darhom. Jerġaʼ oħrajn jistudjaw fuq it-telefon. Il-programm taʼ l-istudju m’huwiex xi klassi b’ħafna nies imma arranġament privat imfassal għaċ-ċirkustanzi persunali tiegħek, inkluż il-livell t’għarfien u edukazzjoni li għandek. Ma jsir l-ebda eżami, u ma jkollokx minn xiex tistħi jew tħossok mifxul. Tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħek dwar il-Bibbja, u titgħallem kif ikollok relazzjoni iktar mill-qrib m’Alla.
M’għandekx għalfejn tħallas għal studju tal-Bibbja bħal dan. (Mattew 10:8) Jiġi offrut bla ħlas lin-nies taʼ kull reliġjon, u lil dawk li m’għandhom l-ebda reliġjon iżda li b’interess sinċier iridu jkunu jafu iżjed dwar il-Kelma t’Alla.
Min jistaʼ jieħu sehem fid-diskussjoni? Il-familja tiegħek kollha. Jistgħu jieħdu sehem ukoll xi ħbieb li tkun tixtieq tistieden. Inkella jekk tippreferi, id-diskussjoni tistaʼ ssir miegħek biss.
Xi wħud iwarrbu siegħa kull ġimgħa biex jistudjaw il-Bibbja. Jekk tistaʼ tqattaʼ iktar ħin jew m’għandekx daqshekk ħin fil-ġimgħa, ix-Xhieda lesti li jirranġaw biex jgħinuk.
Stedina biex Titgħallem
Nistidnuk tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah. Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu billi tikteb f’xi wieħed mill-indirizzi t’hawn taħt. Imbagħad isir arranġament biex xi ħadd jiġi u jikkonduċi studju tal-Bibbja bla ħlas miegħek.
□ Ibagħtuli kopja tal-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?
□ Jekk jogħġobkom ikkuntattjawni rigward studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas.
Jekk mhux indikat mod ieħor, il-kwotazzjonijiet Skritturali kollha huma meħudin mill-Bibbja Għaqda Biblika Maltija, It-Tieni Edizzjoni (1996).