X’Tama Hemm għall-Maħbubin Tagħna li Mietu?
X’Tama Hemm għall-Maħbubin Tagħna li Mietu?
Żmien ilu, ir-raġel Ġob staqsa, “Jekk il-bniedem imut, jarġaʼ jgħix?” (Ġob 14:14, Karm Żammit) Forsi int ukoll ħsibt dwar dan. Kif tħossok kieku tkun taf li huwa possibbli li terġaʼ tingħaqad mal-maħbubin tiegħek hawnhekk fuq l-art f’kundizzjonijiet mill-aqwa?
Fil-fatt, il-Bibbja twiegħed: “Jgħixu mill-ġdid il-mejtin tiegħek. . . . Iqumu lkoll.” U tgħid ukoll: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Isaija 26:19; Salm 37:29.
Sabiex ikollna fiduċja sħiħa f’dawn il-wegħdi, hemm bżonn li nwieġbu xi mistoqsijiet bażiċi: In-nies għala jmutu? Fejn jinsabu dawk li mietu? U kif nistgħu nkunu ċerti li se jerġgħu jgħixu?
Il-Mewt, u X’Jiġri Meta Mmutu
Il-Bibbja tagħmilha ċara li ma kinitx l-intenzjoni t’Alla li l-bniedem imut. Hu ħalaq lill-ewwel koppja umana, Adam u Eva, u qegħedhom f’ġenna taʼ l-art imsejħa Għeden, u qalilhom biex ikollhom it-tfal u biex l-art kollha jagħmluha Ġenna bħalma kienet id-dar tagħhom. Kienu se jmutu biss jekk ma jobdux l-istruzzjonijiet tiegħu.—Ġenesi 1:28; 2:15-17.
Minħabba li ma kellhomx apprezzament għall-qalb tajba t’Alla, Adam u Eva kienu diżubbidjenti u kellhom ibatu l-konsegwenzi. Alla qal lil Adam, “Terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Qabel ma ġie maħluq, Adam ma kienx jeżisti; kien trab. U minħabba d-diżubbidjenza, jew id-dnub tiegħu, Adam ngħata s-sentenza li jerġaʼ jsir trab, jiġifieri ma jibqax jeżisti.
Rumani 6:23) Biex turi li dawk li mietu m’huma konxji taʼ xejn, il-Bibbja tgħid: “Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5, korsiv tagħna.) Meta xi ħadd imut, il-Bibbja tispjega: “Jieqaf nifsu, u jarġaʼ lura lejn artu; dak in-nhar stess ħsibijietu jintemmu.”—Korsiv tagħna; Salm 146:3, 4, KŻ.
Għalhekk, il-mewt hija l-oppost tal-ħajja. Il-Bibbja tagħmel dan il-kuntrast: “Għax il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt, imma l-għotja li jagħti Alla hi l-ħajja taʼ dejjem.” (Madankollu, ladarba Adam u Eva biss kienu diżubbidjenti għall-kmand f’Għeden, il-għala lkoll kemm aħna mmutu? Huwa għaliex ilkoll kemm aħna twelidna wara d-diżubbidjenza t’Adam, u għalhekk kollha writna d-dnub u l-mewt mingħandu. Kif tispjega l-Bibbja: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha.”—Rumani 5:12; Ġob 14:4.
Però, xi ħadd għandu mnejn jistaqsi: ‘M’għandhomx il-bnedmin ruħ immortali li tibqaʼ tgħix wara l-mewt?’ Ħafna għallmu dan, saħansitra billi qalu li l-mewt tiftaħ il-bieb għal ħajja oħra. Imma dan it-tagħlim mhux ġej mill-Bibbja. Minflok, il-Kelma t’Alla tgħallem li int ruħ, li r-ruħ tiegħek hi fil-fatt int stess, bil-kwalitajiet fiżiċi u mentali kollha tiegħek. (1 Korintin 15:45; Ġeremija 2:34, KŻ; Proverbji 2:10, KŻ) Il-Bibbja tgħid ukoll: “Dak li jreġġaʼ midneb lura mill-iżball li kien miexi fih isalvalu ruħu mill-mewt.” (Ġakbu 5:20) Il-Bibbja mkien ma tgħallem li l-bniedem għandu ruħ immortali li tibqaʼ tgħix wara li jmut il-ġisem.
Kif il-Bnedmin Jistgħu Jerġgħu Jgħixu
Wara li d-dnub u l-mewt daħlu fid-dinja, Alla wera l-iskop tiegħu li dawk li mietu se jerġgħu jingħataw il-ħajja permezz taʼ rxoxt. B’hekk, il-Bibbja tispjega: “Abraham . . . qies li Alla setaʼ jqajmu [lil ibnu Iżakk] saħansitra mill-imwiet.” (Ebrej 11:17-19) Il-fiduċja t’Abraham ma kinitx bla bażi, għax il-Bibbja tgħid hekk dwar Dak li Jistaʼ Kollox: “Hu mhux Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin, għax kollha ħajjin għalih.”—Luqa 20:37, 38.
Iva, l-Alla li Jistaʼ Kollox għandu kemm is-setgħa u kemm ix-xewqa li jirxoxta lil dawk li jagħżel. Ġesù Kristu nnifsu qal: “Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15.
Ftit wara li qal dan il-kliem, Ġesù ra funeral ħiereġ mill-belt Iżraelija taʼ Najn. Iż-żagħżugħ mejjet kien l-uniku tifel taʼ mara armla. X’ħin ra n-niket profond tagħha, Ġesù tqanqal bil-ħniena. Għalhekk, hu resaq lejn il-ġisem mejjet u qal: “Żagħżugħ, ngħidlek, Qum!” Luqa 7:11-17.
U ż-żagħżugħ qam bil-qiegħda, u Ġesù tah lil ommu.—Bħal fil-każ taʼ din l-armla, kien hemm estasi taʼ ferħ ukoll meta Ġesù żar id-dar taʼ Ġajru, li kien uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga Lhudija. It-tifla tiegħu li kellha 12-il sena kienet mietet. Imma meta Ġesù wasal fid-dar taʼ Ġajru, hu mar ħdejn it-tifla li kienet mietet u qal: “Tifla, qum!” U hi qamet!—Luqa 8:40-56.
Iktar tard, miet Lazzru, il-ħabib taʼ Ġesù. Meta Ġesù wasal id-dar taʼ Lazzru, dan kien diġà ilu mejjet erbat ijiem. Għalkemm kienet imnikkta ħafna, oħtu Marta esprimiet tama, billi qalet: “Naf li jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.” Imma Ġesù mar ħdejn il-qabar, ordna li jneħħu l-ġebla, u b’leħen għoli qal: “Lazzru, oħroġ!” U dan ħareġ!—Ġwanni 11:11-44.
Issa aħseb dwar dan: X’kienet il-kundizzjoni taʼ Lazzru matul dawk l-erbat ijiem li kien mejjet? Lazzru ma qal xejn dwar li kien fl-hena tas-sema jew fit-torturi taʼ l-infern, li żgur kien isemmi li kieku kien hemm. Le, Lazzru ma kien konxju taʼ xejn meta kien mejjet, u li kieku Ġesù ma qajmux għall-ħajja kien jibqaʼ hekk sa “l-irxoxt fl-aħħar jum.”
Huwa minnu li dawn il-mirakli taʼ Ġesù kienu taʼ benefiċċju temporanju, ladarba dawk li rxoxta reġgħu mietu. Però, 1,900 sena ilu hu ta prova li, bil-qawwa t’Alla, dawk li mietu verament jistgħu jerġgħu jgħixu! Għalhekk, permezz tal-mirakli tiegħu, Ġesù wera fuq skala żgħira dak li se jseħħ fuq l-art taħt is-Saltna t’Alla.
Meta Jmut Xi Ħadd li Tħobb
Meta l-mewt tattakka bħal għadu, in-niket tiegħek jistaʼ jkun kbir, avolja forsi għandek it-tama taʼ l-irxoxt. Abraham kellu fidi li martu kienet se terġaʼ tgħix, madankollu naqraw li “Abraham daħal biex inewwaħ għal Sara u jibki minħabba fiha.” (Ġenesi 23:2, NW) U xi ngħidu dwar Ġesù? Meta Lazzru miet, hu “karab fl-ispirtu tiegħu u tnikket,” u ftit wara “qabiżlu d-dmugħ.” (Ġwanni 11:33, 35) Għalhekk, meta xi ħadd li tħobb imut, ma tkunx qed turi li int dgħajjef jekk tibki.
Meta jmut xi tifel jew tifla, hu żmien diffiċli speċjalment għall-omm. B’hekk, il-Bibbja tagħraf in-niket profond li tistaʼ tħoss omm. (2 Slaten 4:27) M’għandniex xi ngħidu, ikun żmien diffiċli għall-missier ukoll. Meta miet ibnu Absalom, is-Sultan David qal imbikki: “M’hux li mitt jien minflokok.”—2 Samwel 19:1.
Madankollu, minħabba li għandek fiduċja fl-irxoxt, in-niket tiegħek mhux se jkun għal dejjem. Bħalma tgħid il-Bibbja, “ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li m’għandhomx tama.” (1 Tessalonikin 4:13) Minflok, int se tersaq qrib lejn Alla bit-talb, u l-Bibbja twiegħed li “hu jgħinek.”—Salm 55:22, KŻ.
Jekk mhux indikat mod ieħor, il-kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Ebrajka huma meħudin mill-Bibbja taʼ l-Għaqda Biblika Maltija, It-Tieni Edizzjoni (1996), u dawk mill-Iskrittura Griega huma meħudin mit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida li għandha lingwa moderna. L-abbrevjazzjoni NW tindika n-New World Translation of the Holy Scriptures—With References.