Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Oħrajn Kif Jistgħu Jgħinu?

Oħrajn Kif Jistgħu Jgħinu?

“JEKK hemm xi ħaġa li nistaʼ nagħmel, qis li tgħidli.” Dan huwa dak li ħafna minna ngħidu lil xi ħabib jew xi ħadd mill-​qraba li għadhom kemm tilfu lil xi ħadd fil-​mewt. O, aħna sinċerament hekk irridu nfissru. Nagħmlu kwalunkwe ħaġa biex ngħinu. Imma sejjer dak li hu mnikket iċemplilna u jgħid: “Ħsibt dwar xi ħaġa li int tistaʼ tgħinni fiha”? Ġeneralment le. B’mod ċar, forsi jkollna bżonn nieħdu l-​inizzjattiva aħna jekk verament irridu ngħinu u nfarrġu lil dak li qiegħed jitnikket.

Proverbju fil-​Bibbja jgħid: “Bħal tuffieħ tad-​deheb fuq platt tal-​fidda, hi l-​kelma li tingħad f’waqtha.” (Proverbji 15:23; 25:11) Hemm l-​għerf f’li tkun taf dak li għandek tgħid u dak li m’għandekx tgħid, dak li għandek tagħmel u dak li m’għandekx tagħmel. Dawn huma ftit suġġerimenti Skritturali li xi persuni mnikktin sabu taʼ għajnuna.

Dak Li Għandek Tagħmel . . .

Ismaʼ: Kun ‘ħafif biex tismaʼ,’ jgħid Ġakbu 1:​19. Waħda mill-​iktar affarijiet taʼ għajnuna li tistaʼ tagħmel hi li taqsam l-​uġigħ mal-​wieħed imnikket billi tismaʼ. Xi persuni mnikktin jistgħu jkollhom bżonn jitkellmu dwar il-​maħbub tagħhom li jkun miet, dwar l-​inċident jew il-​marda li kkaġunat il-​mewt, jew dwar is-​sentimenti tagħhom mill-​mewt ’l hawn. Mela staqsi: “Tixtieq titkellem dwarha?” Ħalli lilhom jiddeċiedu. Billi ftakar meta miet missieru, wieħed żagħżugħ qal: “Tassew għenni meta oħrajn staqsewni x’kien ġara u mbagħad tassew taw widen.” Ismaʼ bil-​paċenzja u b’simpatija mingħajr ma neċessarjament tħossok li għandek tagħti xi tweġibiet jew soluzzjonijiet. Ħallihom jesprimu kwalunkwe ħaġa li jridu jaqsmu miegħek.

Ipprovdi serħan tal-​moħħ: Assigurahom li huma għamlu kulma kien possibbli (jew kwalunkwe ħaġa oħra li int taf li hi vera u pożittiva). Serrħilhom moħħhom li dak li qegħdin iħossu​—swied il-​qalb, rabja, ħtija, jew xi emozzjoni oħra—​jistaʼ ma jkunx daqshekk rari. Għidilhom dwar oħrajn li taf int li rkopraw b’suċċess minn telfa simili. “Kliem ħelu” bħal dan huwa “saħħa tal-​ġisem,” jgħid Proverbji 16:24.​—1 Tessalonkin 5:​11, 14.

Kun disponibbli: Agħmel lilek innifsek disponibbli, mhux biss għall-​ewwel ftit ġranet meta ħafna ħbieb u qraba huma preżenti, imma saħansitra xhur wara meta oħrajn ikunu reġgħu lura għar-​rutina normali tagħhom. B’dan il-​mod tagħti prova tiegħek innifsek bħala li int ‘ħabib li jħobb kull ħin,’ ix-​xorta li jieqaf maʼ ħabib fi żmien taʼ “hemm.” (Proverbji 17:17) “Il-​ħbieb tagħna assiguraw ruħhom li fil-​għaxijiet konna nkunu okkupati sabiex ma kienx ikollna nqattgħu ħafna ħin id-​dar waħedna,” tispjega Teresea, li kien mitilha xi ħadd mit-​tfal f’inċident bil-​karozza. “Dak għenna nkampaw mal-​vojt li ħassejna ġewwa fina.” Għal snin sħaħ wara, dati taʼ l-​anniversarju, bħal ngħidu aħna l-​anniversarju tat-​tieġ jew id-​data tal-​mewt, jistaʼ jkun żmien taʼ stress għal dawk li jibqgħu ħajjin. Għala ma timmarkax dati bħal dawn fuq il-​kalendarju tiegħek sabiex meta jaslu, tistaʼ tagħmel lilek innifsek disponibbli, jekk ikun neċessarju, għal appoġġ b’simpatija?

Jekk tinduna bi bżonn ġenwin, tistenniex li tiġi mitlub​—ħu l-​inizzjattiva xierqa

Ħu inizzjattiva xierqa: Hemm xi qadjiet li għandhom bżonn isiru? Hemm bżonn li xi ħadd jieħu ħsieb it-​tfal? Il-​ħbieb u l-​qraba li qegħdin iżuru għandhom bżonn fejn joqogħdu? Persuni li ma jkunux ilhom li ntlaqtu min-​niket jibqgħu taʼ spiss tant ixxokkjati li ma jkunux saħansitra jafu x’għandhom bżonn jagħmlu huma, aħseb u ara kemm se jgħidu lil oħrajn kif jistgħu jgħinu. Mela jekk int tinduna b’xi bżonn ġenwin, toqgħodx tistenna li jistaqsuk; ħu l-​inizzjattiva. (1 Korintin 10:24; qabbel l-​1 Ġwann 3:​17, 18.) Waħda mara li kien mitilha żewġha ftakret: “Ħafna qaluli, ‘Jekk hemm xi ħaġa li nistaʼ nagħmillek, għarrafni.’ Imma ħabiba waħda ma staqsietx. Marret dritt fil-​kamra tas-​sodda, qalgħet il-​friex kollu, u ħaslet il-​lożor u l-​investi li kienu tħammġu kaġun taʼ mewtu. Oħra ħadet barmil, l-​ilma, u l-​affarijiet tat-​tindif u ħaslet ħasla t-​tapit li fuqu kien irremetta r-​raġel tiegħi. Xi ftit ġimgħat wara, wieħed mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni ġie bil-​ħwejjeġ tax-​xogħol tiegħu u bl-​għodda tiegħu u qal, ‘Naf li għandek xi ħaġa li għandha bżonn tiġi rranġata. X’inhi?’ Kemm jien grata f’qalbi lejn dak ir-​raġel talli sewwieli l-​bieb li kien qiegħed jistrieħ fuq ċappetta waħda u talli sewwieli waħda mill-​affarijiet li jaħdmu bl-​elettriku!”​—Qabbel Ġakbu 1:27.

Kun ospitabbli: “Tinsewx l-​ospitalità,” tfakkarna l-​Bibbja. (Ebrej 13:2, NW) Speċjalment għandna niftakru biex inkunu ospitabbli maʼ dawk li qegħdin jitnikktu. Minflok ma tagħmel l-​istedina “meta trid ejja,” agħti ġurnata u ħin. Jekk jirrifjutaw, taqtax qalbek malajr. Naqra inkuraġġiment bil-​ġentilezza jistaʼ jkun meħtieġ. Forsi rrifjutaw l-​istedina tiegħek għaliex jibżgħu li jitilfu l-​kontroll taʼ l-​emozzjonijiet tagħhom quddiem oħrajn. Jew jistgħu jħossuhom ħatjin li qegħdin jieħdu gost b’ikla u bi sħubija fi żmien bħal dan. Ftakar fil-​mara ospitabbli Lidja msemmija fil-​Bibbja. Wara li ġie mistieden id-​dar tagħha, Luqa jgħid, “Ġegħlitna noqogħdu għandha.”​—Atti 16:15.

Kun paċenzjuż u uri li tifhimhom: Tkunx sorpriż iżżejjed b’dak li jistgħu jgħidu fil-​bidu dawk imnikktin. Ftakar li jistgħu jkunu qegħdin iħossuhom irrabjati u ħatjin. Jekk teħel maʼ rashom u jiżżvogaw fuqek, ikun jeħtieġ li turi dehen u paċenzja min-​naħa tiegħek biex ma turix ruħek irritat. “Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar,” tirrikkmanda l-​Bibbja.​—Kolossin 3:​12, 13.

Ikteb ittra: Taʼ spiss jiġi injorat il-​valur taʼ ittra taʼ kondoljanzi jew kartolina taʼ simpatija. X’vantaġġ fiha? Twieġeb Cindy, li tilfet lil ommha bil-​kanċer: “Ħabiba tiegħi kitbitli ittra sabiħa. Dak tassew għenni għaliex stajt naqraha għal darba wara l-​oħra.” Ittra jew kartolina taʼ inkuraġġiment bħal din tistaʼ tiġi komposta “fil-​qosor,” imma għandha tiġi minn qalbek. (Lhud 13:22) Din tistaʼ tgħid li int jimpurtak u li int taqsam f’xi tifkira speċjali dwar il-​mejjet, jew tistaʼ turi kif ħajtek ġiet imqanqla minn dak li miet.

Itlob magħhom: La tnaqqasx il-​valur tat-​talb tiegħek maʼ jew għal uħud imnikktin. Il-​Bibbja tgħid: “It-​talba tal-​bniedem ġust . . . għandha qawwa kbira.” (Ġakbu 5:16) Per eżempju, li jisimgħuk titlob għan-​nom tagħhom jistaʼ jgħinhom biex itaffu sentimenti negattivi bħalma hi l-​ħtija.​—Qabbel Ġakbu 5:​13-15.

X’Ma Għandniex Nagħmlu . . .

Il-​preżenza tiegħek fl-​isptar tistaʼ tinkuraġġixxi lill-​imnikket

Iżżommx lura milli żżurhom minħabba li ma tafx x’se taqbad tgħid jew tagħmel: ‘Jien ċert li għandhom bżonn ikunu waħedhom bħalissa,’ nistgħu ngħidu lilna nfusna. Imma forsi l-​verità hi li aħna qegħdin inżommu lura għaliex nibżgħu li ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa żbaljata. Madankollu, li jiġi evitat minn ħbieb, qraba, jew adoraturi sħabu jistaʼ biss jagħmel lil dak l-​imnikket iħossu iktar waħdu, u b’hekk iżidlu l-​uġigħ. Ftakar, l-​iktar kliem u azzjonijiet li juru qalb tajba huma taʼ spiss l-​iktar sempliċi. (Efesin 4:32) Il-​preżenza tiegħek biss tistaʼ wkoll tkun sors taʼ inkuraġġiment. (Qabbel Atti 28:15.) Waqt li tiftakar fil-​ġurnata li mietet it-​tifla tagħha, Teresea tgħid: “Fi żmien siegħa, il-​kuritur taʼ l-​isptar imtela bil-​ħbieb tagħna; l-​anzjani kollha u n-​nisa tagħhom kienu hemm. Xi wħud min-​nisa kienu bir-​rollers f’xagħarhom, xi wħud kienu lebsin ħwejjeġ tax-​xogħol. Sempliċement telqu kollox minn idejhom u ġew. Ħafna minnhom qalulna li ma kinux jafu x’se jaqbdu jgħidu, imma ma kienx jimporta għaliex l-​aqwa li huma kienu hemm.”

Tagħmlilhomx pressjoni biex jieqfu milli jitnikktu: ‘U ejja, isa, toqgħodx tibki,’ forsi nkunu nixtiequ ngħidu. Imma forsi jkun aħjar li nħalluhom jibku. “Jien naħseb li huwa importanti li tħalli lill-​uħud imnikktin juru l-​emozzjoni tagħhom u tassew jiżżvogaw,” tgħid Katherine, billi rriflettiet fuq il-​mewt tar-​raġel tagħha. Irreżisti t-​tendenza li tgħid lil oħrajn kif għandhom iħossuhom. U ma tridx tassumi li għandek taħbi s-​sentimenti tiegħek sabiex tipproteġi tagħhom. Minflok, “ibku maʼ min jibki,” tirrikkmanda l-​Bibbja.​—Rumani 12:15.

Tgħaġġilx biex tagħtihom parir ħalli jwarrbu xi ħwejjeġ jew xi affarijiet persunali tal-​mejjet qabel ma jkunu lesti għal dan: Nistgħu nħossu li jkun aħjar għalihom li jwarrbu oġġetti li jqanqlu memorji għaliex b’xi mod jew ieħor itawlu n-​niket. Imma l-​qawl “Bogħod mill-​għajn, bogħod mill-​qalb” jistaʼ ma japplikax hawnhekk. Il-​persuna mnikkta forsi tkun teħtieġ li tinsa lill-​mejjet ftit ftit. Ftakar fid-​deskrizzjoni tal-​Bibbja dwar ir-​reazzjoni tal-​patrijarka Ġakobb meta ġie mġiegħel jemmen li ibnu ż-​żagħżugħ Ġużeppi kien ġie maqtul minn annimal selvaġġ. Wara li l-​libsa twila taʼ Ġużeppi mċappsa bid-​demm ġiet ippreżentata lil Ġakobb, hu “għamel vistu għal ibnu għal żmien twil. U wliedu, subjien u bniet, qamu biex ifarrġuh, imma hu ma riedx jaf b’faraġ.”​—Ġenesi 37:​31-35.

Tgħidx, ‘Jistaʼ jkollok tarbija oħra’: “Ma kontx nistaʼ għaliha meta n-​nies kienu jgħiduli li jistaʼ jkolli tarbija oħra,” tiftakar omm li tilfet tarbija fil-​mewt. Forsi l-​intenzjoni tkun tajba, imma għal ġenitur imnikket, kliem li jistaʼ jfisser li t-​tarbija li tkun tilfet tistaʼ teħdilha postha tarbija oħra jistaʼ “jinfed bħal b’sejf.” (Proverbji 12:18) Tarbija qatt ma tistaʼ tieħu post oħra. Għala? Għaliex kull waħda hija unika.

M’huwiex neċessarju illi tevita li ssemmi lill-​mejjet: “Ħafna nies lanqas biss kienu jsemmu l-​isem taʼ ibni Jimmy jew jitkellmu dwaru,” tiftakar waħda omm. “Irrid nammetti li ħassejtni xi ftit imweġġaʼ meta oħrajn għamlu hekk.” Mela m’huwiex neċessarju li tibdel is-​suġġett meta jissemma l-​isem tal-​mejjet. Staqsi lill-​persuna jekk tħossx il-​bżonn li titkellem dwar il-​maħbub tagħha. (Qabbel Ġob 1:​18, 19 u 10:1.) Xi persuni mnikktin japprezzaw li jisimgħu lill-​ħbieb jgħidulhom dwar il-​kwalitajiet speċjali li ġibduhom lejn il-​mejjet.​—Qabbel Atti 9:​36-39.

Tkunx mgħaġġel iżżejjed biex tgħid, ‘Kien għall-​aħjar’: Li tipprova ssib xi ħaġa pożittiva dwar il-​mewt mhux dejjem “jikkonsla lill-​erwieħ dipressi,” li qegħdin jitnikktu. (1 Tessalonkin 5:​14, NW) Billi tiftakar meta mietet ommha, waħda żagħżugħa qalet: “Oħrajn kienu jgħidu, ‘Mhix issofri’ jew, ‘Għall-​inqas qiegħda fil-​paċi.’ Imma jien ma ridtx nismaʼ dak.” Kummenti bħal dawn jistgħu jimplikaw lil min baqaʼ ħaj li m’għandhomx iħossuhom imdejqin jew li t-​telfa ma kenitx sinjifikanti. Madankollu, huma jistgħu jkunu qegħdin iħossuhom imdejqin wisq għaliex qegħdin iħossu ħafna t-​telfa tal-​maħbub tagħhom.

Jistaʼ jkun aħjar li ma tgħidx, ‘Naf kif qed tħossok’: Tassew taf? Per eżempju, possibbli li tkun taf x’iħoss ġenitur meta t-​tarbija tiegħu tmut jekk int ma esperjenzajtx telfa bħal din inti stess? U saħansitra jekk inhu hekk, irrealizza li oħrajn jistgħu ma jħossux preċiżament bħalma ħassejt int. (Qabbel Lamentazzjonijiet 1:12.) Mill-​banda l-​oħra, jekk jidher xieraq, jistaʼ jkun hemm xi benefiċċju f’li tgħid kif int irkoprajt mit-​telfa tal-​maħbub tiegħek. Waħda mara li bintha kienet ġiet maqtula sabitu inkuraġġanti meta omm taʼ tifla oħra li kienet mietet irrakkontat dwar kif hi reġgħet lura għall-​ħajja normali. Hi qalet: “Omm it-​tifla l-​mejta ma bdietx l-​istorja tagħha bil-​kliem ‘Naf kif qiegħda tħossok.’ Sempliċement qaltli kif ħassitha hi u ħalliet lili nara x’kellu x’jaqsam miegħi.”

Li tgħin persuna mnikkta jitlob għal mogħdrija, dehen, u tant imħabba min-​naħa tiegħek. Tistenniex sakemm l-​imnikket jiġi għandek. Tgħidx sempliċement, “Jekk hemm xi ħaġa li nistaʼ nagħmel . . .” Sib int innifsek dik ix-​“xi ħaġa,” u mbagħad ħu l-​inizzjattiva xierqa.

Ftit mistoqsijiet jibqgħu: Xi ngħidu dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt li ssemmi l-​Bibbja? X’tistaʼ tfisser għalik u għal dak il-​maħbub tiegħek li miet? Kif nistgħu nkunu żguri li hija tama taʼ min joqgħod fuqha?