Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandhom il-Kristjani Jippridkaw lil Oħrajn?
GĦANDU mnejn li fl-ambjent jew fil-kultura li trabbejt, ir-reliġjon ma setgħetx tiġi diskussa barra mill-familja jew mill-knisja. B’hekk, forsi ma tiħux pjaċir jekk jiġi xi ħadd id-dar tiegħek għal għarrieda bil-Bibbja f’idu. Xi wħud iħossuhom hekk minħabba l-għemejjel vjolenti li saru fl-istorja tar-reliġjon bl-iskuża li riedu jsalvaw lin-nies.
L-istorja taʼ ħafna nazzjonijiet titkellem dwar il-konverżjonijiet tal-massa, li ma kinitx imqanqla mill-imħabba lejn Kristu, iżda mill-biżaʼ li jekk ma jikkonvertux jiġu maqtula. Ħafna nies staħbew, telqu mid-dar jew mill-pajjiż, jew saħansitra tilfu ħajjithom—xi wħud ġew maħruqin maʼ zokk—għax ma ridux jikkonvertu għar-reliġjon tal-persekuturi tagħhom.
Il-kitbiet ispirati tal-Bibbja ma jaqblux maʼ dawn l-atti taʼ konverżjoni bil-forza. Għalhekk, ifisser dan li ħadd ma jistaʼ jaqsam it-twemmin tiegħu maʼ ħaddieħor? Il-Bibbja nfisha tagħti t-tweġiba għal dan.
Tagħlim b’Awtorità
L-ewwel, ikkunsidra l-mudell li ħallielna Ġesù Kristu. Hu kien għalliem tas-sengħa li influwenza l-ħajja tas-semmiegħa tiegħu. (Ġwann 13:13, 15) Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, it-tagħlim tiegħu kien sempliċi imma fl-istess ħin qawwi. L-effett kien li s-semmiegħa tiegħu “baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.” (Mattew 7:28, 29) Xi 2,000 sena wara, dawk li jeżaminaw it-tagħlim tiegħu għadhom jiġu influwenzati minnu. Waqt li jikkonferma din l-opinjoni, il-Professur Hans Dieter Betz jinnota li ‘l-Priedka fuq il-Muntanja ġeneralment influwenzat bil-wisq iktar nies minbarra dawk tal-Ġudaiżmu u l-Kristjanità, jew saħansitra dawk b’kultura tal-Punent.’
Eżatt qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù ta kmand li assigura li wara mewtu x-xogħol taʼ tagħlim li beda hu kellu jkompli u saħansitra jiffjorixxi. (Ġwann 14:12) Hu ta istruzzjonijiet lid-dixxipli tiegħu biex imorru għand in-nies tal-ġnus kollha, u ‘jgħallmuhom iħarsu dak kollu’ li kien ikkmandahom. Ġesù ċċara x’kien l-iskop prinċipali taʼ dan l-inkarigu meta, fl-istess stqarrija, hu qal: “Morru, mela, agħmlu dixxipli.”—Korsiv tagħna; Mattew 28:19, 20; Atti 1:8.
Ikkunsidra wkoll l-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu. Wara li kkonverta għall-Kristjanità, hu ma staħax jitkellem dwar il-fidi ġdida tiegħu maʼ ħaddieħor. (Atti 9:17-19, 22) Kienet id-drawwa taʼ Pawlu li jitkellem fis-sinagogi u jipprovalhom “[“b’referenzi,” NW] li l-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet.” B’sengħa kbira “kien jiddiskuti magħhom fuq l-Iskrittura” biex b’hekk ikun jistaʼ “jipperswadi lil-Lhud u l-Griegi.” (Korsiv tagħna.) Skond xogħol taʼ referenza, il-kelma Griega għall-“jipperswadi” tfisser “li ġġib bidla fil-moħħ permezz taʼ l-influwenza tar-raġuni jew taʼ konsiderazzjonijiet morali.” Ir-riżultat li ħareġ mir-raġunar persważiv taʼ Pawlu kien li hu ‘dawwar u qaleb lil ħafna nies.’—Atti 15:3; 17:1-4, 17; 18:4; 19:26.
Forza jew Persważjoni—Liema?
Fi żminijiet moderni, it-terminu “proselitiżmu” ġie użat biex ifisser konverżjoni sforzata taʼ xi tip jew ieħor. IlBibbja ma tappoġġax xi ħaġa bħal din. Pjuttost tgħallem li l-bnedmin ġew maħluqin bħala aġenti morali ħielsa bil-privileġġ u r-responsabbiltà li jagħżlu kif iridu jgħixu ħajjithom. Dan jinkludi d-deċiżjoni taʼ kif iqimu lil Alla.—Dewteronomju 30:19, 20; Ġożwè 24:15.
Ġesù wera rispett lejn dan id-dritt mogħti lilu minn Alla billi qatt ma uża l-qawwa taʼ l-għaġeb u l-awtorità li kellu biex jisforza jew jobbliga lil xi ħadd biex jaċċetta dak li qal hu. (Ġwann 6:66-69) Hu qanqal lis-semmiegħa tiegħu billi uża raġunar sod, tixbihat, u mistoqsijiet li jitolbu l-opinjoni tagħhom, kollha bl-iskop li jilħqilhom qalbhom. (Mattew 13:34; 22:41-46; Luqa 10:36) Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex huma wkoll juru dan it-tip taʼ rispett lejn ħaddieħor.—Mattew 10:14.
Huwa evidenti li Pawlu uża lil Ġesù bħala mudell għall-ministeru tiegħu. Waqt li pperswada lis-semmiegħa tiegħu b’raġunar sod mill-Iskrittura, Pawlu rrispetta s-sentimenti u l-opinjoni taʼ l-oħrajn. (Atti 17:22, 23, 32) Hu fehem li għandha tkun l-imħabba lejn Alla u lejn Kristu li tqanqalna biex naqdu lill-Ħallieq tagħna b’mod attiv. (Ġwann 3:16; 21:15-17) Għalhekk, id-deċiżjoni tagħna hi waħda persunali.
Deċiżjoni Persunali
Nies li jafu jaħsbu, meta jkunu se jieħdu xi deċiżjonijiet kbar f’ħajjithom, bħal per eżempju, x’dar se jixtru, fejn se jaħdmu, u kif se jrabbu t-tfal, m’humiex se jagħmlu dak li jfettlilhom dak il-ħin. Għandhom mnejn jagħmlu xi riċerka dwar il-possibbiltajiet differenti li jeżistu, jimmeditaw dwar dak li jsibu, u wisq probabbli, jistaqsu għal parir. Wara li jkunu kkunsidraw dawn l-affarijiet biss se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni.
Id-deċiżjoni dwar kif għandna naqdu lil Alla jistħoqqilha iktar ħin u sforz minn kwalunkwe deċiżjoni oħra f’ħajjitna. Din se teffettwa kif se ngħixu ħajjitna issa, u iktar importanti, se teffettwa l-prospett tagħna taʼ ħajja eterna fil-futur. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu fil-Berija dan fehmuh tajjeb. Għalkemm l-aħbar tajba kienet ġiet spjegata lilhom personalment mill-appostlu Pawlu, huma xorta waħda eżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum, biex ikunu ċerti li dak li kienu qegħdin jitgħallmu kien veru. Dan irriżulta f’li “ħafna minnhom emmnu.”—Atti 17:11, 12.
Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu jgħallmu u jagħmlu dixxipli għaliex dan huwa x-xogħol li qabbadhom jagħmlu Ġesù. (Mattew 24:14) Huma jirrispettaw id-dritt li oħrajn għandhom dwar l-għażla tar-reliġjon tagħhom. Imma meta jiġu biex jitkellmu dwar it-twemmin reliġjuż tagħhom maʼ oħrajn, huma jsegwu l-mudell li hemm fil-Bibbja. Iva, huma jużaw raġunar onest mill-Iskrittura għal dak li huma jikkunsidrawh bħala xogħol li jsalva l-ħajjiet.—Ġwann 17:3; 1 Timotju 4:16.