Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 22

GĦANJA 127 It-tip taʼ persuna li għandi nkun

Kif Ikollok Għerusija li Tgħinek Tieħu Deċiżjoni Tajba

Kif Ikollok Għerusija li Tgħinek Tieħu Deċiżjoni Tajba

“Il-persuna minn ġewwa, fil-qalb. . . [hi] taʼ valur kbir.”1 PT. 3:4.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif koppja li qed joħorġu flimkien jistgħu jieħdu deċiżjoni tajba u kif l-aħwa jistgħu jgħinuhom.

1-2. Xi aħwa kif iħossuhom dwar iż-żmien meta kienu joħorġu ma’ xi ħadd?

 JEKK qed toħroġ ma’ xi ħadd żgur li tixtieq li jkun żmien sabiħ u taʼ ferħ. Ħafna koppji hekk ħassewhom. Oħt mill-Etjopja jisimha Sonia a tgħid: “Meta jien u r-raġel konna noħorġu flimkien, kien wieħed mill-isbaħ żminijiet taʼ ħajti. Konna nitkellmu fuq affarijiet serji u importanti, imma konna nieħdu pjaċir ukoll. Kont ferħana li sibt lil xi ħadd li nħobb u li jħobbni.”

2 Alessio, min-Netherlands, jgħid: “Jien ħadt pjaċir insir naf lill-mara tiegħi meta konna qed noħorġu flimkien, imma kellna xi sfidi wkoll.” F’dan l-artiklu se naraw x’jistgħu jkunu ftit mill-problemi u xi prinċipji mill-Bibbja li jistgħu jgħinu lill-koppji jieħdu deċiżjoni tajba. Se naraw ukoll kif l-aħwa jistgħu jgħinu lil koppji li jkunu qed joħorġu flimkien.

KOPPJA GĦALA JOĦORĠU FLIMKIEN?

3. Koppja għala joħorġu flimkien? (Proverbji 20:25)

3 Iż-żmien meta koppja joħorġu flimkien hu żmien sabiħ, imma fl-istess ħin hu żmien serju. Il-koppja għandhom jieħdu r-relazzjoni tagħhom bis-serjetà għax din tistaʼ twassal għaż-żwieġ. Meta jiżżewġu, huma jwiegħdu lil xulxin quddiem Ġeħova li se jħobbu u jirrispettaw lil xulxin sakemm imutu. Qabel nagħmlu wegħda, dejjem irridu naħsbuha sew. (Aqra Proverbji 20:25.) U l-istess il-wegħda taż-żwieġ. Allura, iż-żmien meta koppja jkunu qed joħorġu flimkien se jgħinhom biex isiru jafu lil xulxin sew u jieħdu deċiżjoni tajba. Din tistaʼ tkun li jiżżewġu jew li ma jibqgħux flimkien. Jekk ma jibqgħux flimkien ma jfissirx li għamlu xi ħaġa ħażina, imma jfisser li waslu għal deċiżjoni tajba.

4. Għala m’għandniex naħsbu li tnejn li qed joħorġu flimkien bilfors ħa jiżżewġu?

4 Hu importanti li l-aħwa single jifhmu li mara u raġel joħorġu flimkien biex jaraw jekk hux ħa jiżżewġu jew le. Allura, mhux se joħorġu ma’ xi ħadd għall-gost biss. Kollha kemm aħna għandna naħsbuha b’dan il-mod, mhux l-aħwa single biss. Xi aħwa jaħsbu li jekk koppja jibdew joħorġu flimkien bilfors għandhom jiżżewġu. Dan kif iġiegħel lill-aħwa single jħossuhom? Oħt single jisimha Melissa tgħid: “Xi aħwa jistennew li tnejn li qed joħorġu flimkien bilfors se jiżżewġu. Minħabba f’hekk, xi koppji jibqgħu joħorġu flimkien avolja jindunaw li mhumiex tajbin għal xulxin. Oħrajn jiddeċiedu li qatt ma joħorġu ma’ xi ħadd tant kemm jibżgħu. Dawn l-affarijiet kollha jġiegħlu lill-aħwa single jħossuhom stressati.”

SIRU AFU LIL XULXIN SEW

5-6. Koppja li qed joħorġu flimkien x’għandhom isiru jafu dwar xulxin? (1 Pietru 3:4)

5 Jekk qed toħroġ ma’ xi ħadd, x’se jgħinek tiddeċiedi tiżżewwiġx jew le? Billi ssiru tafu lil xulxin sew. Forsi qabel ma bdejtu toħorġu flimkien sirtu tafu xi affarijiet dwar xulxin. Imma issa tistaʼ ssir taf “il-persuna minn ġewwa, fil-qalb.” (Aqra l-1 Pietru 3:4.) Dan ifisser li tara kif inhi l-ħbiberija tiegħu ma’ Ġeħova, x’karattru għandu, u kif jaħsibha. Saqsi lilek innifsek: ‘Din il-persuna ħa tkun tajba għalija meta nkunu miżżewġin?’ (Prov. 31:​26, 27, 30; Efes. 5:33; 1 Tim. 5:8) ‘Se nħobbu u nieħdu ħsieb lil xulxin? Lesta li ma nagħtix kas affarijiet li jdejquni fil-karattru?’ b (Rum. 3:23) Ibqaʼ ftakar li l-importanti mhux kemm intom simili imma kemm lesti li taħdmu flimkien avolja jkun hemm xi affarijiet li jdejqukom.

6 Meta toħroġ ma’ xi ħadd liema affarijiet oħra għandek issir taf? Iżjed ma ssir taf lill-persuna iżjed se ssir tħobbha. Allura, qabel ma jasal dak iż-żmien, ikun tajjeb li titkellem dwar affarijiet importanti bħal x’jixtieq jagħmel fil-futur. Meta għandek titkellem dwar affarijiet personali bħal flus, problemi taʼ saħħa, u affarijiet li ġraw fil-passat u li għadhom jeffettwawh? Mhux bilfors li għandek titkellem dwar kollox fil-bidu. (Ara l-prinċipju fi Ġwanni 16:12.) Jekk tħoss li saqsiek xi mistoqsija u għadu kmieni wisq biex twieġeb, għidlu. Imma maż-żmien, il-persuna l-oħra għandha bżonn tkun taf ċertu affarijiet biex tiddeċiedi tiżżewwiġx jew le. Allura, ’il quddiem trid tkun onest u titkellem dwar dawn l-affarijiet serji.

7. Koppja li qed joħorġu flimkien kif jistgħu jsiru jafu lil xulxin aħjar? (Ara l-kaxxa “ Meta Tkun Qed Toħroġ ma’ Xi Ħadd li Jgħix ’il Bogħod.”) (Ara l-istampi.)

7 Kif tistaʼ ssir taf il-karattru tal-persuna l-oħra sew? Importanti ħafna li titkellmu flimkien u tkunu onesti ma’ xulxin. Saqsi l-mistoqsijiet u ismaʼ sew dak li jgħidlek. (Prov. 20:5; Ġak. 1:19) Tistgħu tagħmlu affarijiet flimkien li jagħmluhielkom faċli biex tibdew titkellmu, bħal pereżempju tmorru xi mixja, jew tieklu f’post fejn ikun hemm in-nies, u toħorġu service flimkien. Tistgħu ssiru tafu iktar lil xulxin meta tkunu mal-ħbieb u tal-familja. U ppjana biex tagħmel affarijiet ma’ nies differenti u nnota kif jaġixxi. Aschwin, li llum hu miżżewweġ lil Alicia, jgħid: “Aħna konna nagħmlu affarijiet differenti flimkien, bħal li nippreparaw l-ikel u nagħmlu xi xogħol tad-dar. Veru li huma affarijiet sempliċi, imma bihom stajna nsiru nafu lil xulxin aħjar.”

Jekk bħala koppja tagħmlu affarijiet li jagħmluhielkom faċli biex titkellmu, se ssiru tafu lil xulxin aħjar (Ara paragrafi 7-8)


8. Koppja li qed joħorġu flimkien kif ħa jibbenefikaw billi jistudjaw flimkien?

8 Tistaʼ ssir taf lill-persuna l-oħra aħjar billi tistudjaw il-Bibbja flimkien. Jekk tkunu miżżewġin hu importanti ħafna li Ġeħova jkun parti miż-żwieġ tagħkom, billi ssibu l-ħin biex tagħmlu l-qima tal-familja. (Ekk. 4:12) Allura, ikun tajjeb li tibdew tistudjaw flimkien minn issa, waqt li għadkom qed toħorġu flimkien. Ovvjament, peress li mhux miżżewġin, il-ħu għadu ma sarx il-kap tal-oħt. Billi tistudjaw flimkien, ħa ssiru tafu iktar kif il-persuna l-oħra tħossha dwar Ġeħova. Max u Laysa mill-Istati Uniti qalu li sabu benefiċċju ieħor li jistudjaw flimkien. Hu qal li bdew jistudjaw flimkien fil-bidu, meta kienu għadhom qed isiru jafu lil xulxin. Huma kienu jistudjaw dwar dating, żwieġ, u ħajja tal-familja. B’hekk, setgħu jitkellmu fuq suġġetti li mhux dejjem faċli titkellem dwarhom.

AFFARIJIET OĦRA LI TRID TAĦSEB DWARHOM

9. Koppja li qed joħorġu flimkien fuq xiex għandhom jaħsbu qabel jgħidu lil xi ħadd?

9 Lil min għandkom tgħidu li qed toħorġu flimkien? Din hi deċiżjoni li għandkom tiħduha flimkien. Forsi fil-bidu jkun tajjeb li ma tgħidux lil ħafna nies. (Prov. 17:27) B’hekk, tevitaw ħafna mistoqsijiet dwar ir-relazzjoni tagħkom. Imma jekk ma tgħidu lil ħadd tistgħu tispiċċaw toqogħdu għalikom waħedkom għax tibżgħu li n-nies se jsiru jafu. Imma dan hu perikoluż. Għalhekk, ikun tajjeb li tgħidu lil xi aħwa li jistgħu jagħtukom pariri tajbin u jgħinukom b’modi oħra. (Prov. 15:22) Dawn jistgħu jkunu tal-familja, ħbieb maturi, jew l-anzjani.

10. Koppja x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ togħġob lil Ġeħova? (Proverbji 22:3)

10 Kif tistgħu tibqgħu togħġbu lil Ġeħova meta tkunu qed toħorġu flimkien? Iżjed ma ssiru tafu lil xulxin, iżjed se tinġibdu lejn xulxin. Allura, x’tistgħu tagħmlu biex tibqgħu togħġbu lil Ġeħova? (1 Kor. 6:18) Evitaw li titkellmu dwar affarijiet immorali, tkunu waħedkom, jew tixorbu żżejjed. (Efes. 5:3) Dawn l-affarijiet jistgħu jqajmu xewqat sesswali u jagħmluhielkom diffiċli biex tagħmlu dak li hu tajjeb. Allura, b’mod regolari tkellmu dwar x’tistgħu tagħmlu biex tirrispettaw lil xulxin u tobdu l-livelli taʼ Ġeħova. (Aqra Proverbji 22:3.) Dawit u Almaz, mill-Etjopja, jgħidu: “Meta konna noħorġu flimkien, konna mmorru f’postijiet fejn kien ikun hemm ħafna nies jew konna nkunu mal-ħbieb. Qatt ma konna noqogħdu waħedna fil-karozza jew id-dar. B’hekk, konna nevitaw it-tentazzjoni.”

11. Koppja dwar xiex għandhom jaħsbu qabel jiddeċiedu x’affezzjoni se juru?

11 Koppja għandhom juru affezzjoni lejn xulxin? Iżjed ma jsiru jħobbu lil xulxin, forsi jiddeċiedu li juru xi tip t’affezzjoni. Imma jekk ix-xewqat sesswali jkunu b’saħħithom se jkun iktar diffiċli biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Għan. 1:2; 2:6) Meta turi affezzjoni, jistaʼ jkun ukoll diffiċli biex tikkontrolla lilek innifsek u tagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. (Prov. 6:27) Mela, meta tibdew toħorġu flimkien, tkellmu dwar x’jogħġob lil Ġeħova u mbagħad iddeċiedu x’se tagħmlu u ma tagħmlux. c (1 Tess. 4:​3-7) Saqsu lilkom infuskom: ‘In-nies x’se jaħsbu dwar l-affezzjoni li nuru lejn xulxin? Dak li qed nagħmlu se jqajjem xewqat sesswali fina?’

12. Koppja fuq xiex għandhom jaħsbu jekk ikollhom ħafna xi jgħidu?

12 X’tistgħu tagħmlu jekk ikollkom nuqqas taʼ qbil? Jekk kultant, waqt li qed toħorġu flimkien, ikollkom il-problemi jfisser li m’intomx tajbin għal xulxin? Mhux bilfors. Il-koppji kollha kultant ikollhom xi jgħidu. Imma żwieġ b’saħħtu jkun fih żewġ persuni li jirrispettaw lil xulxin u lesti li jaħdmu flimkien biex jirranġaw il-problemi taʼ bejniethom. Il-mod kif issolvu l-problemi issa li għadkom qed toħorġu flimkien juri jekk iż-żwieġ hux se jkun b’saħħtu. Saqsu lilkom infuskom: ‘Aħna niddiskutu bil-kalma u nuru rispett lejn xulxin? Meta niżbaljaw, nammettu u naħdmu biex nirranġaw? Aħna nkunu lesti li nċedu u niskużaw ruħna u naħfru malajr?’ (Efes. 4:​31, 32) Imma jekk waqt li qed toħorġu flimkien il-ħin kollu tiġġieldu jew ma taqblux, meta tiżżewġu s-sitwazzjoni wisq probabbli se tibqaʼ l-istess. Allura, jekk tħoss li l-persuna l-oħra mhix tajba għalik, l-aħjar deċiżjoni tkun li tieqfu toħorġu flimkien. d

13. X’se jgħin lill-koppja jiddeċiedu kemm se jdumu joħorġu flimkien?

13 Kemm għandkom iddumu toħorġu flimkien? Meta nieħdu deċiżjoni taʼ malajr, l-affarijiet jistgħu ma jmorrux tajjeb. (Prov. 21:5) Mela għandkom iddumu toħorġu flimkien sakemm issiru tafu lil xulxin sew. Imma ddumux iżjed milli hemm bżonn. Il-Bibbja tgħid: “Persuna li tittama għal xi ħaġa li ma tiġrix, tiddispra.” (Prov. 13:12) Barra minn hekk, iżjed ma ddumu toħorġu flimkien, iżjed se jkun diffiċli biex tirreżistu xewqat sesswali. (1 Kor. 7:9) Mela tiffokax fuq kemm ilkom toħorġu flimkien, imma x’fadallek issir taf dwaru ħalli tieħu deċiżjoni tajba.

L-AĦWA KIF JISTGĦU JGĦINU LILL-KOPPJI LI QED JOĦORĠU FLIMKIEN?

14. Kif nistgħu ngħinu lil koppja li qed joħorġu flimkien? (Ara l-istampa.)

14 Kif nistgħu ngħinu koppja li qed joħorġu flimkien? Nistgħu nistidnuhom għall-ikel, għall-qima bħala familja, jew biex inqattgħu l-ħin flimkien. (Rum. 12:13) F’sitwazzjonijiet bħal dawn, huma jistgħu jsiru jafu lil xulxin aħjar. Tistaʼ tgħinhom ukoll billi toħroġ magħhom meta jkunu waħedhom, tkun fil-karozza magħhom, jew tistidinhom id-dar biex ikunu jistgħu jitkellmu. (Gal. 6:10) Alicia, li semmejna qabel, tgħid x’apprezzaw hi u Aschwin. Hi tgħid, “Aħna konna nieħdu pjaċir meta xi aħwa kienu jistidnuna għandhom, biex inkunu nistgħu nitkellmu imma ma nkunux waħedna.” Allura, li koppja ssaqsik biex tkun magħhom hi xi ħaġa sabiħa. Uża dan il-ħin biex tgħinhom. Dejjem ftakar biex ma tħallihomx kompletament waħedhom imma fl-istess ħin tihom il-ħin biex ikunu jistgħu jitkellmu bejniethom.—Flp. 2:4.

Jekk taf b’koppja li qed joħorġu flimkien, ara kif tistaʼ tgħinhom (Ara paragrafi 14-15)


15. L-aħwa b’liema mod ieħor jistgħu jgħinu? (Proverbji 12:18)

15 Mod ieħor kif nistgħu ngħinu lil koppja li jkunu qed joħorġu flimkien huwa b’dak li ngħidu jew ma ngħidux. Kultant ikun hemm bżonn li nikkontrollaw lilna nfusna, u ma ngħidu xejn. (Aqra Proverbji 12:18.) Pereżempju, forsi nkunu nixtiequ ngħidu li hemm ħu u oħt li qed joħorġu flimkien, imma jkunu jixtiequ jgħidu lin-nies huma. Għandna nevitaw ukoll li noqogħdu nitkellmu dwar koppja jew immaqdru affarijiet persunali. (Prov. 20:19; Rum. 14:10; 1 Tess. 4:11) Il-koppja tistaʼ ma tiħux pjaċir jekk noqogħdu nsaqsuhom mistoqsijiet bħal meta se jiżżewġu. Oħt jisimha Elise tgħid, “Jien u r-raġel konna nistħu meta kienu jistaqsuna dwar it-tieġ, għax dawn l-affarijiet lanqas konna għadna tkellimna dwarhom aħna.”

16. X’għandna nagħmlu meta koppja ma jibqgħux joħorġu flimkien?

16 X’għandna nagħmlu jekk insiru nafu li koppja m’għadhomx joħorġu flimkien? Għandna nevitaw li nsaqsu mistoqsijiet jew ngħidu li hu t-tort taʼ xi wieħed minnhom. (1 Pt. 4:15) Oħt jisimha Lea tgħid: “Jien vera weġġajt meta smajt li xi aħwa bdew jipprovaw isiru jafu għala jiena u ħu ma bqajniex noħorġu flimkien.” Bħalma rajna qabel, jekk koppja ma jibqgħux flimkien, ma jfissirx li ħadu deċiżjoni ħażina. Anzi huma ħadu deċiżjoni tajba, għax kienu qed joħorġu flimkien biex jaraw jekk għandhomx jiżżewġu jew le. Huma xorta jistgħu jħossuhom imdejqin u waħedhom. Mela, aħna għandna naraw kif nistgħu ngħinuhom.—Prov. 17:17.

17. Koppja li qed joħorġu flimkien x’għandhom ikomplu jagħmlu?

17 Bħalma rajna, meta tkun qed toħroġ ma’ xi ħadd hu żmien sabiħ, imma fih l-isfidi wkoll. Jessica tgħid: “Veru li meta tkun qed toħroġ ma’ xi ħadd trid taħdem iebes biex issir tafu sew, imma hu żmien taʼ ferħ u żgur li worth it.” Jekk intom koppja li qed toħorġu flimkien, komplu aħdmu iebes biex issiru tafu lil xulxin sew. Meta tagħmlu hekk, se tkunu tistgħu tieħdu l-aħjar deċiżjoni.

GĦANJA 49 Inferrħu qalb Ġeħova

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Għal iżjed mistoqsijiet dwar xiex taħseb, ara Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2, pp. 39-40.

c L-immoralità sesswali tinkludi li xi ħadd imiss il-partijiet privati taʼ xi ħadd ieħor. Jekk jiġri hekk, l-anzjani jkollhom jieħdu azzjoni ġudizzjali. Skont iċ-ċirkustanzi, l-anzjani jistaʼ jkollhom jieħdu azzjoni ġudizzjali wkoll jekk xi ħadd imiss is-sider jew ikollu konversazzjonijiet immorali bil-messaġġi jew il-mowbajl.

d Għal iktar informazzjoni ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’​It-Torri tal-Għassa tal-15 t’Awwissu 1999.