Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 20

GĦANJA 67 Nippritkaw

L-Imħabba Tgħinek Tibqaʼ Tipprietka!

L-Imħabba Tgħinek Tibqaʼ Tipprietka!

“L-ewwel trid tiġi ppritkata l-aħbar tajba lill-popli kollha.”MK. 13:10.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif l-imħabba tgħinna nagħmlu l-aħjar li nistgħu meta nippritkaw.

1. X’tgħallimna matul il-Laqgħa Annwali tal-2023?

 MATUL il-Laqgħa Annwali tal-2023, a fhimna xi affarijiet iktar ċar dwar dak li nemmnu, u kellna xi avviżi interessanti ħafna dwar is-service. Pereżempju, fhimna li xi wħud jistaʼ jkollhom iċ-ċans li jidħlu fil-verità anke wara l-qerda taʼ Babilonja l-Kbira. Rajna wkoll li minn Novembru 2023, il-pubblikaturi m’għandhomx għalfejn jimlew is-service report b’mod dettaljat bħal qabel. Imma s-service żgur li għadu importanti ħafna għalina l-Kristjani!

2. Għala qed isir iktar importanti li nippritkaw? (Marku 13:10)

2 Kull ġurnata qed issir iktar importanti li nippritkaw għax ma tantx baqaʼ żmien sakemm tiġi Armageddon. Aħseb dwar x’qal Ġesù dwar dan ix-xogħol li qed isir f’dawn l-aħħar jiem. (Aqra Marku 13:10.) Skont ir-rakkont taʼ Mattew, Ġesù qal li l-aħbar tajba tas-Saltna se tiġi ppritkata mad-dinja kollha qabel jiġi “t-tmiem.” (Mt. 24:14) Il-kelma tmiem tfisser għal meta s-sistema ħażina taʼ Satana tispiċċa. Ġeħova diġà għażel ‘ħin u ġurnata’ meta ħa jagħmel dan. (Mt. 24:36; 25:13; Atti 1:7) U kuljum qed nersqu eqreb taʼ din il-ġurnata. (Rum. 13:11) Però sakemm tasal, irridu nagħmlu l-aħjar tagħna biex nibqgħu nippritkaw.

3. X’se jgħinna biex nippritkaw?

3 Aħna għala nippritkaw l-aħbar tajba? Din mistoqsija importanti li kollha kemm aħna rridu naħsbu dwarha. Aħna nippritkaw għax inħobbu. Meta mmorru fuq is-service, nuru kemm inħobbu l-messaġġ tal-aħbar tajba, lin-nies, lil Ġeħova u lil ismu. F’dan l-artiklu, ħa niddiskutu kull waħda minn dawn l-affarijiet.

AĦNA NIPPRITKAW GĦAX INĦOBBU L-AĦBAR TAJBA

4. Kif inħossuna meta nisimgħu aħbar tajba?

4 Tiftakar kif ħassejtek meta ġrat xi ħaġa sabiħa f’ħajtek, bħal pereżempju, xi ħadd fil-familja kellu tarbija jew kont ħa tibda taħdem xi xogħol li vera kellek bżonn? Wisq probabbli, tant kont ferħan li mill-ewwel bdejt tgħid lil tal-familja u l-ħbieb. Għamilt l-istess meta smajt l-isbaħ aħbar li teżisti, jiġifieri l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla?

5. Kif ħassejtek l-ewwel darba li smajt l-aħbar tajba mill-Bibbja? (Ara l-istampi.)

5 Tiftakar kif ħassejtek meta smajt il-verità mill-Bibbja l-ewwel darba? Int tgħallimt li Ġeħova jħobbok u li jixtieqek tkun parti mill-familja tiegħu. Tgħallimt ukoll li hu jwegħedna li l-uġigħ u t-tbatija ħa jispiċċaw għal dejjem. Barra minn hekk, sirt taf li fid-dinja l-ġdida tistaʼ terġaʼ tara lil dawk li mietu bħal tal-familja u l-ħbieb. (Mk. 10:​29, 30; Ġw. 5:​28, 29; Rum. 8:​38, 39; Riv. 21:​3, 4) Dan żgur li għamlek ferħan ħafna. (Lq. 24:32) U tant sirt tħobb dak li tgħallimt li xtaqt tgħid lil oħrajn dwaru!—Ara l-prinċipju f’​Ġeremija 20:9.

Meta tgħallimna l-verità, aħna xtaqna ngħidu lil kulħadd dwarha! (Ara paragrafu 5)


6. X’tistaʼ titgħallem mill-esperjenza taʼ Ernest u Rose?

6 Aħseb dwar din l-esperjenza. Ħu jismu Ernest kellu kważi għaxar snin meta miet missieru. Ernest jgħid: “Jien kont naħseb: ‘Tgħid missieri mar is-sema? Jew miet għal dejjem?’ Kont ngħir għal tfal oħrajn li kellhom missierhom ħaj.” Taʼ spiss, Ernest kien imur fuq il-qabar taʼ missieru u jitlob. Hu kien jgħid: “Alla, jekk jogħġbok, irrid inkun naf fejn hu missieri.” Madwar 17-il sena wara li miet missieru, Ernest ġie offrut studju tal-Bibbja u hu aċċetta. Hu kien ferħan ħafna meta sar jaf li l-mejtin ma jafu xejn u li qishom reqdin fil-fond. U ħa pjaċir ħafna wkoll meta tgħallem li l-Bibbja twiegħed li ħa jkun hemm irxoxt. (Ekk. 9:​5, 10; Atti 24:15) Fl-aħħar, Ernest sab it-tweġibiet li kien ilu snin sħaħ ifittex! Hu kien ferħan ħafna minħabba dak li kien qed jitgħallem mill-Bibbja. Il-mara tiegħu, Rose, bdiet tistudja wkoll u saret tħobb il-verità bħalu. Imbagħad fl-1978 tgħammdu. Huma b’żelu qalu lill-ħbieb, familja, u oħrajn dwar dak li kienu qed jitgħallmu mill-Bibbja. Fil-fatt, għenu iktar minn 70 persuna jitgħallmu dwar Ġeħova u jitgħammdu.

7. X’ħa nagħmlu meta nsiru nħobbu dak li tgħallimna mill-Bibbja? (Luqa 6:45)

7 Meta aħna nsiru nħobbu dak li tgħallem il-Bibbja, inħossu li rridu ngħidu lil kulħadd dwarha. (Aqra Luqa 6:45.) Fil-fatt, inħossuna eżatt bħad-dixxipli taʼ Ġesù meta qalu: “Aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” (Atti 4:20) Aħna tant inħobbu l-verità, li nixtiequ ngħidu lil kemm jistaʼ jkun nies dwarha.

AĦNA NIPPRITKAW GĦAX INĦOBBU N-NIES

8. Aħna għala nixtiequ ngħidu lil oħrajn dwar l-aħbar tajba? (Ara l-kaxxa  L-Imħabba Tgħinek Tagħmel Dixxipli.”) (Ara l-istampa.)

8 Bħal Ġeħova u Ġesù, aħna nħobbuhom ħafna lin-nies. (Prov. 8:31; Ġw. 3:16) Aħna jiddispjaċina għan-nies li huma “mingħajr Alla” u li ‘m’għandhomx tama.’ (Efes. 2:12) Huma qishom qegħdin jegħrqu bil-problemi li għandhom. Imma aħna għandna dak li għandhom bżonn biex jibqgħu ħajjin, jiġifieri l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Peress li nħobbuhom u jiddispjaċina għalihom, nagħmlu l-aħjar tagħna biex ngħidulhom din l-aħbar tajba. Dan il-messaġġ importanti jistaʼ jtihom tama, ħajja ferħana anke issa, u skop għal xiex jgħixu, jiġifieri “ħajja vera” għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla.—1 Tim. 6:19.

Peress li nħobbu n-nies u nħossu għalihom, aħna nagħmlu l-aħjar tagħna biex ngħidulhom dwar l-aħbar tajba (Ara paragrafu 8)


9. Aħna x’ngħidulhom lin-nies dwar il-futur, u għala? (Eżekjel 33:​7, 8)

9 Peress li nħobbu n-nies, aħna ngħidulhom li din id-dinja ħażina daqt se tispiċċa. (Aqra Eżekjel 33:​7, 8.) Aħna nħossu ħafna għalihom, inkluż dawk tal-familja li ma jaqdux lil Ġeħova. Illum ħafna ma jafux li fil-futur ġej “żmien taʼ tbatija kbira li qatt ma kien hawn bħalu fid-dinja u li qatt mhu se jerġaʼ jkun hawn.” Dan juruh bil-mod kif jgħixu ħajjithom. (Mt. 24:21) Aħna nixtiquhom ikunu jafu x’ħa jiġri fil-futur. L-ewwel, ir-reliġjonijiet foloz ħa jispiċċaw u wara, dak kollu li hu ħażin fid-dinja ħa jispiċċa f’Armageddon. (Riv. 16:​14, 16; 17:​16, 17; 19:​11, 19, 20) Aħna nixtiequ li n-nies jisimgħu dak li ngħidulhom u jingħaqdu magħna. Imma xi ngħidu għal dawk li ma jisimgħux, inkluż xi wħud mill-familja tagħna?

10. Għala hu importanti li nibqgħu ngħidu lin-nies x’se jiġri?

10 Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, jistaʼ jkun li Ġeħova jrid li wħud li jibdew jaqduh wara li jaraw lil Babilonja l-Kbira tinqered, isalvaw. Minħabba f’hekk, illum hu iktar importanti li ngħidulhom x’se jiġri. Aħseb ftit: Dak li ngħidulhom bħalissa, jistgħu jiftakruh fil-futur. (Ara l-prinċipju f’​Eżekjel 33:33.) Jistaʼ jkun li huma jaħsbu dwar dak li għednielhom u jibdew jaqdu lil Ġeħova magħna qabel ikun tard wisq. Pereżempju, meta l-appostlu Pawlu kien il-ħabs, l-għassies beda jaqdi lil Ġeħova wara li “seħħ terremot kbir.” B’mod simili, fiż-żmien taʼ tbatija kbira xi nies jistgħu jibdew jaqdu lil Ġeħova wara li jaraw ir-reliġjonijiet foloz jinqerdu.—Atti 16:​25-34.

AĦNA NIPPRITKAW GĦAX INĦOBBU LIL ĠEĦOVA U LIL ISMU

11. Lil Ġeħova kif intuh il-glorja, l-unur, u l-qawwa? (Rivelazzjoni 4:11) (Ara l-istampi.)

11 L-iżjed raġuni importanti għala mmorru nippritkaw hi għax aħna nħobbu lil Ġeħova u lil ismu. Aħna mmorru fuq is-service għax b’hekk infaħħru lil Ġeħova. (Aqra Rivelazzjoni 4:11.) Aħna naqblu maʼ dak li qalu l-anġli: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa.” Intuh glorja jew infaħħruh meta nuru lil oħrajn li hu ‘ħalaq l-affarijiet kollha’ u tana l-ħajja. Intuh il-qawwa tagħna meta nużaw il-ħin, is-saħħa, u l-affarijiet li għandna biex nippritkaw kemm nistgħu. (Mt. 6:33; Lq. 13:24; Kol. 3:23) Aħna nħobbu lil Ġeħova u għalhekk inħobbu nitkellmu dwaru. Aħna nieħdu pjaċir ukoll ngħidu lil oħrajn dwaru u dwar il-kwalitajiet li għandu. Għala?

Aħna nagħtu lil Ġeħova l-qawwa tagħna meta nużaw il-ħin, is-saħħa, u dak li għandna biex nippritkaw kemm nistgħu (Ara paragrafu 11)


12. Meta noħorġu service kif nirrispettaw isem Ġeħova?

12 L-imħabba li għandna għal Ġeħova timmotivana biex nirrispettaw lil ismu. (Mt. 6:​9, ntt.) Aħna nixtiequ ngħidu lil kulħadd li l-affarijiet ħżiena li Satana jgħid dwar Ġeħova huma gideb. (Ġen. 3:​1-5; Ġob 2:4; Ġw. 8:44) Meta mmorru service, inkunu nixtiequ ngħidu lin-nies min hu Ġeħova u dwar il-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Aħna nixtiequ ngħidu lil kulħadd li l-ikbar kwalità tiegħu hi l-imħabba. Nixtiequ ngħidulhom ukoll li Ġeħova jmexxi b’mod ġust, u kif is-Saltna tiegħu dalwaqt se tneħħi t-tbatija kollha u ġġib il-paċi. (Salm 37:​10, 11, 29; 1 Ġw. 4:8) Meta nitkellmu man-nies dwar dawn l-affarijiet, inkunu qegħdin inqaddsu, jiġifieri nirrispettaw lil ismu. Aħna nkunu ferħanin ukoll għax inkunu nafu li qed nagħmlu x-xogħol li qabbadna nagħmlu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. X’jiġifieri?

13. Għala hu privileġġ li nkunu Xhieda taʼ Ġeħova? (Isaija 43:​10-12)

13 Ġeħova għażilna biex inkunu “x-xhieda” tiegħu. (Aqra Isaija 43:​10-12.) Xi snin ilu, ittra mill-Ġemgħa li Tiggverna qalet: “L-ikbar privileġġ li jistaʼ jkollna hu li nkunu Xhieda taʼ Ġeħova.” Għala? Immaġina li ġejt akkużat li għamilt xi ħaġa ħażina. Allura jkollok bżonn lil xi ħadd bħala xhud biex juri li int innoċenti. Lil min tagħżel? Żgur li tagħżel lil xi ħadd li hu taʼ min jafdah u li għandu reputazzjoni tajba, ħalli b’hekk l-oħrajn jemmnuh. Peress li Ġeħova għażilna bħala x-Xhieda tiegħu, hu juri li jafna u ċert li se ngħidu lil oħrajn li hu l-uniku Alla veru. Dan hu privileġġ għalina u aħna nieħdu kull opportunità biex nitkellmu dwaru u nuru lil oħrajn li l-affarijiet koroh li Satana jgħid dwaru huma gideb. B’hekk, inkunu qed nagħtu xhieda dwar Ġeħova bħalma juri isimna!—Salm 83:18; Rum. 10:​13-15.

SE NIPPRITKAW SAL-AĦĦAR

14. Lejn xiex qed inħarsu ’l quddiem?

14 Kemm inħarsu ’l quddiem għal dak li se jiġri fil-futur! Aħna nixtiequ li bl-għajnuna taʼ Ġeħova, naraw iżjed nies jibdew jaqduh qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira. U aħna ferħanin li fiż-żmien diffiċli li ġej, jistaʼ jkun li iktar nies joħorġu mid-dinja taʼ Satana u jibdew jaqdu lil Ġeħova magħna!—Atti 13:48.

15-16. X’se nibqgħu nagħmlu, u sa meta?

15 Sakemm jasal dak iż-żmien, għandna xogħol importanti x’nagħmlu li qatt mhu se nerġgħu nagħmluh. Għandna l-privileġġ li nippritkaw l-aħbar tajba mad-dinja kollha. Hemm bżonn ukoll li ngħidu lin-nies x’se jiġri dalwaqt. Huma għandhom bżonn ikunu jafu li dalwaqt il-ħażen se jispiċċa. Imbagħad meta jasal dak iż-żmien, huma se jkunu jafu li dak li ppritkajna kien ġej minn Ġeħova.—Eżek. 38:23.

16 X’għandna nkunu determinati li nagħmlu? Peress li nħobbu l-aħbar tajba, lin-nies, u lil Ġeħova, aħna determinati li nkomplu nippritkaw kemm nistgħu, sakemm Ġeħova jgħidilna li x-xogħol tagħna hu lest!

GĦANJA 54 “Din hi t-triq”

a Fis-7 t’Ottubru 2023 kien hemm il-Laqgħa Annwali fis-Sala tal-Assemblea tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Newburgh, New York, l-Istati Uniti. Iżjed tard, l-aħwa setgħu jarawha fuq JW Broadcasting®—L-1 Parti f’Novembru 2023 u t-2 Parti f’Jannar 2024.