Għala l-ħajja hi taʼ min jgħixha
L-ARTIKLI taʼ qabel juru kif diversi ġrajjiet trawmatiċi jistgħu jagħmlu l-ħajja tidher li ma tistax tkampa magħha. Waqt li tiffaċċja l-problemi persunali tiegħek, tistaʼ titħasseb jekk il-ħajja hix taʼ min jgħixha jew jekk hemmx min jimpurtah minnek. Kun ċert li Alla jimpurtah mid-dwejjaq tiegħek. Int prezzjuż għalih.
Il-kittieb taʼ Salm 86 qal li hu fada f’Alla: “F’jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, għax int twiġibni.” (Salm 86:7) Imma int forsi taħseb, ‘Alla kif se jwiġibni “f’jum in-niket tiegħi”?’
Għalkemm Alla jistaʼ ma jsolvix il-problemi tiegħek mill-ewwel, il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, tassigurak li hu jistaʼ jagħtik il-paċi tal-moħħ biex jgħinek tkampa: ‘Tkun ansjuż fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħalli lil Alla jkun jaf x’teħtieġ; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbek u l-qawwa mentali [jew, il-ħsibijiet] tiegħek.’ (Filippin 4:6, 7) Jekk jogħġbok, ikkunsidra kif il-versi tal-Bibbja li ġejjin jassigurawna li Alla verament jimpurtah minna.
Alla veru jimpurtah minnek
‘Lanqas [għasfur tal-bejt] wieħed m’hu minsi quddiem Alla. Int tiswa iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.’—Luqa 12:6, 7.
IKKUNSIDRA DAN: Għasafar żgħar bħall-għasafar tal-bejt jistgħu ma jidhrux importanti għal maġġoranza tan-nies, imma Alla jimpurtah minnhom. Alla jinnota kull għasfur tal-bejt żgħir; kull wieħed hu ħliqa ħajja prezzjuża. Il-bnedmin huma ħafna iktar taʼ valur għal Alla mill-għasafar tal-bejt. Il-bnedmin huma l-iktar ħolqien straordinarju t’Alla fuq l-art. Huma magħmulin fuq ix-“xbieha” tiegħu u huma kapaċi jikkultivaw u juru l-kwalitajiet tal-għaġeb tiegħu.—Ġenesi 1:26, 27.
“O Ġeħova, int fittixt fija, u tafni. . . . Int għaraft il-ħsieb tiegħi . . . Eżaminani, u sir af il-ħsibijiet li jinkwetawni.”—Salm 139:1, 2, 23.
IKKUNSIDRA DAN: Alla jafek b’mod persunali. Hu jaf l-iktar emozzjonijiet u anzjetajiet sigrieti tiegħek. Filwaqt li oħrajn forsi ma jifhmux il-problemi u l-anzjetajiet tiegħek, Alla jimpurtah minnek u jrid jgħinek. Dan jagħmel il-ħajja taʼ min jgħixha.
Ħajtek għandha skop
“O Ġeħova, ismaʼ talbi; u ħa tasal għandek l-għajta tiegħi għall-għajnuna. . . . Mejjel widintek lejja; meta nsejjaħlek, fittex wiġibni. . . . Hu se jdur lejn it-talba taʼ dawk imneżżgħin minn kollox.”—Salm 102:1, 2, 17.
IKKUNSIDRA DAN: Hu bħallikieku minn meta l-bnedmin bdew ibatu, Ġeħova beda jżomm kont taʼ kull demgħa tal-bnedmin. (Salm 56:8) Dan jinkludi d-dmugħ tiegħek. Alla jiftakar il-provi kollha u d-dmugħ tiegħek għax int prezzjuż għalih.
“Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. . . . Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed . . . ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”—Isaija 41:10, 13.
IKKUNSIDRA DAN: Allu hu lest li jgħinek. Jekk taqaʼ, hu se jqajmek.
Hemm tama għal futur aħjar
“Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16.
IKKUNSIDRA DAN: Tant int għażiż għal Alla li hu minn qalbu ta lil Ibnu, Ġesù, bħala sagrifiċċju għall-benefiċċju tiegħek. Dan is-sagrifiċċju jagħtik it-tama li tgħix ħajja ferħana u bi skop għal dejjem. *
Għalkemm għandek mnejn tkun inkwetat u ħajtek tidher bħallikieku ma tistax tkampa magħha, studja bir-reqqa l-Kelma t’Alla u kkultiva fidi fit-tama li Alla jwiegħed. Dan se jagħmlek ferħan u ċert li l-ħajja hi taʼ min jgħixha.
^ Biex tkun taf iktar dwar kif tistaʼ tibbenefika mis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, ara l-vidjow Ftakar fil-mewt taʼ Ġesù fuq www.pr418.com. Fittex taħt DWARNA > IT-TIFKIRA.