Mur fil-kontenut

“Ejja Nqabblu l-Iskritturi”

“Ejja Nqabblu l-Iskritturi”

WIEĦED raġel sab fuljett maʼ l-art f’ferrovija li kienet sejra lejn il-belt taʼ New York. ‘Ir-ruħ tal-bniedem hi mortali,’ kien jgħid il-fuljett. Dan qanqallu l-kurżità u r-raġel, li kien ministru tal-knisja tiegħu, beda jaqrah. Hu baqaʼ skantat għax qatt qabel ma kien iddubita t-tagħlim taʼ l-immortalità tar-ruħ. Dak iż-żmien, ma kienx jaf min kien kiteb il-fuljett. Xorta waħda, hu sab li l-argument kien raġunevoli u Skritturali u l-materjal kien jistħoqqlu jiġi studjat bis-serjetà.

Il-ministru kien George Storrs. Din il-ġrajja seħħet fl-1837, is-sena li fiha Charles Darwin għall-ewwel darba niżżel bil-miktub il-ħsibijiet tiegħu li iktar tard żviluppaw fit-teorija taʼ l-evoluzzjoni. Il-maġġuranza tan-nies fid-dinja kienu għadhom reliġjużi, u kienu jemmnu f’Alla. Ħafna kienu jaqraw il-Bibbja u jistmawha bħala li kellha l-awtorità.

Maż-żmien Storrs sar jaf li l-fuljett inkiteb minn Henry Grew li kien minn Philadelphia, Pennsylvania. Grew żamm sod mal-prinċipju li l-aqwa interpretu taʼ l-iskrittura hija l-iskrittura nfisha. Grew u sħabu kienu qed jistudjaw il-Bibbja bl-għan li jġibu ħajjithom u l-attivitajiet tagħhom fi qbil mal-pariri tagħha. L-istudji tagħhom kixfu xi veritajiet Skritturali meraviljużi.

Imqanqal minn dak li kiteb Grew, Storrs fittex bir-reqqa fl-Iskrittura biex jara x’tgħid dwar ir-ruħ u ddiskuta l-kwistjoni maʼ wħud mill-ministri sħabu. Wara ħames snin taʼ studju fil-fond, Storrs finalment iddeċieda li jippubblika l-ġawhra ġdida taʼ verità Skritturali li sab. Għall-ewwel, hu pprepara priedka biex jagħtiha darba l-Ħadd fl-1842. Madankollu, hu ħass il-bżonn li jagħmel iktar priedki biex jispjega sew is-suġġett. Eventwalment, kellu total taʼ sitt priedki dwar il-mortalità tar-ruħ, li ppubblika fil-ktieb Six Sermons. Storrs qabbel l-iskritturi maʼ xulxin sabiex jikxef il-verità mill-isbaħ moħbija wara d-duttrini tal-Kristjaneżmu li jġibu diżunur lil Alla.

Tgħallem il-Bibbja li r-Ruħ Hija Immortali?

Il-Bibbja tgħid li s-segwaċi midlukin taʼ Ġesù jilbsu l-immortalità bħala premju għal-lealtà tagħhom. (1 Korintin 15:50-56) Storrs irraġuna li jekk l-immortalità hija premju għal dawk leali, ir-ruħ tal-ħżiena żgur ma tistax tkun immortali. Minflok ma qagħad jispekula, hu eżamina l-Iskrittura. Hu kkunsidra Mattew 10:28, King James Version, li jgħid: “Ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.” Għalhekk, ir-ruħ tistaʼ tinqered. Hu rrefera wkoll għal Eżekjel 18:4, li jgħid: “Ir-ruħ li tidneb tmut.” (KJ) Meta ġiet kunsidrata l-Bibbja kollha kemm hi, is-sbuħija tal-verità spikkat. “Jekk il-ħarsa li għandi dwar dan is-suġġett hija korretta,” kiteb Storrs, “allura ħafna porzjonijiet mill-Iskrittura, li ma kinux ċari dwar it-twemmin komuni li r-ruħ hija immortali, isiru ċari, sbieħ u kollhom tifsir u qawwa.”

Imma xi ngħidu dwar skritturi bħal Ġuda 7? Hemmhekk jgħid: “Hekk ukoll Sodoma u Gomorra, u l-bliet taʼ madwarhom, li tawha għaż-żena, u ntelqu għal dnubiet kontra n-natura, qegħdin bħala eżempju, waqt li jieħdu l-vendetta taʼ nar taʼ dejjem.” (KJ) Xi wħud meta jaqraw dan il-vers forsi jikkonkludu li l-erwieħ taʼ dawk li nqatlu f’Sodoma u Gomorra qed jiġu turmentati bin-nar għal dejjem. “Ejja nqabblu l-iskritturi,” kiteb Storrs. Imbagħad ikkwota t-2 Pietru 2:5, 6, li jgħid: “U ma ħafirhiex lid-dinja qadima, imma salva lil Noè . . . ġab id-dilluvju fuq id-dinja taʼ ħżiena; u għamel irmied il-bliet taʼ Sodoma u Gomorra, billi kkundannahom għall-qerda, biex iservu taʼ eżempju għal dawk li wara jgħixu fil-ħażen.” (KJ) Iva, Sodoma u Gomorra saru rmied, meqrudin għal dejjem flimkien maʼ l-abitanti tagħhom.

“Pietru jagħtina iktar informazzjoni dwar il-ktieb taʼ Ġuda,” spjega Storrs. “It-tnejn flimkien juru bl-iktar mod ċar id-diżapprovazzjoni li Alla wera kontra l-midinbin. . . . Dawk il-ġudizzji li seħħew fuq id-dinja tal-qedem, Sodoma u Gomorra, huma taʼ twiddiba, twissija, jew ‘eżempju’ dejjiemi, u bla tmiem, jew ‘eterni’ għall-bnedmin kollha sa truf l-art.” B’hekk, Ġuda kien qed jirreferi għall-effett tan-nar li qered lil Sodoma u Gomorra bħala wieħed dejjiemi. Dan bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li r-ruħ tal-bniedem hija mortali.

Storrs ma kienx qed juża skritturi li jappoġġaw il-ħarsa tiegħu filwaqt li jinjora oħrajn. Hu kkunsidra l-kuntest taʼ kull vers flimkien mal-ħsieb ġenerali tal-Bibbja. Jekk vers kien jidher li kien qed jikkontradixxi skritturi oħrajn, Storrs kien ifittex fil-kumplament tal-Bibbja għal spjegazzjoni loġika.

L-Istudji taʼ Russell mill-Iskrittura

Fost dawk li ssieħbu maʼ George Storrs kien hemm raġel żagħżugħ li kien qed jorganizza grupp taʼ studju tal-Bibbja f’Pittsburgh, Pennsylvania. Kien jismu Charles Taze Russell. Wieħed mill-ewwel artikli tiegħu fuq tema Skritturali kien pubblikat fl-1876 fir-rivista Bible Examiner, maħruġa minn Storrs. Russell irrikonoxxa lill-istudenti tal-Bibbja taʼ qablu ħallew effett fuqu. Iktar tard, bħala l-editur taʼ Zion’s Watch Tower, hu apprezza l-fatt li Storrs tah ħafna għajnuna, kemm bil-kliem u kemm bil-kitba.

Fl-età taʼ 18-il sena, C. T. Russell organizza klassi għall-istudju tal-Bibbja u stabbilixxa metodu għall-istudju tal-Bibbja. A. H. Macmillan, student tal-Bibbja msieħeb maʼ Russell, iddeskriva dan il-metodu: “Xi ħadd kien iqajjem mistoqsija. Kienu jiddiskutuha. Kienu jfittxu l-iskritturi kollha relatati mal-punt u mbagħad, meta kienu sodisfatti bl-armonija taʼ dawn il-versi, fl-aħħar kienu jistqarru l-konklużjoni tagħhom u jniżżluha bil-miktub.”

Russell kien konvint li l-Bibbja, meta kunsidrata bħala ħaġa waħda, bilfors li tirrivela messaġġ armonjuż u konsistenti fiha nfisha u fi qbil mal-personalità taʼ l-Awtur Divin tagħha. Kulmeta parti mill-Bibbja kienet tidher li hi diffiċli biex tinftiehem, Russell kien iħoss li kellha tiġi ċċarata u spjegata minn partijiet oħra tal-Bibbja.

Studenti tal-Bibbja fis-seklu 19 li ħallew l-Iskrittura tispjega lilha nfisha: George Storrs, Henry Grew, Charles Taze Russell, A. H. Macmillan

Tradizzjoni Skritturali

Madankollu, la Russell, la Storrs, u lanqas Grew ma kienu l-ewwel nies li ħallew lill-Iskrittura tinterpreta lilha nfisha. It-tradizzjoni tmur lura saħansitra sa Ġesù Kristu, il-Fundatur tal-Kristjanità. Hu uża għadd taʼ skritturi biex jiċċara t-tifsir veru tal-versi. Per eżempju, meta l-Fariżej ikkritikaw lid-dixxipli tiegħu minħabba li qatgħu s-sbul fis-Sabat, Ġesù wera mir-rakkont imniżżel fl-1 Samwel 21:6 kif il-liġi tas-Sabat għandha tiġi applikata. Il-mexxejja reliġjużi kienu familjari maʼ dan ir-rakkont, li fih David u l-irġiel tiegħu kielu mill-ħobż tal-preżentazzjoni. Ġesù mbagħad irrefera għall-parti tal-Liġi li kienet tistqarr li l-qassisin Aroniċi biss kellhom jieklu mill-ħobż tal-preżentazzjoni. (Eżodu 29:32, 33; Levitiku 24:9) Xorta waħda, David tħalla jiekol mill-ħobż. Ġesù kkonkluda l-argument persważiv tiegħu billi kkwota mill-ktieb taʼ Hosegħa: “Kieku fhimtu dan xi jfisser, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju,’ ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija.” (Mattew 12:1-8) X’eżempju mill-aqwa taʼ tqabbil bejn l-iskritturi biex tinkiseb fehma eżatta!

L-appostlu Pawlu ta prova taʼ dak li kien jgħallem billi rrefera għall-iskritturi

Is-segwaċi taʼ Ġesù użaw l-istess metodu billi użaw referenzi Skritturali biex jispjegaw xi skrittura. Meta l-appostlu Pawlu għallem lil dawk f’Tessalonika, hu “rraġuna magħhom mill-Iskrittura u spjega u ta prova permezz tar-referenzi li kien meħtieġ li l-Kristu jbati u mbagħad iqum mill-imwiet.” (Atti 17:2, 3) Ukoll, fl-ittri tiegħu ispirati minn Alla, Pawlu ħalla l-Bibbja tinterpreta lilha nfisha. Per eżempju, meta kiteb lill-Ebrej hu kkwota skrittura wara oħra biex jagħti prova li l-Liġi kienet dell taʼ l-affarijiet tajbin li kellhom jiġu.—Ebrej 10:1-18.

Iva, studenti tal-Bibbja sinċieri fis-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20 kienu sempliċement qed jirrestawraw dan il-metodu Kristjan. It-tradizzjoni li skritturi jitqabblu maʼ skritturi oħrajn għadha ssir fir-rivista t-Torri taʼ l-Għassa. (2 Tessalonikin 2:15) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw dan il-prinċipju meta janalizzaw xi skrittura.

Eżamina l-Kuntest

Kif nistgħu nimitaw l-eżempji mill-aħjar taʼ Ġesù u s-segwaċi leali tiegħu meta nkunu qed naqraw il-Bibbja? L-ewwel, nistgħu nikkunsidraw il-kuntest immedjat taʼ l-iskrittura li nkunu qed neżaminaw. Il-kuntest kif jistaʼ jgħinna nifhmu t-tifsir? Biex nagħtu tixbiha, ejja nikkunsidraw il-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 16:28: “Tassew ngħidilkom li xi wħud minn dawk li qegħdin hawnhekk żgur ma jduqux il-mewt qabel ma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-saltna tiegħu.” Xi wħud forsi jħossu li dan il-kliem ma twettaqx għaliex id-dixxipli kollha taʼ Ġesù li kienu preżenti meta qal dan il-kliem mietu qabel ma ġiet stabbilita s-Saltna t’Alla fis-smewwiet. The Interpreter’s Bible saħansitra jgħid hekk dwar dan il-vers: “It-tbassira ma twettqitx, u iktar tard il-Kristjani ħassew li kien neċessarju li jispjegawha b’mod metaforiku.”

Madankollu, il-kuntest taʼ dan il-vers, flimkien mar-rakkonti taʼ Marku u Luqa dwar l-istess ġrajja, jgħinna nifhmu t-tifsir veru taʼ l-iskrittura. Mattew x’qal eżatt wara l-kliem li kkwotajna hawn fuq? Hu kiteb: “Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil ħuh Ġwanni, u tellagħhom fuq muntanja għolja waħedhom. U tbiddel quddiemhom.” (Mattew 17:1, 2) Kemm Marku u kemm Luqa rabtu l-kumment taʼ Ġesù dwar is-Saltna mar-rakkont tat-trasfigurazzjoni. (Marku 9:1-8; Luqa 9:27-36) Il-miġja taʼ Ġesù bħala l-ħakkiem tas-Saltna ntweriet fit-trasfigurazzjoni tiegħu, fejn deher fil-glorja tiegħu quddiem it-tliet appostli. Pietru jivverifika din il-fehma billi jitkellem dwar “il-qawwa u l-preżenza tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu” b’referenza għal meta xehed għat-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù.—2 Pietru 1:16-18.

Int Tħalli lill-Bibbja Tinterpreta Lilha Nfisha?

Xi ngħidu jekk ma tistax tifhem skrittura anki wara li tkun ikkunsidrajt il-kuntest? Forsi tistaʼ tibbenefika billi tqabbilha maʼ skritturi oħrajn, filwaqt li żżomm f’moħħok il-ħsieb ġenerali tal-Bibbja. Għodda waħda eċċellenti biex nagħmlu dan tinsab fin-New World Translation of the Holy Scriptures, issa disponibbli kollha kemm hi jew parti minnha f’57 lingwa. Din l-għodda hija l-lista taʼ referenzi marġinali, li tidher fil-kolonna tan-nofs taʼ kull paġna f’ħafna mill-edizzjonijiet tagħha. Tistaʼ ssib iktar minn 125,000 minn dawn ir-referenzi fin-New World Translation of the Holy Scriptures—With References li hi disponibbli b’diversi lingwi ewlenin. L-“Introduzzjoni” għal din il-Bibbja tispjega: “Tqabbil bir-reqqa tar-referenzi marġinali u eżaminar tan-noti taʼ taħt li hemm mal-versi se jirrivelaw li hemm armonija sħiħa fis-66 ktieb Bibliku, u b’hekk jagħtu prova li dawn jagħmlu ktieb wieħed, ispirat minn Alla.”

Ejja naraw kif l-użu tar-referenzi marġinali jistgħu jgħinuna nifhmu skrittura partikulari. Ejja nikkunsidraw, per eżempju, l-istorja t’Abram, jew Abraham. Ikkunsidra din il-mistoqsija: Min ħa t-tmexxija meta Abram u familtu telqu minn Ur? Ġenesi 11:31 jgħid: “Teraħ qabad lil ibnu Abram, lil Lot, . . . Saraj, mart ibnu, . . . u telaq bihom minn Ur tal-Kaldin lejn l-art taʼ Kangħan; u waslu Ħaran u baqgħu hemm.” Meta wieħed jaqra dan jistaʼ jikkonkludi li Teraħ, missier Abram, ħa t-tmexxija. Madankollu, fin-New World Translation, insibu 11-il referenza marġinali dwar dan il-vers. L-aħħar waħda tiħodna f’Atti 7:2, fejn naqraw it-twissija li Stiefnu ta lil-Lhud taʼ l-ewwel seklu: “L-Alla tal-glorja deher lil missierna Abraham waqt li dan kien fil-Mesopotamja, qabel ma mar joqgħod f’Ħaran, u qallu, ‘Oħroġ minn artek u minn fost qrabatek u ejja fl-art li nurik.’” (Atti 7:2, 3) Kien Stiefnu qed iħawwad dan maʼ meta Abram telaq minn Ħaran? Dażgur li le, għax din hija parti mill-Kelma ispirata t’Alla.—Ġenesi 12:1-3.

Allura, Ġenesi 11:31 għala jgħid li “Teraħ qabad lil ibnu Abram” u oħrajn minn familtu u ħareġ minn Ur? Teraħ kien għadu l-kap patrijarkali. Hu aċċetta li jmur m’Abram, u b’hekk deher li hu kien ħa l-familja Ħaran. Billi nqabblu u nsibu l-armonija bejn dawn iż-żewġ skritturi, nistgħu nifhmu x’ġara eżattament. Abram bir-rispett ikkonvinċa lil missieru biex joħroġ minn Ur fi qbil mal-kmand t’Alla.

Meta naqraw l-Iskrittura, għandna nikkunsidraw il-kuntest tar-rakkont u l-ħsieb ġenerali tal-Bibbja. Il-Kristjani jingħataw dan il-parir: “Aħna ma rċivejniex l-ispirtu tad-dinja, imma l-ispirtu li ġej mingħand Alla, biex inkunu nafu dak li ngħatalna b’qalb tajba minn Alla. U bl-istess mod dan ma nitkellmuhx bi kliem mgħallem mill-għerf tal-bniedem, imma bi kliem mgħallem mill-ispirtu, hekk kif ngħaqqdu affarijiet spiritwali maʼ kliem spiritwali.” (1 Korintin 2:11-13) Tabilħaqq, irridu nitolbu bil-ħrara lil Ġeħova biex jgħinna nifhmu l-Kelma tiegħu u nipprovaw “ngħaqqdu affarijiet spiritwali maʼ kliem spiritwali” billi niċċekkjaw il-kuntest taʼ l-iskrittura li nkunu qed nikkunsidraw u billi nfittxu l-iskritturi relatati magħha. Jalla nibqgħu nsibu ġawhar meraviljużi tal-verità permezz taʼ l-istudju tal-Kelma t’Alla.

“Ejja Nqabblu l-Iskritturi”“Ejja Nqabblu l-Iskritturi”inqabblu-l-iskritturiQabbel l-Iskritturi—Metodu Tajjeb taʼ Studju tal-BibbjaĦalli l-Bibbja tispjega lilha nfisha. Eżamina l-kuntest. Tgħallem dawn il-metodi effetivi u oħrajn li ilhom jintużaw b’suċċess.qabbel l-iskritturi, studju tal-bibbja, george storrs, henry grew, charles taze russell“Ejja Nqabblu l-Iskritturi”“Ejja nqabblu l-Iskritturi”Meta nkunu qed naqraw vers mill-Bibbja, il-kuntest kif jistaʼ jgħinna nifhmu t-tifsira?“Ejja Nqabblu l-Iskritturi”“Ejja nqabblu l-Iskritturi”