Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ERSAQ QRIB LEJN ALLA

‘Hu l-Alla tal-Ħajjin’

‘Hu l-Alla tal-Ħajjin’

Hija l-​mewt iktar b’saħħitha minn Alla? Dażgur li le! Il-​mewt—jew kwalunkwe “għadu” ieħor—kif tistaʼ tkun iktar b’saħħitha minn “Alla li Jistaʼ Kollox”? (1 Korintin 15:26; Eżodu 6:3) Alla għandu l-​qawwa li jġib il-​mewt fix-​xejn permezz tal-​irxoxt, u hu jwiegħed li jagħmel proprju dan fid-​dinja l-​ġdida tiegħu. * Kemm hi ċerta din il-​wegħda? Bin Alla nnifsu, Ġesù, jgħidilna dan bi kliem li jistaʼ jimlielna qalbna bit-​tama.—Aqra Mattew 22:31, 32.

Meta tkellem mas-​Sadduċej, li ma kinux jemmnu fl-​irxoxt, Ġesù qal: “Imma rigward l-​irxoxt tal-​mejtin, ma qrajtux dak li qalilkom Alla, ‘Jien l-​Alla t’Abraham u l-​Alla taʼ Iżakk u l-​Alla taʼ Ġakobb’? Hu mhux l-​Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin.” Hawnhekk Ġesù rrefera għall-​konversazzjoni li Alla kellu maʼ Mosè ħdejn l-​għollieqa taqbad xi 3,500 sena ilu. (Eżodu 3:1-​6) Skont Ġesù, il-​kliem taʼ Ġeħova lil Mosè—“Jien l-​Alla t’Abraham u l-​Alla taʼ Iżakk u l-​Alla taʼ Ġakobb”—jindika li l-​wegħda tal-​irxoxt żgur se titwettaq. Kif?

L-​ewwel ikkunsidra l-​kuntest. Fiż-​żmien meta Ġeħova tkellem maʼ Mosè, il-​patrijarki Abraham, Iżakk, u Ġakobb kienu ilhom ħafna mejtin—Abraham għal 329 sena, Iżakk għal 224 sena, u Ġakobb għal 197 sena. Imma Ġeħova qal “jien l-​Alla”—mhux “jien kont l-​Alla” tagħhom. Ġeħova tkellem dwar dawn it-​tliet patrijarki mejtin bħallikieku kienu għadhom ħajjin. Għala?

Ġesù spjega: “Hu [Ġeħova] mhux l-​Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin.” Aħseb ftit dwar xi jfisser dan il-​kliem. Jekk m’hemmx irxoxt, mela Abraham, Iżakk, u Ġakobb jibqgħu għal dejjem maħkumin mill-​mewt. Jekk dan hu minnu, Ġeħova kieku jkun Alla tal-​katavri. Mill-​banda l-​oħra, dan ikun ifisser li l-​mewt hi iktar b’saħħitha minn Ġeħova—bħallikieku huwa dgħajjef wisq biex jeħles lill-​qaddejja leali tiegħu mill-​ħakma tal-​mewt.

Allura, x’nistgħu nikkonkludu dwar Abraham, Iżakk, u Ġakobb, u l-​qaddejja leali kollha taʼ Ġeħova li mietu? Ġesù għamel din l-​istqarrija qawwija: “Kollha ħajjin għalih.” (Luqa 20:38) Iva, l-​iskop taʼ Ġeħova li jirxoxta l-​qaddejja leali tiegħu li mietu tant hu ċert li se jitwettaq li hu jaħseb dwarhom bħallikieku huma ħajjin. (Rumani 4:16, 17) Ġeħova se jżomm lil uħud bħal dawn fil-​memorja bla limitu li għandu sakemm jasal iż-​żmien tiegħu biex jerġaʼ jagħtihom il-​ħajja.

Ġeħova għandu l-​qawwa kollha meħtieġa biex jirxoxta lin-​nies

Jattirak il-​prospett li terġaʼ tingħaqad maʼ xi maħbub mejjet? Jekk inhu hekk, ftakar li Ġeħova għandu l-​qawwa kollha meħtieġa biex jirxoxta lin-​nies. Xejn ma jistaʼ jwaqqfu milli jwettaq il-​wegħda tiegħu biex jirxoxta lill-​mejtin. Għala ma titgħallimx iktar dwar il-​wegħda tal-​irxoxt u dwar l-​Alla li se jwettaqha? Billi tagħmel hekk, żgur se tersaq eqreb lejn Ġeħova, ‘l-​Alla tal-​ħajjin.”

Inħeġġuk Taqra mill-​Bibbja

Mattew 22-28Marku 1-8

^ par. 3 Biex titgħallem iktar dwar il-​wegħda t’Alla taʼ rxoxt għall-​ħajja f’dinja ġdida u ġusta, ara kapitlu 7 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.