Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | GIDEB LI JĠIEGĦLEK TAĦSEB LI MA TISTAX TĦOBB LIL ALLA

Il-Gidba li Alla Hu Kattiv

Il-Gidba li Alla Hu Kattiv

DAK LI ĦAFNA JEMMNU

“L-​erwieħ taʼ dawk li jmutu fl-​istat tad-​dnub mejjet wara mewthom jinżlu minnufih fl-​infern, fejn isofru għal dejjem il-​pieni tal-​infern, ‘in-​nar taʼ dejjem.’” (Il-​Katekiżmu tal-​Knisja Kattolika) Xi mexxejja reliġjużi jgħidu li l-​infern huwa stat taʼ qtugħ u separazzjoni għalkollox minn Alla.

IL-​VERITÀ MILL-​BIBBJA

“Ir-​ruħ li qed tidneb—din tmut.” (Eżekjel 18:4) Il-​mejtin “ma jafu assolutament xejn.” (Ekkleżjasti 9:5) Jekk ir-​ruħ tmut u ma tkun taf xejn, kif tistaʼ ssofri fin-​“nar taʼ dejjem” jew inkella tħoss l-​uġigħ taʼ separazzjoni għal dejjem minn Alla?

Fil-​Bibbja, il-​kliem bl-​Ebrajk u bil-​Grieg li spiss jiġi tradott “infern” fil-​fatt jirreferi għall-​qabar komuni tal-​bniedem. Pereżempju, meta Ġob sofra minħabba marda taʼ wġigħ, hu talab: “O li fil-​qabar [“fl-​infern,” Douay-​Rheims Version] kont taħbini.” (Ġob 14:13) Ġob ma riedx jistrieħ f’post taʼ turment jew xi mkien maqtugħ minn Alla, imma fil-​qabar.

GĦALA HU IMPORTANTI

Il-​kattiverija ma tħabbibniex m’Alla; pjuttost tbegħedna minnu. “Minn tfuliti ġejt mgħallem id-​duttrina tan-​nar tal-​infern,” tgħid Rocío, li tgħix il-​Messiku. “Tant kont nitwerwer li ma kontx nistaʼ nimmaġina li Alla kellu xi kwalità tajba. Kont naħseb li hu rrabjat u intolleranti.”

L-​istqarrijiet ċari tal-​Bibbja dwar il-​ġudizzji t’Alla u l-​qagħda tal-​mejtin biddlu ħarset Rocío dwar Alla. “Ħassejtni ħielsa—li piż emozzjonali kbir tneħħa minn fuq spallejja,” tgħid hi. “Bdejt nemmen li Alla jrid l-​aħjar għalina, li jħobbna, u li jien nistaʼ nħobb lilu. Hu bħal missier li jaqbad id uliedu u li jixtiqilhom il-​ġid.”—Isaija 41:13.

Ħafna stinkaw biex jgħixu ħajja taʼ devozzjoni minħabba l-​biżaʼ min-​nar tal-​infern, imma Alla ma jridekx taqdih minħabba li titwerwer minnu. Minflok, Ġesù qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek.” (Marku 12:29, 30) Iktar minn hekk, meta nirrealizzaw li llum Alla ma jaġixxix bl-​inġustizzja, aħna nistgħu nafdaw fil-​ġudizzji futuri tiegħu. Bħal sieħeb Ġob, Eliħu, bil-​fiduċja nistgħu ngħidu: “Ma jistax ikun li l-​Alla l-​veru jaġixxi bil-​ħażen, u li Dak li Jistaʼ Kollox jaġixxi b’mod inġust!”—Ġob 34:10.