Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | GIDEB LI JĠIEGĦLEK TAĦSEB LI MA TISTAX TĦOBB LIL ALLA

Il-Gidba li Alla Hu Misteru

Il-Gidba li Alla Hu Misteru

DAK LI ĦAFNA JEMMNU

“It-​Trinità hi waħda. Ma nistqarrux tliet allat, imma Alla wieħed fi Tliet Persuni: ‘It-​Trinità konsustanzjali’. It-​Tliet Persuni ma jaqsmux bejniethom in-​natura waħda taʼ Alla, imma kull waħda mill-​Persuni hi Alla kollu kemm hu. ‘Il-​Missier hu dak l-​istess li hu l-​Iben, l-​Iben dak l-​istess li hu l-​Missier, il-​Missier u l-​Iben dak l-​istess li hu l-​Ispirtu s-​Santu, jiġifieri Alla wieħed fin-​natura tiegħu’.”—Il-​Katekiżmu tal-​Knisja Kattolika.

IL-​VERITÀ MILL-​BIBBJA

Ġesù, Bin Alla, qatt ma stqarr li kien ugwali maʼ Missieru jew tal-​istess sustanza tiegħu. Minflok, hu qal: “Sejjer għand il-​Missier, għax il-​Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28) Ukoll, lil wieħed mis-​segwaċi tiegħu qallu: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.”—Ġwanni 20:17.

L-​ispirtu qaddis mhuwiex persuna. Il-​Kristjani tal-​bidu “mtlew bl-​ispirtu qaddis,” u Ġeħova qal: “Inferraʼ ftit mill-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin.” (Atti 2:1-​4, 17) L-​ispirtu qaddis mhuwiex parti minn Trinità. Huwa l-​forza attiva t’Alla.

GĦALA HU IMPORTANTI

L-​istudjużi Kattoliċi Karl Rahner u Herbert Vorgrimler jispjegaw li t-​Trinità “ma setgħetx tkun magħrufa mingħajr rivelazzjoni, u saħansitra wara r-​rivelazzjoni ma tistax tinftiehem kompletament.” Tistaʼ verament tħobb lil xi ħadd li ma tistax issir tafu jew tifhmu? Id-​duttrina tat-​Trinità, mela, hi taʼ xkiel għal min irid ikun jaf u jħobb lil Alla.

Marco, li ssemma qabel, qies it-​Trinità bħala xkiel. Hu jgħid: “Jien kont naħseb li Alla kien qed jaħbi l-​identità tiegħu minni, u dan wassal biex hu sar iktar imbiegħed, misterjuż, u li ma nistax nersaq lejh.” Però, “Alla mhux Alla tat-​taħwid.” (1 Korintin 14:33, Saydon) Hu ma ħebiex l-​identità tiegħu minna. Hu jridna nsiru nafuh. Ġesù qal: “Aħna nqimu dak li nafu.”—Ġwanni 4:22.

“Meta sirt naf li Alla mhux parti minn Trinità,” jgħid Marco, “sa fl-​aħħar setaʼ jkolli relazzjoni personali miegħu.” Jekk inqisu lil Ġeħova bħala Persuna distinta u mhux xi stranġier misterjuż, ikun bil-​wisq eħfef biex inħobbuh. Il-​Bibbja tgħid: “Min ma jħobbx ma sarx jaf lil Alla, għax Alla hu mħabba.”—1 Ġwanni 4:8.