Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | IT-TIPJIP—KIF IQISU ALLA?

Epidemija globali

Epidemija globali

It-tipjip hu qattiel bla heda.

  • Qatel 100,000,000 ruħ matul l-aħħar seklu.

  • Jieħu xi 6,000,000 ħajja fis-sena.

  • Bejn wieħed u ieħor, joqtol persuna kull sitt sekondi.

U ma jidhirx li se jieqaf.

L-awtoritajiet jikkalkulaw li jekk l-affarijiet ikomplu sejrin kif inhuma, sal-2030, in-numru taʼ mwiet kaġun tat-tipjip se jitlaʼ għal iktar minn 8,000,000 fis-sena. U jbassru li t-tipjip se jkun ħa 1,000,000,000 ħajja sa tmiem is-seklu 21.

Il-vittmi tat-tabakk mhumiex biss in-nies li jpejpu. Inkluż magħhom hemm il-membri tal-familja li jħallu warajhom u dawn ibatu telf emozzjonali u finanzjarju. Ukoll hemm is-600,000 persuna li jmutu kull sena, li avolja ma jpejpux, jieħdu d-duħħan li jiġi mit-tipjip taʼ ħaddieħor. Il-piż tal-ispejjeż li dejjem jiżdiedu għall-kura tas-saħħa jinfirex fuq kulħadd.

Għall-kuntrarju t’epidemiji li jgħaġġlu lit-tobba biex isibu kura, hemm ċans kbir li din il-pjaga titfejjaq; is-soluzzjoni kulħadd jafha. Dr. Margaret Chan, direttriċi-ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, qalet: “L-epidemija tat-tipjip hi kollha kemm hi maħluqa mill-bniedem, u tistaʼ titwaqqaf permezz tal-isforzi magħqudin tal-gvernijiet u tas-soċjetà ċivili.”

Ir-respons internazzjonali biex din il-kriżi tas-saħħa tiġi miġġielda qatt ma kien daqshekk qawwi. Minn Awwissu tal-2012, xi 175 pajjiż qablu li jieħdu passi biex inaqqsu l-użu tat-tabakk. * Però, qawwiet b’saħħithom qed iġiegħlu l-epidemija tkompli. Kull sena, l-industrija tat-tabakk tonfoq biljuni taʼ ewro fuq reklamar biex tiġbed klijenti ġodda, speċjalment minn fost nisa u adulti żgħażagħ f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Peress li t-tabakk hu vizzjuż, nistgħu ngħidu li n-numru taʼ nies li jmutu bih se jibqaʼ għoli, u hemm biljun ruħ li diġà qabdu l-vizzju. Jekk dawk li issa jpejpu ma jiqfux, l-imwiet se jiżdiedu ġmielhom fl-erbgħin sena li ġejjin.

Ir-reklamar tat-tabakk u d-dipendenza minnu jżommu lil ħafna fl-iskjavitù taʼ vizzju li jixtiequ jaqtgħu. Din kienet l-esperjenza taʼ Naoko. Hi bdiet tpejjep meta kienet għadha żagħżugħa. Kienet tħossha sofistikata meta kienet tikkopja kif kien jiġi rreklamat il-vizzju fil-midja. Minkejja li l-ġenituri tagħha t-tnejn mietu bil-kanċer tal-pulmun, hi kompliet tpejjep, anki meta kienet trabbi liż-żewġt ibniet tagħha. “Kont konċernata li setaʼ jaqbadni l-kanċer tal-pulmun u inkwetata għas-saħħa taʼ wliedi,” tammetti hi, “imma xorta ma stajtx naqtaʼ l-vizzju. Kont naħseb li qatt ma stajt nieqaf inpejjep.”

Madankollu, Naoko rnexxielha tieqaf. Sabet il-motivazzjoni biex tegħleb il-vizzju tat-tipjip mill-istess sors li għen lil miljuni oħra jibqgħu ħelsin mit-tabakk. X’inhu dan is-sors? Jekk jogħġbok kompli aqra.

^ par. 11 Dawn il-miżuri jinkludu l-edukazzjoni tan-nies dwar il-perikli tat-tipjip, il-limitazzjoni tar-reklamar tat-tabakk, iż-żieda tat-taxxi fuq it-tabakk, u li jiġu stabbiliti programmi biex jgħinu lin-nies jaqtgħu t-tipjip.