Meta t-Tfal Ikollhom id-Deni
Meta t-Tfal Ikollhom id-Deni
“Ma niflaħx!” Meta xi ħadd minn uliedek jgħidlek hekk b’leħen imdejjaq, x’aktarx li tiċċekkja minnufih jekk għandux deni. U wieħed jistaʼ jifhem kif tibda tinkwieta malli ssiblu ħajta deni.
Skond studju li sar miċ-Ċentru tat-Tfal taʼ Johns Hopkins f’Baltimore, Maryland, fl-Istati Uniti, 91 fil-mija mill-ġenituri intervistati kienu jaħsbu li “anki deni ħafif jistaʼ jikkaġuna mill-inqas effett wieħed taʼ ħsara, bħal aċċessjonijiet jew ħsara fil-moħħ.” L-istess studju juri li “89 fil-milja mill-ġenituri taw lil uliedhom mediċini li jniżżlu d-deni qabel ma t-temperatura tat-tfal tagħhom laħqet il-102 gradi Fahrenheit (38.9 grad Celsius).”
Eżattament, kemm għandek tinkwieta meta wliedek jitlgħalhom id-deni? U x’inhuma l-aħjar modi taʼ kura?
L-Irwol Importanti tad-Deni
Kif jitlaʼ d-deni? Għalkemm il-medja tat-temperatura normali tal-ġisem hija madwar 37 grad Celsius (meta titkejjel mill-ħalq), normalment it-temperatura taʼ persuna tvarja matul il-ġurnata bi grad wieħed jew iktar. * B’hekk, it-temperatura tiegħek tistaʼ tkun iktar baxxa fil-għodu u ogħla minn hekk tard wara nofsinhar. L-ipotalamu, li jinsab fil-bażi tal-moħħ, jirregola t-temperatura tal-ġisem, simili ħafna għal kif jagħmel termostat. Id-deni jitlaʼ meta s-sistema taʼ l-immunità jkollha invażjoni taʼ batterji jew viruses. Mid-dehra, din tirreaġixxi billi tipproduċi sustanzi piroġeniċi fid-demm, jiġifieri li jnaqqsu d-deni. Dan jikkaġuna lill-ipotalamu biex “jissettja” t-temperatura għal livell ogħla.
Filwaqt li d-deni jistaʼ joħloq xi wġigħ ħafif u telf taʼ ilma mill-ġisem (dehydration), dan ma jfissirx li bilfors jagħmel il-ħsara. Fil-fatt, skond il-Fondazzjoni taʼ Mayo għall-Edukazzjoni u r-Riċerka Medika, donnu jidher li d-deni għandu rwol importanti biex jgħin lill-ġisem jeħles minn infezzjonijiet kaġunati minn batterji u viruses. “Il-viruses li jikkaġunaw irjiħat u infezzjonijiet respiratorji oħrajn jippreferu temperaturi baxxi. Billi jipproduċi ftit deni,
ġismek jistaʼ fil-fatt ikun qiegħed jgħin biex ineħħi l-virus.” B’hekk, din il-fondazzjoni tkompli tgħid li “f’każ taʼ ftit deni m’huwiex neċessarju li jitniżżel għax dan jistaʼ jfixkel il-mekkaniżmu naturali taʼ fejqan li għandhom it-tfal.” Taʼ interess, fil-Messiku hemm sptar fejn it-tobba saħansitra jikkuraw ċertu mard billi jgħollu t-temperatura tal-ġisem, kura li tissejjaħ ipertermija.It-Tabib Al Sacchetti, mill-Kulleġġ Amerikan tat-Tobba f’Każ t’Emerġenza, jgħid: “Id-deni nnifsu rari joħloq problema. Madankollu, dan ikun sinjal li hemm xi infezzjoni. Għaldaqstant, meta t-tfal ikollhom id-deni, l-attenzjoni għandha tkun fuq it-tfal, u l-infezzjoni li jistaʼ jkun hemm, u mhux fuq kemm qed timmarka l-ħġieġa tad-deni.” L-Akkademja Amerikana tal-Pedjatrija tinnota: “Ġeneralment m’hemmx għalfejn tingħata kura f’każ taʼ deni taħt il-101 grad Fahrenheit (38.3 grad Celsius) ħlief jekk it-tfal qed iħossuhom ma jifilħux jew tawhom xi aċċessjonijiet fil-passat. Anki f’każ taʼ temperaturi ogħla minn hekk ma jfissirx li hemm il-periklu jew xi ħaġa serja, ħlief meta t-tfal tawhom xi aċċessjonijiet fil-passat jew inkella għandhom xi marda kronika. Huwa iktar importanti li tosserva l-imġiba tat-tfal. Jekk dawn qed jieklu u jorqdu sew, u jqattgħu perijodi taʼ ħin jilagħbu, x’aktarx li m’għandhom bżonn l-ebda kura.”
X’Tistaʼ Tagħmel Meta Jitlaʼ Ftit Deni
Dan ma jfissirx li ma tistaʼ tagħmel xejn biex tgħin lil uliedek. Xi esperti mediċi jirrikkmandaw li tagħmel dawn l-affarijiet meta xi ħadd mit-tfal jitlagħlu ftit deni: Żomm il-kamra tat-tifel friska b’mod pjaċevoli. Libbsu ħafif. (Sħana żejda tistaʼ żżid id-deni.) Ħeġġeġ lit-tifel biex jixrob iktar mis-soltu, bħal per eżempju ilma, meraq tal-frott miżjud bl-ilma, u brodu, għax id-deni jistaʼ jikkaġuna telf taʼ ilma mill-ġisem. * (Xorb li jkun fih il-kafeina, bħal luminati bil-gass jew te fermentat qabel ma jiġi mnixxef, huwa dijuretiku u jistaʼ jikkaġuna iktar telf taʼ ilma.) It-trabi għandhom jibqgħu jitreddgħu. Evita ikel tqil għall-istonku, għax id-deni jnaqqas l-attività taʼ l-istonku.
Meta t-tfal jitlgħalhom id-deni iktar minn 38.9 grad Celsius, ġeneralment jistgħu jingħataw mediċini li jinxtraw mingħajr ir-riċetta tat-tabib. Dawn il-mediċini, bħal parasetamol jew ibuprofen, iservu biex jinżel id-deni. Madankollu, huwa importanti li wieħed jimxi mad-doża indikata fuq it-tikketta. (Tfal taħt is-sentejn m’għandhom jingħataw l-ebda mediċina mingħajr il-parir taʼ tabib.) Il-mediċini li jniżżlu d-deni ma jaħdmux kontra l-virus li jkun hemm. Għalhekk, dawn ma jgħaġġlux il-proċess taʼ fejqan minn xi riħ jew mard ieħor bħal dan, imma jistgħu jtaffu l-uġigħ ħafif li jkun hemm. Xi esperti jirrikkmandaw li l-aspirina m’għandhiex tingħata lil tfal taħt is-16-il sena biex jinżlilhom id-deni, għax sabu li din għandha x’taqsam mas-sindromu taʼ Reye—marda li tistaʼ tkun taʼ periklu kbir għall-ħajja. *
Id-deni jistaʼ jitniżżel ukoll billi xxarrab lit-tifel bi sponża. Poġġi lit-tifel fi friskatur bi ftit ċentimetri ilma fietel, u oqgħod xarrbu bi sponża. (Tużax xi tip taʼ alkoħol biex togħroklu ġismu, għax dan jistaʼ jkun velenuż.)
Il-kaxxa f’dan l-artiklu fiha xi tagħrif utli dwar meta wieħed għandu mnejn jiddeċiedi li jġib it-tabib. Il-kura medika hija importanti b’mod speċjali għal xi ħadd li jgħix fi nħawi fejn jeżisti ħafna mard kiefer bħad-dengue, il-virus taʼ l-Ebola, it-tifojde, jew id-deni tas-suffejra.
Ġeneralment, allura, l-aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tkun żgura li t-tifel jew t-tifla qed tħossha ftit aħjar. Ftakar li huwa rari li d-deni tant jitlaʼ li jikkaġuna ħsara fis-sistema nervuża jew mewt. Għalkemm dak li jkun jinkwieta, ġeneralment anki l-aċċessjonijiet minħabba d-deni ma jikkaġunawx effetti fit-tul.
M’għandniex xi ngħidu, il-prevenzjoni hija l-aqwa kura, u wieħed mill-iktar modi effettivi kif tipproteġi lil uliedek mill-infezzjonijiet huwa billi tgħallimhom dwar l-indafa. It-tfal għandhom jiġu mgħallmin jaħslu idejhom spiss—speċjalment qabel jieklu, wara li jużaw it-tojlit, wara li jqattgħu xi ħin f’post pubbliku ffollat, jew wara li jmissu xi annimali. Jekk, minkejja l-isforzi kollha li tagħmel, it-tfal titlgħalhom ħajta deni, tippanikkjax. Bħalma tgħallimna, hemm ħafna affarijiet x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uliedek jirkupraw.
[Noti taʼ taħt]
^ par. 6 It-temperatura tistaʼ tvarja skond minfejn jitkejjel id-deni u t-tip taʼ termometru li jintuża.
^ par. 10 Ara l-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 t’April, 1995, dwar kif tipprepara taħlita biex iżżid l-ilma fil-ġisem u li tistaʼ tintuża f’każijiet taʼ deni flimkien maʼ dijarea jew remettar.
^ par. 11 Is-sindromu taʼ Reye huwa marda serja fis-sistema nervuża li tistaʼ tiżviluppa fit-tfal wara xi infezzjoni kaġunata minn virus.
[Kaxxa f’paġna 27]
Ġib it-Tabib jekk Xi Ħadd mit-Tfal Għandu d-Deni u . . .
◼ Għandu tliet xhur jew inqas u t-temperatura fir-rektum hija taʼ 38 grad Celsius jew iktar
◼ Għandu bejn tliet u sitt xhur u għandu temperatura taʼ 38.3 grad Celsius jew iktar
◼ Għandu iktar minn sitt xhur u għandu temperatura taʼ 40 grad Celsius jew iktar
◼ Ma jridx jixrob u qed juri sintomi taʼ telf taʼ ilma mill-ġisem
◼ Tagħtih aċċessjoni jew jidher mitluq ħafna
◼ Jibqaʼ bid-deni wara 72 siegħa
◼ Ma jistaʼ jieqaf jibki b’xejn jew qed jhewden jew jiddelirja
◼ Telagħlu raxx, qed ibati biex jieħu n-nifs, għandu d-dijarea, jew qed jirremetti spiss
◼ Għandu għonqu iebes jew f’daqqa waħda għandu wġigħ taʼ ras qawwi
[Sors]
Sors: L-Akkademja Amerikana tal-Pedjatrija