Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandna Bżonn it-Tama?

Għala Għandna Bżonn it-Tama?

Għala Għandna Bżonn it-​Tama?

XI NGĦIDU kieku Daniel, it-​tfajjel li kellu l-​kanċer li semmejna fil-​bidu taʼ l-​artiklu l-​ieħor, baqaʼ jittama bil-​kbir? Kien jirnexxi fil-​ġlieda tiegħu kontra l-​kanċer? Kien ikun għadu ħaj illum? Anki min hu konvint li t-​tama hi effettiva wisq probabbli joqgħod lura milli jgħid xi ħaġa bħal din. U f’dan hemm punt importanti. Wieħed m’għandux jesaġera l-​qawwa tat-​tama. Din m’hijiex xi eliżir, m’hijiex xi rimedju taʼ kollox.

F’intervista li saritlu mis-​CBS News, it-​Tabib Nathan Cherney wissa dwar il-​periklu li hemm meta tiġi esaġerata l-​qawwa tat-​tama fil-​każ taʼ pazjenti li jkunu morda serjament: “Kellna sitwazzjonijiet fejn l-​irġiel iċanfru lin-​nisa tagħhom dwar li ma jkunux qed jimmeditaw biżżejjed, jew li mhux qed jaħsbu pożittiv biżżejjed.” It-​Tabib Cherney żied: “L-​idea kollha kemm hi ħolqot illużjoni taʼ kontroll [fuq it-​tumur] u meta saħħet in-​nies tmur lura, xi wħud jaħsbu li [l-morda] ma rnexxilhomx jikkontrollaw biżżejjed it-​tumur, u dan mhux fier.”

Fir-realtà, dawk li jissaraw kontra marda fatali jinsabu involuti fi ġlieda li tifnihom u tnixxifhom. Żgur li l-​maħbubin tagħhom ma jridux itaqqluhom bil-​piż tal-​ħtija minbarra l-​piż li diġà għandhom minħabba l-​kundizzjoni li jinsabu fiha. Allura għandna nikkonkludu li t-​tama m’għandha ebda valur?

Lanqas xejn. L-​istess tabib, per eżempju, jispeċjalizza fil-​kura li tagħti s-​serħan mill-​uġigħ u s-​sintomi tal-​mard​—jiġifieri kura li ma tiffokax direttament fuq li tiġġieled kontra l-​marda jew fuq li ttawwal il-​ħajja, imma fuq li tagħmel il-​ħajja tal-​pazjent iktar komda u pjaċevoli sakemm idum jissara. Dawn it-​tobba jemmnu ħafna fil-​valur tal-​kuri li jwasslu għal stat mentali iktar hieni, anki għal min ikun marid gravi. Hemm biżżejjed evidenza li t-​tama tistaʼ tagħmel dan​—u saħansitra iktar.

Kemm Tiswa t-​Tama

“It-​tama hi terapija qawwija,” jgħid b’ċertezza t-​Tabib W. Gifford-Jones, ġurnalist mediku. Hu rriveda diversi studji li saru biex jiddeterminaw il-​valur taʼ l-​appoġġ emozzjonali li jingħata lill-​pazjenti li jkunu se jmutu minħabba l-​marda tagħhom. Milli jidher, dan it-​tip t’appoġġ jgħin lin-​nies biex iżommu ħarsa iktar pożittiva u mimlija tama. Fi studju li sar fl-​1989 instab li l-​pazjenti li ngħataw appoġġ bħal dan damu iktar ħajjin, waqt li riċerka li saret dan l-​aħħar uriet inqas ċertezza dwar dan. Madankollu, l-​istudji kkonfermaw li l-​pazjenti li jingħataw appoġġ emozzjonali jbatu inqas bid-​dipressjoni u jkollhom inqas uġigħ minn dawk li m’għandhomx dan l-​appoġġ.

Ikkunsidra studju ieħor li ffoka fuq l-​effett taʼ l-​ottimiżmu u l-​pessimiżmu fuq dawk li jbatu bil-​mard tal-​qalb. Iktar minn 1,300 raġel ġew eżaminati bir-​reqqa dwar jekk għandhomx ħarsa ottimista jew pessimista lejn il-​ħajja. Studju li sar għaxar snin wara fuq l-​istess irġiel sab li iktar minn 12 fil-​mija minnhom kienu jbatu b’xi tip taʼ mard tal-​qalb. Fosthom, il-​pessimisti kienu kważi d-​doppju taʼ l-​ottimisti. Laura Kubzansky, professoressa assistenta tas-​saħħa u l-​imġiba soċjali fl-​Iskola tas-​Saħħa Pubblika taʼ Harvard, tgħid: “Ħafna mill-​evidenza taʼ l-​idea li l-​‘ħsieb pożittiv’ huwa tajjeb għas-​saħħa ġiet minn min jesperjenzah​—dan l-​istudju jipprovdi xi ftit mill-​ewwel evidenza medika reali għal din l-​idea fejn jidħol il-​mard tal-​qalb.”

Xi studji sabu li min jaħseb li s-​saħħa tiegħu hija ħażina fil-​fatt imur agħar wara l-​operazzjoni meta mqabbel maʼ dawk li jħossu li saħħithom hija tajba. Anki l-​fatt li individwu jkollu ħajja twila ġie konness maʼ l-​ottimiżmu. Studju wieħed eżamina kif l-​anzjani jiġu effettwati mill-​ħsibijiet pożittivi u negattivi dwar ix-​xjuħija. Meta n-​nies akbar fl-​età rċivew kummenti qosra li għaqqdu l-​proċess tax-​xjuħija maʼ żjieda t’għerf u esperjenza, instab li wara kienu jimxu b’iktar qawwa u enerġija. Fil-​fatt, it-​titjib kien simili għar-​riżultati taʼ programm t’eżerċizzju taʼ tnax-il ġimgħa!

Għala emozzjonijiet bħat-​tama, l-​ottimiżmu, u l-​ħarsa pożittiva lejn il-​ħajja donnhom huma tajbin għas-​saħħa? Forsi x-​xjenzati u t-​tobba għadhom ma jifhmux il-​moħħ u l-​ġisem uman biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jagħtu tweġibiet eżatti. Minkejja dan, l-​esperti li jistudjaw is-​suġġett jistgħu jipprovaw jaqtgħu fuq dak li jafu. Per eżempju, wieħed professur tan-​newroloġija jissuġġerixxi: “Tħossok tajjeb meta tkun kuntent u mimli tama. Dan hu stat pjaċevoli li fih tipproduċi verament ftit stress, u l-​ġisem jiffjorixxi f’dawn il-​kundizzjonijiet. Din hija ħaġ’oħra li n-​nies jistgħu jagħmlu biex jipprovaw jibqgħu f’saħħithom.”

Din l-​idea għal xi tobba, psikoloġi, u xjenzati għandha mnejn tidher bħala li hi skoperta reċenti, imma din m’hi xejn ġdida għall-​istudenti tal-​Bibbja. Xi 3,000 sena ilu l-​għaref Sultan Salamun ġie ispirat biex jikteb ħsibijietu: “Qalb ferħana tagħti s-​saħħa, ruħ imnikkta tmewwet il-​ġisem.” (Proverbji 17:22) Innota l-​bilanċ li jidher hawnhekk. Dan il-​vers ma jgħidx li qalb ferħana se tfejjaq kwalunkwe marda imma sempliċement jgħid li “tagħti s-​saħħa.”

Fil-fatt, ikun raġunevoli li nistaqsu, Jekk it-​tama hi bħal mediċina, liema tabib mhux se jirrikkmandaha? Iktar minn hekk, it-​tama fiha benefiċċji li jinkludu ħafna iktar minn sempliċement saħħa tajba.

L-​Ottimiżmu, il-​Pessimiżmu, u Ħajtek

Ir-​riċerkaturi sabu li l-​ottimisti jibbenefikaw b’ħafna modi minħabba din il-​ħarsa pożittiva. Dawn għandhom it-​tendenza li jmorru aħjar fl-​iskola, fix-​xogħol, u saħansitra fil-​qasam atletiku. Per eżempju, sar studju fuq grupp taʼ nisa li jagħmlu l-​atletika. Dawk li jħarrġuhom niżżlu bil-​miktub dak kollu li kull waħda minnhom kienet kapaċi tagħmel fl-​atletika. Fl-​istess waqt, in-​nisa stess ġew mistoqsijin u ġie studjat sew il-​livell taʼ tama li għandhom. Ir-​riżultat wera li setgħu jkunu jafu aħjar kif kull waħda minnhom se tmur fl-​atletika minn kemm kellha tama qawwija iktar milli minn dak li niżżlu bil-​miktub dawk li kienu jħarrġuhom. It-​tama għala għandha effett daqshekk qawwi?

Sirna nafu ħafna affarijiet mill-​istudji li saru dwar dak li hu kuntrarju għall-​ottimiżmu​—il-​pessimiżmu. Matul is-​snin 60, l-​esperimenti pproduċew skoperta mhux mistennija dwar l-​imġiba taʼ l-​annimali, li wasslet lir-​riċerkaturi biex joħolqu frażi li tfisser ‘titgħallem tkun bla ħila.’ Huma skoprew li anki l-​bnedmin jistgħu jbatu b’dan it-​tip taʼ sindromu. Per eżempju, xi wħud li ġew użati f’esperiment tħallew jisimgħu ħoss tedjanti u ntqalilhom li setgħu jitgħallmu jwaqqfuh billi jagħfsu għadd taʼ buttuni wara xulxin. Huma rnexxielhom iwaqqfu l-​ħoss.

Lill-membri tat-​tieni grupp intqalilhom l-​istess ħaġa​—imma meta għafsu l-​buttuni xejn ma nbidel. Bħalma tistaʼ timmaġina, ħafna fost dan il-​grupp ħassewhom bla ħila. Meta wara kienu involuti f’esperimenti oħrajn, huma qagħdu lura għalkollox milli jaġixxu. Huma kienu konvinti li ma setgħu jagħmlu xejn biex jibdlu s-​sitwazzjoni. Madankollu, anki f’dan it-​tieni grupp, dawk l-​uħud li kienu ottimisti ma ridux iċedu u jħossuhom bla ħila bħall-​oħrajn.

Dr. Martin Seligman, li għen biex jiġu vvintati xi wħud minn dawn l-​esperimenti tal-​bidu, tqanqal biex jagħmel karriera jistudja l-​ottimiżmu u l-​pessimiżmu. Hu eżamina bir-​reqqa t-​tip taʼ ħsibijiet li jkollhom uħud li għandhom it-​tendenza li jqisu lilhom infushom bla ħila. Hu kkonkluda li dawn il-​ħsibijiet pessimisti jagħmluha diffiċli għan-​nies jew saħansitra ma jħallihomx għaddejjin bl-​attivitajiet normali tal-​ħajja. Seligman jiġbor fil-​qosor il-​ħsibijiet pessimisti u l-​effetti tagħhom b’dan il-​mod: “Il-​ħamsa u għoxrin sena taʼ studju kkonvinċewni li jekk niħduha drawwa li nemmnu, bħalma jagħmlu lpessimisti, li l-​isfortuna hija tort tagħna, li hija permanenti, u li se teffettwa kulma nagħmlu, iktar affarijiet se jmorru ħażin milli kieku naħsbuha mod ieħor.”

Għal darb’oħra, illum dawn il-​konklużjonijiet għandhom mnejn jidhru ġodda għal xi wħud, imma min jistudja l-​Bibbja diġà hu familjari magħhom. Innota dan il-​proverbju: “Jekk int tintreħa fir-​riżq it-​tajjeb, x’saħħa għandek fir-​riżq il-​ħażin?” (Proverbji 24:10) Iva, il-​Bibbja tispjega b’mod ċar li l-​iskuraġġiment, bil-​ħsibijiet negattivi li jiġu miegħu, se jisraqlek il-​qawwa tiegħek biex taġixxi. Imma allura, x’tistaʼ tagħmel biex tegħleb il-​pessimiżmu u jkollok iktar ottimiżmu u tama f’ħajtek?

[Stampa f’paġna 4, 5]

It-​tama tistaʼ tagħmel ħafna ġid