Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IT-Trobbija tat-Tfal fid-Dixxiplina t’Alla

IT-Trobbija tat-Tfal fid-Dixxiplina t’Alla

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

IT-​Trobbija tat-​Tfal fid-​Dixxiplina t’Alla

“Kif Tistabbilixxi Regoli li t-​Tfal Tiegħek Ma Jiksruhomx”

“Ħames Valuri li Għandek Tgħallem lil Uliedek Qabel Ma Jagħlqu l-​Ħames Snin”

“Ħames Abbiltajiet Emozzjonali li t-​Tfal Kollha Għandhom Ikollhom”

“Ħames Sinjali li Juru li Qed Tfissidhom Iżżejjed”

“Il-​Maġija tad-​Dixxiplina f’Minuta”

LI KIEKU d-​dixxiplina tat-​tfal kienet xi ħaġa faċli, ftit li xejn kien ikun hemm interess f’artikli fir-​rivisti bħal dawn li ssemmew hawn fuq. Kieku maż-​żmien jinxef il-​gelgul taʼ kotba li jinkitbu fuq it-​trobbija tat-​tfal. Madankollu, it-​trobbija tat-​tfal qatt ma kienet xi ħaġa ħafifa. Anki eluf taʼ snin ilu ntqal li “iben iblah hu l-​għali taʼ missieru, u l-​imrar taʼ ommu li wilditu.”​—Proverbji 17:25.

Illum, minkejja l-​abbundanza taʼ pariri dwar dan is-​suġġett, ħafna ġenituri m’humiex ċerti dwar kif għandhom jiddixxiplinaw lil uliedhom. Il-​Bibbja x’għajnuna toffri?

It-​Tifsira Vera tad-​Dixxiplina

Il-​Bibbja tindika b’mod ċar x’inhu l-​irwol tal-​ġenituri rigward id-​dixxiplina. Per eżempju, Efesin 6:4 jgħid: “Intom, missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” Dan il-​vers isemmi b’mod partikulari li l-​missier għandu jkun dak li jieħu l-​inizjattiva fil-​ħarsien tat-​tfal tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, l-​omm taħdem id f’id maʼ żewġha.

Dwar dan is-​suġġett The Interpreter’s Dictionary of the Bible jgħid: “Fil-​Bibbja, id-​dixxiplina hija assoċjata mill-​qrib, fuq naħa waħda, mat-​taħriġ, l-​istruzzjoni, u l-​għarfien, u fuq l-​oħra, mat-​twiddib, il-​korrezzjoni, u l-​kastig. Id-​dixxiplina normalment tiġi applikata fit-​taħriġ tat-​tfal.” B’hekk, id-​dixxiplina tinvolvi ferm iktar miċ-​ċanfir; tinkludi t-​taħriġ kollu li jinħtieġu t-​tfal biex jirnexxu fil-​ħajja. Iżda kif jistgħu l-​ġenituri ma jkunux il-​kaġun li jdejqu lil uliedhom?

Uri l-​Mogħdrija

X’inhu li jdejjaq lit-​tfal? Aħseb dwar din is-​sitwazzjoni. Għandek lil xi ħadd jaħdem miegħek li hu nervuż u bla paċenzja. Ma jogħġbu xejn fik. Jikkritika kulma tgħid u kulma tagħmel. Spiss jirrifjuta x-​xogħol li tagħmel u jġagħlek tħossok li bħala persuna ma tiswa għal xejn. Ma tkunx din sitwazzjoni li ddejqek u tiskuraġġik?

L-istess jistaʼ jiġri lit-​tfal meta l-​ġenituri tagħhom kontinwament igergrulhom jew jikkoreġuhom fir-​rabja. Huwa veru li kultant it-​tfal jeħtieġu l-​korrezzjoni u li l-​Bibbja tawtorizza lill-​ġenituri biex jikkoreġuhom. Madankollu, li ddejjaq lit-​tfal billi tittrattahom b’mod aħrax u bla mħabba jistaʼ jikkaġuna ħsara emozzjonali, spiritwali, u anki fiżika.

Uliedek Jixirqilhom l-​Attenzjoni

Il-​ġenituri għandhom isibu ħin għal uliedhom. Dewteronomju 6:7 jgħid lill-​missirijiet dwar ir-​regolamenti t’Alla: “Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.” It-​tfal jitwieldu bil-​bżonn li jħossu li l-​ġenituri tagħhom jieħdu interess profond fihom. Konversazzjonijiet bil-​kalma kuljum mat-​tfal tiegħek jistgħu jgħinuk tifhem is-​sentimenti tagħhom. Dan jistaʼ jagħmilha eħfef għalik li tilħqilhom qalbhom bi prinċipji bbażati fuq il-​Bibbja, u b’hekk tqanqalhom biex ‘iħobbu lil Alla u jħarsu l-​kmandamenti tiegħu.’ (Koħèlet 12:13) Din hi parti mid-​dixxiplina t’Alla.

Jekk it-​trobbija tat-​tfal tistaʼ titqabbel mal-​bini taʼ dar, allura d-​dixxiplina hija biċċa għodda tal-​bini. Meta jużawha kif suppost, il-​ġenituri jistgħu jibnu kwalitajiet mixtieqa fil-​personalitajiet taʼ wliedhom u jgħinuhom biex ikunu mgħammrin biex jiffaċċjaw il-​provi tal-​ħajja. Proverbji 23:24, 25 jiddeskrivi r-​riżultat: “Missier il-​ġust għandu ħafna għax jifraħ, min għandu ibnu għaref jithenna bih. Jithennew bik missierek u ommok, u tifraħ bik dik li wilditek!”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]

IL-​“GWIDA MENTALI TAʼ ĠEĦOVA”

Efesin 6:4 jsemmi “l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” It-​terminu oriġinali bil-​Grieg għall-​espressjoni “gwida mentali” f’xi Bibbji jiġi tradott “li tkun konxju,” “pariri,” u “twiddib.” Dawn it-​termini kollha jindikaw li l-​familji għandhom jagħmlu iktar milli sempliċement jaqraw il-​Bibbja jew jgħaddu xi materjal minn xi pubblikazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja b’mod taʼ rutina. Jeħtieġ li l-​ġenituri jkunu ċerti li wliedhom jifhmu xi tfisser il-​Kelma t’Alla, l-​importanza taʼ l-​ubbidjenza, l-​imħabba li Ġeħova għandu għalihom, u l-​protezzjoni li joffrilhom.

Dan kif jistaʼ jsir? Judy, omm taʼ tlett itfal ħasset il-​bżonn li tagħmel iktar milli kontinwament tfakkar lil uliedha dwar prinċipji divini. “Indunajt li ma kinux jieħdu gost meta kont dejjem nirripeti l-​istess affarijiet bl-​istess mod. Bdejt infittex modi differenti kif ngħallimhom. Mod wieħed kien li nfittex artikli fir-​rivista Stenbaħ! li kienu jippreżentaw il-​punti li xtaqt ngħallimhom minn perspettiva differenti. B’hekk tgħallimt kif nagħti lit-​tfal tfakkiriet meħtieġa mingħajr ma ndejjaqhom.”

Angelo, li l-​familja tiegħu għaddiet minn żminijiet diffiċli, isemmi kif għallem lil uliedu bniet biex jimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla: “Naqraw versi mill-​Bibbja flimkien, u mbagħad nagħżel ċerti frażijiet u nispjega kif dawn japplikaw għaċ-​ċirkustanzi taʼ wliedi. Iktar tard, meta kienu jkunu qed jaqraw il-​Bibbja waħedhom, kont narahom miġburin fi ħsibijiethom, jimmeditaw fuq is-​sinifikat li kellha għalihom.”