Mur fil-kontenut

Meta d-​Dinja Marret għall-​Agħar

Meta d-​Dinja Marret għall-​Agħar

Meta d-​Dinja Marret għall-​Agħar

IN-​NIES meta ma baqgħux jimpurtahom mit-​tajjeb u l-​ħażin? Tiftakar int meta n-​nies inbidlu? Xi nies jgħidu li dan ġara fl-​1914, meta bdiet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Fil-​ktieb The Generation of 1914, il-​professur tal-​istorja Robert Wohl kiteb: “Dawk li għexu fil-​gwerra kienu jafu li d-​dinja nbidlet ħafna u qatt mhu se terġaʼ tkun l-​istess.”

Studjuż tal-​istorja jgħid: “Kull fejn tmur, l-​attitudni tan-​nies marret għall-​agħar. Waqt l-​Ewwel Gwerra Dinjija [1914-​18] tant kemm mietu nies li l-​ħajja ma kienet tiswa xejn. Politikanti u ġenerali tal-​gwerra kienu jibagħtu nies għall-​gwerra u ma kienx jinteressahom li ħafna minnhom kienu qed imutu. Minħabba f’hekk, in-​nies ma waqfu jimpurtahom minn xulxin u bdew jittrattaw lil xulxin ħażin.”

Studjuż ieħor qal li n-​nies biddlu l-​idea tagħhom taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin meta bdew jemmnu bl-​evoluzzjoni. In-​nies bdew jemmnu li l-​bnedmin huma xi tip t’annimal, imma huma iżjed intelliġenti minn annimali oħra. Kien hemm min qabbel lin-​nies maʼ klieb salvaġġi, allura kien normali li tuża l-​vjolenza fuq dawk li huma inqas b’saħħithom minnek.

L-​Ewwel Gwerra Dinjija biddlet għalkollox x’jaħsbu n-​nies dwar x’inhu tajjeb u ħażin. In-​nies ma kienx jimpurtahom x’jgħidu dawk li huma ikbar minnhom dwar il-​politika, il-​ħwejjeġ, u s-​sess. Dan ġara wkoll għax il-​knejjes aċċettaw l-​evoluzzjoni u inkuraġġew lin-​nies biex imorru għall-​gwerra. Uffiċjal tal-​armata Ingliża qal: “Il-​knejjes Kristjani aċċettaw u inkuraġġew lin-​nies biex imorru għall-​gwerra. L-​armata kienet ferħana li kellha l-​għajnuna tal-​knejjes.”

In-​Nies Injoraw X’Inhu Tajjeb u Ħażin

Wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​iktar ħaġa importanti għan-​nies kienet li jieħdu pjaċir. Huma injoraw x’inhu tajjeb u ħażin, u bdew jaċċettaw kollox. L-​istudjuż tal-​istorja Frederick Lewis Allen qal li l-​għaxar snin taʼ wara l-​gwerra kien żmien li n-​nies kellhom manjieri ħżiena. Ħafna nies injoraw x’kienu jaħsbu li hu tajjeb u ħażin, u kien sar diffiċli biex tkun taf maʼ liema livelli għandek tgħix.

Wara l-​1930, ħafna saru fqar ħafna minħabba l-​kriżi ekonomika. Fl-​1939, id-​dinja reġgħet daħlet fi gwerra ikbar, li hi t-​Tieni Gwerra Dinjija. Il-​pajjiżi bdew jagħmlu armi kbar ħafna. Għalkemm dawn għenu l-​ekonomija, id-​dinja batiet ħafna. Sal-​aħħar tal-​gwerra tkissru mijiet taʼ bliet. Żewġt ibliet fil-​Ġappun kważi spiċċaw fix-​xejn wara li fuq kull waħda tefgħu bomba nukleari! Miljuni mietu fil-​kampijiet tal-​konċentrament. F’dik il-​gwerra mietu madwar 50 miljun persuna. Dawn kienu rġiel, nisa u tfal.

Fit-​Tieni Gwerra Dinjija, in-​nies għamlu li riedu u ma baqgħux jirrispettaw dak li kien aċċettat qabel. Il-​ktieb Love, Sex and War—Changing Values, 1939-​45, qal: “Matul dan iż-​żmien, in-​nies ma ħallew xejn iżommhom lura mis-​sess. Peress li fil-​gwerra kienu jagħmlu li jridu, meta marru lura d-​dar kienu jagħmlu l-​istess. Il-​gwerra ġiegħlet lin-​nies jaħsbu li l-​ħajja hi qasira u ma tiswa xejn.” Wara l-​gwerra bdew jaraw iż-​żwieġ u l-​familja bl-​istess mod, li huma xi ħaġa temporanja.

Minħabba li n-​nies ma kinux jafu meta se jmutu, huma riedu jħossuhom maħbubin, anki jekk għal ftit. Mara miżżewġa mill-​Brittanja tispjega: “Ma konna qed nagħmlu xejn ħażin, għax konna qed ngħixu fi gwerra.” Suldat Amerikan ammetta: “Għal ħafna nies konna qed nagħmlu xi ħaġa ħażina, imma konna żgħar u stajna mmutu l-​għada.”

Ħafna nies, anki jekk fi żmien il-​gwerra kienu tfal, għadhom ibatu meta jiftakru x’ġara. Ħafna ma baqgħux jemmnu f’Alla u ma kinux jafu eżatt x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Għalhekk, huma ħasbu li dak li hu tajjeb u ħażin jiddependi miċ-​ċirkustanzi.

Dak li Beda Jiġi Aċċettat

Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija ħarġu xi rapporti dwar is-​sess. Il-​Kinsey Report hu wieħed minnhom li ħareġ fl-​Amerka fl-​1948. Dan kellu iktar minn 800 paġna. Wara li ħareġ dan l-​istudju, in-​nies ma baqgħux jiddejqu jitkellmu dwar is-​sess. Għalkemm ħafna mill-​informazzjoni kienet esaġerata, dan l-​istudju wera li waqt il-​gwerra n-​nies bidlu l-​ħarsa tagħhom dwar is-​sess.

Għal xi żmien, in-​nies provaw juru li jirrispettaw dak li hu tajjeb. Pereżempju, l-​awtoritajiet provaw ineħħu kull ħaġa immorali mir-​radio, films, u televixin. Imma dan ma tantx dam. William Bennett, li kien ministru tal-​edukazzjoni fil-​gvern Amerikan, qal: “Bejn l-​1960 u l-​1970, l-​Amerka bdiet tbiddel malajr ħafna l-​livelli taʼ x’inhu tajjeb u ħażin.” Ħafna pajjiżi oħra għamlu l-​istess. Dan għala ġara?

F’dawk l-​għaxar snin, in-​nisa kellhom iktar drittijiet, u n-​nies ma baqgħux iħarsu lejn is-​sess bl-​istess mod. Ukoll, f’dak iż-​żmien kienu ħarġu l-​pinnoli tal-​birth-​control. Dan għamilha possibbli biex mara setgħet torqod maʼ raġel mingħajr ma toħroġ tqila. Allura kien sar komuni li n-​nies jorqdu flimkien mingħajr ma jkunu miżżewġin.

Fl-​istess ħin, il-​ġurnalisti, il-​films, u t-​televixin bdew juru affarijiet li qatt ma kienu juru qabel. Aktar tard, uffiċjal tal-​gvern Amerikan qal hekk dwar dak li beda jidher fuq it-​televixin: “Dawn il-​programmi juru li l-​iżjed ħaġa importanti hi li tieħu pjaċir, li l-​vjolenza hi normali, u li huwa tajjeb li torqod maʼ ħafna nies differenti.”

Bejn l-​1970 u l-​1980 saru popolari l-​video tapes. Allura, ħafna nies mid-​dar tagħhom setgħu jaraw films ħżiena li qatt ma kienu jmorru jarawhom is-​cinema. Issa, mad-​dinja kollha, bl-​internet tistaʼ tara l-​iżjed pornografija diżgustanti.

Issa qed naraw il-​konsegwenzi taʼ dan kollu. Pereżempju, gwardjan taʼ ħabs qal li għaxar snin ilu, meta kien jidħol żagħżugħ il-​ħabs, setaʼ jkellmu dwar x’inhu tajjeb u ħażin. Imma issa ż-​żgħażagħ lanqas għadhom jafu d-​differenza.

Fejn Tistaʼ Ssib Għajnuna Tajba?

Il-​knejjes ma jistgħux jgħinuna nkunu nafu x’inhu tajjeb u ħażin. Minflok ma jobdu dak li Ġesù u d-​dixxipli tiegħu għallmu, huma saru parti minn din id-​dinja ħażina. Kittieb qal: “F’kull gwerra kulħadd jgħid li Alla qed jgħinu.” Xi snin ilu, mexxej reliġjuż fil-​belt taʼ New York qal li hu iżjed faċli biex issir membru taʼ knisja milli biex titlaʼ fuq tal-​linja.

Hemm bżonn li ssir xi ħaġa biex din id-​dinja tinbidel. Imma x’hemm bżonn li jsir? Min se jagħmel dan, u kif se jsir?

[Blurb on page 5]

Waqt l-​Ewwel Gwerra Dinjija [1914-​18] tant kemm mietu nies li l-​ħajja ma kienet tiswa xejn

[Picture on page 6, 7]

Illum sar iżjed faċli biex tara films u programmi ħżiena