Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-​Dinja

◼ Gandoffla li ttellgħet minn qiegħ l-​Oċean Atlantiku tat-​Tramuntana qed tissejjaħ “l-​ixjeħ annimal magħruf.” Ix-​xjenzati għaddew is-​saffi fil-​qoxra tagħha li jindikaw kemm għandha żmien u ddeterminaw li l-​gandoffla kellha 405 snin.—SUNDAY TIMES, IL-​BRITANNJA.

◼ “Meta l-​ekonomija tmur ħażin, anki dawk li għandhom il-​biljuni jħossu l-​effett. Sempliċement staqsi lill-​psikoloġi tagħhom.”—THE NEW YORK TIMES, L-​ISTATI UNITI.

It-​Televixin Jeffettwa l-​Imġiba Sesswali

“Hemm iktar u iktar evidenza li turi li l-​attitudni taż-​żgħażagħ lejn is-​sess u l-​imġiba sesswali tagħhom jiġu effettwati jekk ikunu esposti għal kontenut sesswali fuq it-​televixin,” jgħid artiklu pubblikat fil-​ġurnal Pediatrics. Fil-​fatt, skont studju wieħed, l-​adoloxxenti li jaraw ħafna programmi bħal dawn “għandhom ċans doppju li joħorġu tqal” minn dawk li jaraw ftit minn dan it-​tip taʼ materjal. Spjegazzjoni waħda li tistaʼ tkun possibbli hi li t-​televixin jagħti l-​idea li l-​imġiba sesswali ftit li xejn fiha riskji, billi t-​tqala mhix mixtieqa u l-​mard trasmess sesswalment ma jintwerewx b’mod realistiku biżżejjed. M’għandniex xi ngħidu, it-​televixin huwa mezz wieħed biss fost dawk li jifformaw l-​imġiba sesswali tal-​adoloxxenti. Ir-​riċerkaturi jissuġġerixxu wkoll li għandha tingħata attenzjoni bir-​reqqa lir-​rivisti, l-​Internet, u l-​mużika.

Każi Ġodda taʼ Ġdiem

Tlett elef ruħ fl-​Istati Uniti qed jieħdu kura għall-​marda tal-​ġdiem, li tissejjaħ ukoll il-​marda taʼ Hansen. Bejn wieħed u ieħor, kull sena jinstabu 150 każ ġdid. Ħafna mill-​morda huma minn pajjiżi oħrajn. Madankollu, il-​Programm Nazzjonali tal-​Marda taʼ Hansen, ibbażat fil-​belt taʼ Baton Rouge, Louisiana, “jara madwar 30 każ kull sena fost ir-​residenti tan-​naħa t’isfel taʼ Louisiana u l-​Kosta tal-​Golf taʼ Texas li twieldu fl-​Istati Uniti u li qatt ma żaru pajjiż fejn din il-​marda hi komuni,” tgħid is-​Soċjetà Amerikana tal-​Mediċina u l-​Iġjene Tropikali. Ir-​riċerkaturi għadhom ma jifhmux għalkollox kif tinfirex din il-​marda. Jekk jinqabad kmieni, il-​ġdiem jistaʼ jitfejjaq totalment. Madankollu, meta l-​marda tkun żviluppat, il-​ħsara fin-​nervituri ma tkunx tistaʼ titreġġaʼ lura.

Serq taʼ Materjal Radjoattiv

“Il-​possibbiltà li t-​terroristi jakkwistaw materjal nukleari jew materjal ieħor radjoattiv għadha theddida gravi,” jgħid Mohamed ElBaradei, direttur ġenerali tal-​Aġenzija Internazzjonali tal-​Enerġija Atomika. “In-​numru taʼ każi rapportati lill-​Aġenzija li jinvolvu serq jew telf taʼ materjal nukleari jew radjoattiv huwa kbir b’mod allarmanti—kważi 250 każ fl-​ewwel nofs tas-​sena 2008 biss. Daqshekk ieħor huwa inkwetanti l-​fatt li ħafna minn dan il-​materjal qatt ma jerġaʼ jinstab.” Mhuwiex ċar jekk dan il-​fenomenu rriżultax minħabba li hemm domanda akbar għal materjali radjoattivi jew jekk hux għax l-​istati membri qed jirrapportaw it-​telf iktar bl-​eżatt.

Kitba Antika Tinstab f’Israel

Xi arkeoloġi Israeljani sabu kitba antika li tidher li nkitbet xi 1,000 sena qabel l-​Iskrolli tal-​Baħar il-​Mejjet. Id-​dokument, ħames linji taʼ kitba miktubin bil-​linka fuq biċċa fuħħar, instab fi tħaffir taʼ fortizza Lhudija tal-​10 seklu Q.E.K. f’Khirbet Qeiyafa, l-​Israel. Id-​dokument għadu ma ġiex deċifrat għalkollox, imma mid-​dehra hu kitba legali li nkitbet minn skriba mħarreġ u fih “l-​għerq tal-​kliem ‘imħallef,’ ‘ilsir’ u ‘sultan,’” tgħid stqarrija lill-​ġurnali mill-​Università Ebrajka taʼ Ġerusalemm.

[Sors tal-​Istampa f’paġna 11]

Gabi Laron/Istitut tal-​Arkeoloġija/Università Ebrajka © Yosef Garfinkel