Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huwa Alla Persuna Reali?

Huwa Alla Persuna Reali?

Il-​Ħarsa Tal-​Bibbja

IMSAĦĦRIN bin-​natura, ħafna nies ikollhom jemmnu li hemm forza sopranaturali, xi alla. Tħossok impressjonat bl-​għeġubijiet li hemm fl-​univers? Tistagħġeb int bil-​meravilji tan-​natura tal-​pjaneta tagħna u bid-​disinn komplikat tal-​ġisem uman?

Jekk iva, forsi int ukoll ġejt perswadut temmen f’qawwa divina. Xi reliġjonijiet jgħallmu li qawwa bħal din tgħix fil-​muntanji, fis-​siġar, fis-​sema, u f’oqsma oħrajn tal-​univers fiżiku. Oħrajn jemmnu li l-​ispirti tal-​antenati, uħud tajbin u wħud ħżiena, jingħaqdu f’forzi misterjużi u flimkien jifformaw Esseri Suprem wieħed—Alla!

Ikun xi jkun il-​każ, twemmin komuni hu li din il-​forza sopranaturali m’għandhiex personalità. Xi nies isibuha diffiċli biex jemmnu li Alla għandu ħsibijiet, emozzjonijiet, skop, u xewqat. Huwa Alla persuna reali? Il-​Bibbja, wieħed mill-​eqdem kotba sagri li hawn fl-​idejn illum, tipprovdi tweġiba ċara.

In-​Natura tal-​Bniedem Turina n-​Natura t’Alla

Il-​Bibbja tgħallem li l-​bniedem ġie maħluq b’tali mod li jkollu mill-​karatteristiki t’Alla. Ġenesi 1:27 jgħid li “Alla ħalaq lill-​bnedmin, u għamilhom biex ikunu bħalu stess.”—Today’s English Version.

Biċ-​ċar, dan il-​kliem ma jfissirx li l-​ewwel bnedmin kienu repliki eżatti t’Alla. Il-​Bibbja tgħid li Alla hu spirtu inviżibbli, filwaqt li l-​bnedmin huma magħmulin minn elementi tal-​art li tistaʼ tarahom. (Ġenesi 2:7; Ġwanni 4:24) Barra minn din id-​differenza bażika bejn Alla u l-​bnedmin, ħarsa mill-​qrib lejn il-​kwalitajiet tal-​bniedem għandha turina n-​natura vera t’Alla.

Il-​bnedmin għandhom l-​abbiltà li jużaw il-​qawwa tal-​ġisem jew tal-​moħħ u jagħmlu azzjonijiet maħsubin sew minn jeddhom. Dawn l-​azzjonijiet jistgħu jkunu mqanqlin minn karatteristiki bħal qalb tajba, abbiltà tal-​ħsib, għerf prattiku, u sens taʼ ġustizzja. Il-​bnedmin għandhom emozzjonijiet li jvarjaw minn imħabba tenera sa mibegħda u rabja. Taħlita varja taʼ dawn il-​karatteristiki tagħmilna kemxejn differenti minn xulxin. Iva, kull wieħed minna għandu personalità unika. Il-​bnedmin huma persuni.

Kien se jagħmel sens li Alla joħloqna bħala persuni komplikati kieku hu stess kien xi forza bla karattru li jittajjar bla skop f’post spiritwali? Jekk il-​bnedmin huma maħluqin fuq ix-​xbieha t’Alla, mela n-​natura t’Alla kienet se tkun bħan-​natura tal-​bnedmin f’ħafna modi. Ikkunsidra dan li ġej.

Alla għandu isem persunali. F’Isaija 42:8, il-​Bibbja tgħid: “Jien Ġeħova. Dak hu ismi.” Alla jrid li ismu jkun magħruf. Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Ħa jitbierek isem Ġeħova minn issa ’l quddiem u għal dejjem. Minn tlugħ ix-​xemx sa nżulha l-​isem taʼ Ġeħova għandu jiġi mfaħħar.” (Salm 113:2, 3) Għalhekk, billi jużaw l-​isem t’Alla spiss, l-​aduraturi tiegħu jqisuh bħala persuna.

Alla hu uniku. Il-​Bibbja tgħallem li Alla huwa tassew uniku. (1 Korintin 8:5, 6) “Int tabilħaqq kbir, O Mulej Sovran Ġeħova; għax m’hemmx ieħor bħalek, u m’hemm ebda Alla ħliefek,” tgħid il-​Bibbja. (2 Samwel 7:22) L-​Iskrittura tiddeskrivi wkoll lil Ġeħova bħala “l-​Alla l-​veru fis-​smewwiet hemm fuq u fuq l-​art hawn taħt. M’hemmx ħliefu.”—Dewteronomju 4:39.

Alla Ġeħova jobgħod il-​ħażen. Persuna biss tistaʼ tħoss il-​mibegħda. Il-​Bibbja tgħidilna li Alla jobgħod affarijiet bħal “għajnejn imkabbrin, ilsien falz, u idejn li qed ixerrdu demm innoċenti, qalb li tfassal pjanijiet taʼ ħsara, saqajn mgħaġġlin biex jiġru lejn il-​ħażen, xhud falz li jaqlaʼ l-​gideb, u kulmin jaqlaʼ l-​ġlied fost l-​aħwa.” (Proverbji 6:16-​19) Innota li Alla jistkerrah imġiba li ġġib il-​ħsara bejn il-​bnedmin. Minn dan nitgħallmu li Alla jagħti kas il-​benesseri tagħna u li jobgħod l-​affarijiet li jikkaġunawlna l-​ħsara.

Ġeħova hu Alla li jħobb. Il-​Bibbja tispjega li Alla jħobb ħafna “lin-​nies taʼ din id-​dinja.” (Ġwanni 3:16, Contemporary English Version) Tpinġih bħala li għandu l-​personalità taʼ missier teneru li jrid l-​aħjar għal uliedu l-​bnedmin. (Isaija 64:8) Il-​bnedmin jistgħu jaħsdu ħafna barkiet billi jagħrfu l-​pożizzjoni t’Alla bħala l-​Missier tagħhom kollu mħabba.

Tistaʼ Tkun il-​Ħabib t’Alla

Biċ-​ċar, il-​Bibbja tgħallem li l-​Ħallieq hu individwu li għandu isem u personalità. Għandu l-​abbiltà li juża l-​qawwa u jagħmel azzjonijiet maħsubin u minn jeddu li huma mqanqlin minn karatteristiki superjuri bħall-​qalb tajba, l-​għerf, u s-​sens taʼ ġustizzja. Mhuwiex ’il bogħod wisq jew li ma jistax jintlaħaq. Għall-​kuntrarju, hu jgħid: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”—Isaija 41:13.

Alla għandu skop għall-​bniedem. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Il-​fatt li nafu li Ġeħova hu uniku u għandu identità speċifika jagħmilhielna eħfef biex nirsistu għal relazzjoni persunali miegħu u ngawdu l-​barkiet li joffri lil dawk li jsiru ħbiebu.—Dewteronomju 6:4, 5; 1 Pietru 5:6, 7.

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

● Għandu Alla isem persunali? —Isaija 42:8.

● Hemm ħafna allat?—1 Korintin 8:5, 6.

● Jistgħu l-​bnedmin ikollhom relazzjoni persunali mal-​Alla l-​veru? —1 Pietru 5:6, 7.

[Stampa f’paġna 29]

Kien Alla se joħloqna bħala persuni komplikati kieku hu stess kien xi forza bla karattru?