Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Irqad—Kemm hu Importanti?

L-Irqad—Kemm hu Importanti?

● Xi studji reċenti juru li individwu mill-​Amerika taʼ Fuq issa qed jorqod bejn sebaʼ u sebaʼ sigħat u nofs kull lejl. L-​irqad kemm hu importanti? Waqt li tkun rieqed, int tgħaddi minn fażijiet taʼ rqad imsejħin moviment kostanti tal-​ħabba tal-​għajn bejn kull 60 u 90 minuta matul il-​lejl kollu. Matul dawn il-​fażijiet, il-​moħħ ikun attiv ħafna, u xi riċerkaturi jemmnu li b’xi mod ikun qed isewwi lilu nnifsu. Xi esperti jgħidu li meta ċ-​ċiklu tal-​irqad jiġi interrott u dak li jkun ma jorqodx biżżejjed, dan iħalli effett kumulattiv fuq il-​ġisem. Il-​mod kif jaħdem il-​moħħ jiġi effettwat, u dan jirriżulta f’ineffiċjenza u f’ħafna wġigħ fiżiku ieħor.

Sustanzi bħall-​kafeina jistgħu għal ftit ħin jimblokkaw is-​sustanza kimika li tindika l-​bżonn tal-​irqad. Madankollu, moħħna għandu mekkaniżmu li jġegħelna norqdu meta ġisimna ma jkunx raqad biżżejjed, u dan jirriżulta f’dak li ġie msejjaħ irqad qasir ħafna (microsleeps). Skont il-​gazzetta The Toronto Star, “tkun xi tkun qed tagħmel, il-​moħħ tiegħek li jkun ġie mċaħħad mill-​irqad, kultant se jidħol fl-​ewwel fażi tal-​irqad. Dan jistaʼ jdum minn għaxar sekondi sa ftit iktar minn minuta kull darba.” Immaġina li tkun qed issuq karozza bi 48 kilometru fis-​siegħa u torqod raqda qasira t’għaxar sekondi. Matul dan il-​ħin, int tkun ivvjaġġajt iktar mit-​tul taʼ grawnd tal-​futbol. Barra minn hekk, meta tissagrifika l-​irqad li jkollok bżonn tistaʼ ddgħajjef is-​sistema tal-​immunità tiegħek, għax hu matul l-​irqad li l-​ġisem jipproduċi ċ-​ċelluli T li jiġġieldu kontra l-​organiżmi li jikkawżaw il-​mard. Matul l-​irqad, ġisimna jipproduċi wkoll l-​ormon leptin, li jgħin biex jirregola l-​aptit. Tabilħaqq, il-​ġisem għandu bżonn l-​irqad daqskemm għandu bżonn l-​eżerċizzju u n-​nutriment xieraq.

Qiegħed ix-​xogħol żejjed jisraqlek l-​irqad li hu tant bżonjuż? Xi ngħidu dwar l-​ansjetajiet tal-​ħajja u l-​inkwiet dwar dak li ħżint għall-​futur? Is-​sultan għaref Salamun darba osserva: “Il-​qaddej jiġih ħelu l-​irqad, sew jekk jiekol ftit u sew jekk jiekol ħafna; imma l-​abbundanza taʼ l-​għani mhix qed tħallih jorqod.”—Ekkleżjasti 5:12.