Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ir-4 Suġġeriment—Ipproteġi Saħħtek

Ir-4 Suġġeriment—Ipproteġi Saħħtek

“Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Jekk tieħu passi sempliċi li jkunu taʼ protezzjoni tistaʼ tiġi megħjun tevita ħafna mard u miżerja, kif ukoll telf taʼ ħin u ħela taʼ flus.

Żomm ruħek nadif. Iċ-​Ċentri fl-​Istati Uniti għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard jgħidu: “Il-​ħasil tal-​idejn hu l-​iktar ħaġa importanti li tistaʼ tagħmel sabiex tgħin fil-​prevenzjoni tat-​tixrid taʼ infezzjonijiet u biex tibqaʼ f’saħħtek.” Jintqal li saħansitra 80 fil-​mija tal-​infezzjonijiet jittieħdu minn idejn maħmuġin. Għalhekk, aħsel idejk taʼ spiss matul il-​ġurnata. Agħmel dan speċjalment qabel ma tiekol, meta tipprepara l-​ikel, u meta tinfaxxa jew saħansitra tmiss xi ferita. Aħsilhom ukoll wara li tmiss xi annimal, wara li tmur it-​tojlit, jew wara li tbiddel il-​ħarqa taʼ tarbija.

Il-​ħasil tal-​idejn bis-​sapun u l-​ilma hu iktar effettiv mill-​użu taʼ xi prodotti li jkun fihom l-​alkoħol u li jintużaw biex jiddiżinfettaw l-​idejn. Tfal li jkunu mħarrġin mill-​ġenituri biex jaħslu jdejhom u biex ma jdaħħlux idejhom f’ħalqhom jew imissu għajnejhom, ikunu tfal iktar f’saħħithom. Ukoll, jekk tinħasel kuljum u żżomm ħwejġek u friexek nodfa se tgħin biex ikollok saħħa aħjar.

Evita mard li jittieħed. Evita kuntatt fiżiku mill-​qrib maʼ xi ħadd li jkollu riħ jew influwenza u tużax l-​istess pożati li jkun qed juża hu. Il-​marda tistaʼ tittieħed mill-​bżieq tagħhom, kif ukoll mil-​likwidu tal-​imnieħer. Mard li jittieħed mid-​demm, bħal pereżempju, l-​epatite B u Ċ, u l-​HIV/AIDS, hu mard li jittieħed b’mod speċjali minn kuntatt sesswali, minn drogi li jittieħdu permezz tas-​siringi, u minn trasfużjonijiet tad-​demm. It-​tilqim jistaʼ jgħin fil-​prevenzjoni taʼ xi infezzjonijiet, iżda xorta waħda jkun għaqli li wieħed jieħu l-​prekawzjonijiet neċessarji meta jkun maʼ xi ħadd li jkollu marda li tittieħed. Evita l-​gdim tal-​insetti. Jekk tkun bilqiegħda jew rieqed barra, ipproteġi ruħek min-​nemus jew minn xi insetti oħrajn li jkunu fi żmienhom u li jġorru l-​infezzjonijiet. Uża xi tip taʼ tull bħala għata fuq is-​sodda, speċjalment tat-​tfal, u uża prodotti li jbiegħdu l-​insetti. a

Żomm darek nadifa. Agħmel kwalunkwe sforz meħtieġ sabiex iżżomm darek fl-​ordni u nadifa, kemm minn ġewwa u kemm minn barra. Ara li ma jkollok imkien fejn jistaʼ jinġabar l-​ilma u fejn jistaʼ jbejjet in-​nemus. L-​imbarazz, il-​ħmieġ, u l-​ikel u l-​iskart li ma jkunux mgħottijin jattiraw lill-​insetti u lil xi annimali oħrajn bħalma huma l-​ġrieden, il-​wirdien, eċċ. Dawn kollha jistgħu jġorru l-​mikrobi u jikkaġunaw il-​mard. Jekk tkun xi mkien fejn m’hemmx tojlit, ħaffer toqba mal-​art u għattiha sew sabiex ma jiġix dubbien għax dan iġib infezzjonijiet fl-​għajnejn u mard ieħor.

Evita li tagħmel ħsara lilek innifsek. Obdi l-​liġijiet tas-​sigurtà meta tkun għaddej b’xogħlok u meta ssuq xi rota, mutur, jew karozza. Kun ċert li l-​vettura tiegħek ma jkun fiha ebda periklu biex issuqha. Uża apparat u ħwejjeġ protettivi li jkunu adattati bħal, pereżempju, nuċċali tas-​sigurtà, helmet, żarbun protettiv, kif ukoll ċinturin tas-​sigurtà, u xi tip taʼ protezzjoni għall-​widnejn. Evita li ddum ħin twil fix-​xemx għax dan jikkaġuna l-​kanċer u l-​ġilda tibda titkemmex qabel iż-​żmien. Jekk tpejjep, ieqaf. Jekk tieqaf issa se tnaqqas, b’mod sinifikanti, ir-​riskju taʼ mard tal-​qalb, kanċer tal-​pulmun, u puplesija. b

[Noti taʼ taħt]

a Ara s-​serje t’artikli “When Insects Spread Disease,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​22  taʼ Mejju, 2003.

b Ara s-​serje t’artikli “How to Quit Smoking,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż taʼ Mejju, 2010.