Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Fl-​ewwel sena u nofs taʼ xogħol iebes biex it-​traffikar tan-​nies jiġi kontrollat, “il-​pulizija Ċiniża ħelset 10,621 mara u 5,896 tifel u tifla li kienu nħatfu.” Xi 15,673 persuna suspettata kienu arrestati.—CHINA DAILY, IĊ-​ĊINA.

“Fil-​Kenja, iktar minn 1,000 għalliem tkeċċew mix-​xogħol talli abbużaw sesswalment minn tfal bniet tal-​iskola fl-​aħħar sentejn. . . . Servizz kunfidenzjali bit-​telefon madwar il-​pajjiż kollu . . . wera li l-​problema kienet iżjed mifruxa milli kien maħsub qabel.”—DAILY NATION, IL-​KENJA.

Skont studju li sar, in-​nies li użaw it-​“tanning beds” għandhom 75 fil-​mija taʼ riskju akbar li jkollhom il-​melanoma minn dawk li qatt ma użawhom. Dawk li għal iktar minn 50 siegħa użaw xi apparat magħmul biex in-​nies jismaru għandhom minn 2.5 sa 3.0 drabi iktar ċans li jiżviluppaw il-​melanoma.—CANCER EPIDEMIOLOGY, BIOMARKERS & PREVENTION, L-​ISTATI UNITI TAL-​AMERIKA.

“Tmienja fil-​mija biss [min-​nisa Kanadiżi li jkunu se jiżżewġu] jaħsbu li tkun idea tajba li wieħed jastjeni mis-​sess qabel iż-​żwieġ,” u “74 fil-​mija tal-​koppji diġà jgħixu flimkien qabel jiżżewġu.”—WEDDINGBELLS, IL-​KANADA.

Perikli Minn Ilma Mniġġes

Skont rapport maħruġ mill-​Ġnus Magħquda, “illum iktar nies qed imutu b’ilma kontaminat u mniġġes milli bil-​forom kollha taʼ vjolenza, inkluż il-​gwerer.” Il-​ĠM tirrapporta li żewġ miljun tunnellata taʼ skart—agrikolu u industrijali, kif ukoll tad-​dranaġġ, u nibqgħu sejrin—qed jitbattlu kuljum fix-​xmajjar u l-​ibħra, u b’hekk ixerrdu mard u jagħmlu l-​ħsara lis-​sistemi ekoloġiċi. Iktar minn hekk, kull 20 sekonda, tifel jew tifla taħt il-​ħames snin tmut b’mard li għandu x’jaqsam mal-​ilma. Achim Steiner, direttur esekuttiv tal-​Programm tal-​ĠM għall-​Ambjent, jgħid: “Jekk id-​dinja trid timxi ’l quddiem, . . . irridu ningħaqdu biex bi sforz iktar responsabbli u iktar intelliġenti naraw kif se nimmaniġġaw l-​iskart.”

Ikantaw Biex Terġaʼ Tiġihom il-​Vuċi

Numru taʼ pazjenti li telqitilhom il-​vuċi wara attakk taʼ puplesija ġew megħjunin biex jirkuprawha billi jkantaw. Xi newroloġi jinkuraġġixxu lill-​pazjenti pupletiċi biex ikantaw dak li jkunu jridu jgħidu, billi jagħtu ritmu u melodija lill-​ħsibijiet tagħhom. Il-​kura, imsejħa terapija għall-​intonazzjoni bil-​kant, ġabet riżultati tajbin ħafna. Wara 15-​il ġimgħa taʼ terapija, “il-​pazjenti jitgħallmu bil-​mod biex ibiddlu l-​kliem li jkantaw fi kliem mitkellem,” jispjega The Wall Street Journal.

“Splużjoni taʼ Qerq fil-​Klassi”

Fi stħarriġ li sar fuq 20,000 student tal-​università tal-​ewwel sena fil-​Kanada, 73 fil-​mija minnhom “ammettew li għamlu att serju jew iktar taʼ diżonestà akkademika f’xogħol miktub meta kienu fl-​iskola sekondarja,” jgħid il-​Kunsill Kanadiż tat-​Tagħlim (CCL). Università minnhom irrapportat li każi taʼ qerq u taʼ li jintuża xogħol ħaddieħor żdiedu b’81 fil-​mija bejn is-​snin 2003 u 2006. Dr Paul Cappon, president tas-​CCL, jgħid, “Fl-​għaxar snin li għaddew, l-​apparat b’teknoloġija għolja u li fih l-​Internet għen biex ikun hemm splużjoni taʼ qerq fil-​klassi.”