Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għerf għall-Qalb u s-Saħħa

Għerf għall-Qalb u s-Saħħa

“Qalb kalma hija l-​ħajja tal-​ġisem.”—PROVERBJI 14:30.

“Qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.”—PROVERBJI 17:22.

● Dawn il-​frażijiet sempliċi iżda profondi lissinhom is-​Sultan Salamun t’Iżrael xi tlett elef sena ilu. a Imma huma veri? Il-​mediċina moderna xi tgħid?

F’li tqabbel nies li huma kalmi maʼ dawk li għandhom ħabta jkunu rrabjati, ġurnal mediku (Journal of the American College of Cardiology) jgħid: “Skoperti kurrenti juru li hemm konnessjoni taʼ ħsara bejn ir-​rabja u l-​ostilità u s-​CHD (mard tal-​qalb).” Għalhekk, il-​ġurnal jgħid: “Il-​prevenzjoni u t-​trattament tas-​CHD b’suċċess jistgħu jinvolvu . . . mhux biss il-​kura fiżika u l-​mediċina normali, iżda wkoll għajnuna psikoloġika li tiffoka fuq li tikkontrolla r-​rabja u l-​ostilità.” Fi kliem ieħor, qalb kalma tippromwovi saħħa tajba, sewwa sew kif tgħid il-​Bibbja.

Effetti pożittivi simili jiġu minn qalb ferriħija. It-​tabib Derek Cox, uffiċjal tas-​saħħa fl-​Iskozja, f’rapport tal-​aħbarijiet tal-​BBC qal: “Jekk int ferħan, x’aktarx li fil-​futur ikollok inqas mard fiżiku minn dawk li mhumiex ferħanin.” L-​istess rapport qal: “Nies iktar ferrieħa għandhom ukoll iktar protezzjoni kontra affarijiet bħalma huma l-​mard tal-​qalb u l-​puplesija.”

L-​għerf taʼ Salamun—biex ma nsemmux dak tal-​kittieba l-​oħra tal-​Bibbja—għala kien tant avanzat għal żmienu? Ir-​risposta hi faċli. “Alla baqaʼ jagħti lil Salamun ħafna għerf u abbiltà li jifhem.” (1 Slaten 4:29) Iktar minn hekk, dak l-​għerf hu miktub bi kliem sempliċi biex kulħadd jistaʼ jibbenefika minnu. U jiġi bla ħlas.

Għala ma tagħmilx il-​qari regulari tal-​Bibbja parti minn ħajtek? Bħalma b’ferħ kbir għalihom skoprew miljuni taʼ nies, “meta l-​għerf jidħol f’qalbek u ruħek tibda tieħu pjaċir bl-​għarfien, l-​abbiltà li taħseb tibqaʼ tgħasses fuqek, u d-​dixxerniment iħarsek.” (Proverbji 2:10, 11) Ma jqawwilekx qalbek dan?

[Nota taʼ taħt]

a Il-​kelma “qalb” fil-​Bibbja s-​soltu tirreferi għall-​persuna ġewwinija kollha kemm hi, inkluż l-​emozzjonijiet tagħha.