Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Seba’ Stqarrijiet Għaqlin

Seba’ Stqarrijiet Għaqlin

L-​ISTQARRIJIET t’hawn taħt jinsabu fi ktieb antik miżgħud bi proverbji li wrew li huma prattiki u aġġornati. Ikkunsidra kif dawn jistgħu jgħinuk timmaniġġa flusek.

1. “Min iħobb il-​fidda ma jixbax bil-​fidda, u lanqas min iħobb l-​għana ma jixbaʼ bid-​dħul.” (Ekkleżjasti 5:10) Dan mhuwiex il-​kliem taʼ raġel għajjur u fqir. Wieħed mill-​iktar irġiel sinjuri li qatt għex, is-​Sultan Salamun t’Iżrael, kiteb dan il-​kliem ibbażat fuq l-​esperjenza personali tiegħu u fuq dak li ra. Irġiel sinjuri taʼ żmienna qalu kliem simili.

2. “La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet. Madankollu, dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni.” (1 Timotju 6:8, 9) Dan il-​kliem kitbu l-​appostlu Pawlu, li telaq karriera prominenti u sar segwaċi taʼ Ġesù Kristu. Kuntrarju għal xi mexxejja reliġjużi llum, Pawlu b’mod sod irreżista kwalunkwe tentazzjoni biex jieħu vantaġġ materjali mill-​istudenti tiegħu jew minn sħabu. Minflok, bl-​onestà kollha setaʼ jgħid: “Qatt ma xxennaqt b’għira għall-​fidda jew id-​deheb jew l-​ilbies taʼ xi ħadd. Intom stess tafu li dawn l-​idejn ħadu ħsieb il-​ħtiġijiet tiegħi u taʼ dawk li kienu miegħi.”—Atti 20:33, 34.

3. “Min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-​ewwel bil-​qiegħda u jikkalkula l-​ispejjeż, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih?” (Luqa 14:28) It-​tixbiha taʼ Ġesù tistaʼ tapplika għal sitwazzjoni li forsi tiffaċċja: Meta tixtri xi ħaġa, speċjalment bi credit card, se tixtri bla ma taħsibha jew se tkun paċenzjuż u tgħodd in-​nefqa? Tassew għandek bżonn l-​oġġett, u tistaʼ taffordjah?

4. “Min jissellef jaqaʼ f’idejn min silfu.” (Proverbji 22:7, Għaqda Biblika Maltija) Il-​kriżi finanzjarja dinjija li kellna dan l-​aħħar kixfet il-​frugħa tal-​credit cards u taʼ forom oħra taʼ dejn. Michael Wagner, fil-​ktieb tiegħu tal-​2009 (Your Money, Day One), jgħid li f’xi pajjiżi “huwa komuni li individwu jkollu, bejn wieħed u ieħor, ’il fuq minn 6,000 ewro f’dejn fuq erbaʼ credit cards jew iktar.”

5. “Il-​ħażin jissellef u ma jħallasx lura, imma l-​ġust juri ħniena u jagħti għotjiet.” (Salm 37:21) Xi nies jiddikjaraw li huma falluti għax dan hu meqjus bħala mod faċli kif jevitaw li jħallsu lura dak li ssellfu. Mill-​banda l-​oħra, dawk li jgħożżu relazzjoni tajba m’Alla mhux biss huma kuxjenzjużi li jħallsu d-​dejn, jekk jistgħu jagħmlu dan, imma wkoll huma ġenerużi b’li għandhom.

6. “Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u madankollu qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-​ħobż.” (Salm 37:25) Dan il-​kliem inkiteb minn raġel li bata trattament inġust. Qattaʼ snin sħaħ bħala maħrub, u kultant għex fl-​għerien u kultant fittex kenn f’art barranija. Fl-​aħħar, dan il-​maħrub, David, sar is-​sultan t’Iżrael tal-​qedem. Matul ħajtu esperjenza personalment kemm kien minnu l-​kliem t’hawn fuq.

7. “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Dan il-​kliem lissnu l-​aqwa bniedem li qatt għex. “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu,” Ġesù qattaʼ ħajtu fuq l-​art jaqdi lil oħrajn. Issa jgawdi l-​ħajja bħala spirtu immortali fis-​sema fuq il-​leminija “taʼ l-​Alla l-​hieni,” Ġeħova.—Ebrej 12:2; 1 Timotju 1:11.

Ma jistaʼ jkollna l-​ebda skop akbar f’ħajjitna milli nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù billi nagħmlu kulma nistgħu għall-​interessi t’oħrajn. Bla ebda dubju taqbel li jkun aħjar li tfaddal bil-​għaqal milli tonfoq b’mod egoist, ħalli tkun tistaʼ tagħti b’mod ġeneruż.