Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dak li Jgħidu l-Ġenituri

Dak li Jgħidu l-Ġenituri

Jekk int ġenitur taʼ tifel li għadu ma bediex imur l-​iskola, x’aktarx li tiffaċċja xi sfidi. Pereżempju, kif għandek tittratta mal-​biki u t-​twerżiq? Kif tistaʼ tgħallem lit-​tifel tiegħek x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u tikkoreġih b’mod bilanċjat? Innota kif xi ġenituri ttrattaw dawn il-​kwistjonijiet.

IL-​BIKI U T-​TWERŻIQ

“Ħafna tfal meta jkollhom madwar sentejn jgħaddu minn fażi li fiha jistennew li jieħdu kulma jridu. It-​tifel tagħna kellu din il-​problema. Jekk ma konniex nagħtuh dak li kien irid, kien jibda jwaddab l-​affarijiet. Dan kien l-​ewwel wild tagħna, u għalhekk ma kellniex esperjenza f’din l-​imġiba. Ma tantx kien t’għajnuna meta oħrajn qalulna li dan kien normali fit-​tfal taʼ dik l-​età.”—Susan, il-​Kenja.

“Meta kellha sentejn, it-​tifla tagħna kienet tinxteħet mal-​art, twerżaq, tibki, tagħti b’saqajha . . . Konna nħossuna mifluġin! Kien ikun għalxejn li nipprovaw nitkellmu magħha f’dak il-​mument. Għalhekk, jien u żewġi konna nibagħtuha f’kamritha u bil-​kalma ngħidulha li meta kienet tħossha aħjar, setgħet toħroġ u konna niddiskutu l-​kwistjoni magħha. Meta kienet tkun ikkalmat, wieħed minna kien imur f’kamritha u jgħinha tifhem għala l-​imġiba tagħha ma kinitx aċċettabbli. Dan il-​metodu rnexxa. Darba minnhom saħansitra smajnieha titlob lil Alla biex jaħfrilha. Maż-​żmien, il-​biki u t-​twerżiq tagħha naqsu u mbagħad waqfu għalkollox.”—Yolanda, Spanja.

“It-​tfal żgħar iħobbu jesperimentaw biex jaraw sa fejn jistgħu jaslu. Il-​fatt li tħalli lil tifel jagħmel dak li tkun għedtlu b’mod ċar biex ma jagħmlux, iħawdu. Aħna sibna li meta konna nkunu sodi u konsistenti, uliedna bil-​mod il-​mod tgħallmu li t-​twerżiq ma kienx il-​mod kif jiksbu dak li jridu.”—Neil, il-​Britannja.

ID-​DIXXIPLINA

“Meta tifel ikollu inqas minn ħames snin, ikun diffiċli li tkun taf jekk hux qed jismaʼ. Hu importanti li tirripeti dak li tgħid lit-​tifel. Trid tirripeti u tirripeti, donnu eluf taʼ drabi, flimkien maʼ ġesti u ton sod.”—Serge, Franza.

“Avolja kienu qed jitrabbew fl-​istess ambjent, l-​erbat itfal tagħna lkoll kienu uniċi. Waħda kienet tibki sempliċement għax kienet tkun taf li ddiżappuntatna; oħra kienet tipprova tara sa fejn setgħet tasal. F’xi każijiet, ħarsa biċ-​ċiera jew ċanfira kienet tkun biżżejjed, waqt li f’każijiet oħrajn kien ikollna nagħtuhom kastig speċifiku.”—Nathan, il-​Kanada.

“Huwa importanti li ma tagħmilx kompromess. Imma fl-​istess waqt, ġenitur m’għandux ikun dommatiku jew riġidu. Kultant, meta t-​tifla jiddispjaċiha verament, inħossu li l-​aħjar ħaġa tkun li nkunu raġunevoli u ntaffu d-​dixxiplina.” —Matthieu, Franza.

“Nipprova ma nimponix ħafna regoli, imma nagħmilha ċara li l-​ftit regoli li għandi ma jistgħux jitbiddlu. Ibni taʼ tliet snin jaf x’jiġrilu jekk ma jobdix, u dan jgħinu jikkontrolla l-​imġiba tiegħu. Huwa minnu li meta nkun għajjiena, ikun iktar faċli għalija li ninjora l-​aġir żbaljat tiegħu. Imma minħabba l-​konsistenza, inġiegħel lili nnifsi naġixxi. Il-​konsistenza hi kollox!”—Natalie, il-​Kanada.

IL-​KONSISTENZA

“It-​tfal żgħar jiftakru b’mod ċar ħafna kull darba li ġenitur ikun inkonsistenti.”—Milton, il-​Bolivja.

“Kultant ibni jistaqsini dwar l-​istess kwistjoni b’modi differenti biex jipprova jara jekk nagħtihx l-​istess risposta. Jew jekk jien ngħid xi ħaġa u ommu tgħid xi ħaġ’oħra, din iqisha bħala inkonsistenza u jipprova jieħu vantaġġ minnha.”—Ángel, Spanja.

“Kultant kont ninjora l-​imġiba ħażina taʼ ibni meta kien ikolli burdata tajba, imma kont nikkastigah bl-​aħrax meta kien ikolli burdata ħażina. Sibt li dan kien biss qed jiggrava l-​imġiba ħażina.”—Gyeong-​ok, il-​Korea.

“Huwa importanti li t-​tfal żgħar jifhmu li jekk ċerta mġiba hi ħażina llum, dejjem se tkun ħażina.”—Antonio, il-​Brażil.

“Jekk il-​ġenituri ma jkunux konsistenti, it-​tifel se jaħseb li lil ommu u missieru ma jistax jiħdilhom kopja, li d-​deċiżjonijiet tagħhom jiddependu mill-​burdata tagħhom. Imma jekk il-​ġenituri jżommu mal-​prinċipji tagħhom, it-​tfal se jkunu jafu li dak li hu ħażin, dejjem hu ħażin. Dan hu mod wieħed kif il-​ġenituri jipprovdu s-​sigurtà u l-​imħabba.” —Gilmar, il-​Brażil.

“It-​tfal jistgħu jieħdu vantaġġ minn sitwazzjonijiet li fihom ġenitur donnu jkun jidher li ftit li xejn għandu għażla ħlief li jċedi għal xi rikjesta—bħal meta jkun hemm nies oħrajn. Jekk it-​tweġiba tiegħi tkun le, dan ngħidu mill-​bidu, u lil ibni nagħmilhielu ċara li m’iniex se nagħti widen għall-​qrid tiegħu.”—Chang-​seok, il-​Korea.

“Iż-​żewġ ġenituri għandhom bżonn jaqblu bejniethom. Jekk jien u marti ma naqblux fuq xi ħaġa, nitkellmu dwarha fil-​privat. It-​tfal jistgħu jindunaw meta l-​ġenituri tagħhom ma jaqblux fuq xi kwistjoni, u se jipprovaw jieħdu vantaġġ mis-​sitwazzjoni.”—Jesús, Spanja.

“Meta tifel ikun jaf li l-​ġenituri tiegħu huma tal-​istess fehma u li ma jistgħux jiġu manipulati, hu jħossu fis-​sigurtà. Ikun jaf x’inhuma l-​konsegwenzi, kemm jekk jobdi u kemm jekk le.”—Damaris, il-​Ġermanja.

“Għalija u għal marti, il-​konsistenza tinvolvi wkoll li nżommu kelmitna meta lit-​tifla tagħna nwegħduha xi ħaġa sabiħa. B’dan il-​mod titgħallem li tistaʼ tistrieħ fuq il-​wegħdi tagħna.” —Hendrick, il-​Ġermanja.

“Kieku l-​imgħallem tiegħi l-​ħin kollu jbiddel dak li hu meħtieġ minni fuq ix-​xogħol, nirrita ruħi. It-​tfal huma l-​istess. Huma jħossuhom fis-​sigurtà meta jkunu jafu r-​regoli u jkunu jafu li r-​regoli mhux se jinbidlu. Għandhom bżonn ikunu jafu wkoll bil-​konsegwenzi tad-​diżubbidjenza u li dawn ma jinbidlux lanqas.”—Glenn, il-​Kanada.

[Kumment f’paġna 8]

“Ħallu l-​Iva tagħkom ikun Iva, u l-​Le, Le.”—Ġakbu 5:12

[Kaxxa/​Stampi f’paġna 9]

NILTAQGĦU MAʼ FAMILJA

Tqala Mhix Pjanata Kif Aġġustajna Ruħna

Kif rakkontata minn Tom u Yoonhee Han

Tom: Konna ilna miżżewġin sitt xhur biss meta marti, Yoonhee, saret taf li kienet tqila. Minn barra kont nidher kalm, ladarba lil Yoonhee ridt inserrħilha rasha li setgħet tiddependi minni għall-​faraġ u s-​saħħa. Imma minn ġewwa ppanikjajt!

Yoonhee: Ħassejtni xxokkjata—u mbeżżgħa! Bkejt fuq li bkejt; la ħassejtni lesta u lanqas kapaċi biex inkun omm.

Tom: U jien ma ħassejtnix lest li nkun missier! Imma wara li tkellimna maʼ ġenituri oħrajn irrealizzajna li t-​tqala mhix pjanata mhijiex rari daqskemm ħsibna. Ukoll, sibnieh t’għajnuna li nisimgħu dak li kellhom x’jgħidu ġenituri oħrajn dwar il-​ferħ taʼ li tkun missier jew omm. Bil-​mod il-​mod, minflok ma ħassejtni mbeżżaʼ u inċert kelli sebaʼ mitt sena biex insir missier!

Yoonhee: Wara li twieldet Amanda, qamu sfidi ġodda. Hi kienet tibki bla waqfien, u jien ma stajtx norqod għal ġimgħat sħaħ. Ma kellix aptit niekol, u minħabba f’hekk ħassejtni għajjiena mejta. Għall-​ewwel, ma ridtx inkun ħdejn in-​nies. Imma mbagħad irrealizzajt li ma kienx se jkun taʼ ġid li ninqafel id-​dar. Għalhekk, qattajt xi ħin m’ommijiet ġodda oħrajn. Dan ippermettieli niddiskuti s-​sitwazzjoni tiegħi m’oħrajn li kienu qed jesperjenzaw l-​istess ħaġa. U dan għenni nirrealizza li ma kontx l-​unika waħda li kelli l-​problemi.

Tom: Stinkajt biex inżomm l-​istabbiltà fir-​rutina tal-​familja tagħna. Pereżempju, bħala Xhieda taʼ Ġeħova, jien u Yoonhee konna determinati li nkunu regulari fil-​ministeru u fil-​laqgħat Kristjani. Ukoll, it-​tfal iġibu magħhom l-​ispejjeż, li ftit minnhom ma jkunux mistennijin. Għamilna ċert li ma nonfqux iktar flus milli kellna sabiex ma jkollniex dejn, għax dan kien se jġib biss iktar stress.

Yoonhee: Għall-​ewwel kont naħseb li forsi ma jkunx prattiku li nieħu sehem fil-​ministeru, ladarba t-​trabi jistgħu jtellfu. Imma fir-​realtà, in-​nies jiggustawhom lit-​trabi. Il-​fatt li rrealizzajt dan għenni nibqaʼ attiva u jkolli attitudni iktar pożittiva lejn binti.

Tom: Il-​Bibbja tgħid li t-​tfal huma “wirt mingħand Ġeħova” u “premju.” (Salm 127:3) Għalija, dan il-​kliem juri li l-​ulied huma għotja prezzjuża. Bħalma jiġri fi kwalunkwe wirt, għandek għażla: Tistaʼ tagħmel investiment għaqli, jew tistaʼ tberbqu. Qed nitgħallem li kull fażi tat-​trobbija tat-​tfal hi unika, u hemm bżonn li nkun parti mill-​ħajja taʼ binti f’kull fażi għax ladarba tgħaddi din l-​opportunità, ma tkunx tistaʼ ġġibha lura.

Yoonhee: Kultant il-​ħajja tissorprendina, u li jkollok tarbija mhix pjanata mhijiex sorpriża kerha. Amanda issa għandha sitt snin, u ma nistax nimmaġinani mingħajrha.

[Stampa]

Tom u Yoonhee maʼ binthom, Amanda