X’Inhi l-Mira tal-Ġenituri?
Il-Ħarsa tal-Bibbja
LIEMA minn dawn li ġejjin tixtieq li jsir l-adoloxxent tiegħek?
A. Eżatt bħalek.
B. Ribell li l-mira tiegħu hi li jsir l-oppost tiegħek.
Ċ. Adult responsabbli li jieħu deċiżjonijiet għaqlin.
Xi ġenituri li jagħżlu ċ-Ċ għandhom mnejn jaġixxu bħallikieku jippreferu l-Għażla A. Huma jipprovaw jisforzaw il-valuri tagħhom fuq l-adoloxxent tagħhom billi, pereżempju, jgħidulu x’karriera għandu jagħżel. Xi jkun ir-riżultat? Malli jikseb ċertu ammont taʼ indipendenza, jitlaq jiġri fid-direzzjoni l-opposta. Ironikament, ħafna ġenituri li jiżirgħu l-Għażla A jaħsdu l-Għażla B.
Għala Kontroll Sħiħ Mhux Se Jirnexxi
Int trid li l-adoloxxent tiegħek isir adult responsabbli li jieħu deċiżjonijiet għaqlin. Imma kif tistaʼ tilħaq dan l-għan? Ħaġa waħda hi ċerta: Kontroll sħiħ mhuwiex is-soluzzjoni. Ikkunsidra żewġ raġunijiet.
1. Il-metodu taʼ kontroll sħiħ mhuwiex Skritturali. Alla Ġeħova ħalaq lill-bnedmin bil-libertà tal-għażla. Hu jħalli lin-nies jagħżlu l-ħajja li jixtiequ jgħixu, kemm jekk tajba u kemm jekk ħażina. Pereżempju, meta Kajjin tant kien irrabjat għal ħuh Abel li ried joqtlu, Ġeħova qallu: “Jekk iddur biex tagħmel it-tajjeb, ma tiġix milqugħ? Imma jekk ma ddurx biex tagħmel it-tajjeb, hemm id-dnub lest għalik wara biebek, u hu mlebleb għalik; u se trażżnu int, min-naħa tiegħek?”—Ġenesi 4:7.
Innota li filwaqt li Ġeħova ta parir ċar lil Kajjin, ma sforzahx biex jobdih. Kajjin kellu jagħżel jekk irażżanx ir-rabja tiegħu jew le. X’inhi t-tagħlima? Jekk Ġeħova ma jipprovax iġiegħel lill-ħlejjaq tiegħu biex jobduh, lanqas int m’għandek tipprova tagħmel dan mal-adoloxxenti tiegħek. a
2. Il-metodu taʼ kontroll sħiħ ġeneralment jaħdem bil-kontra. Immaġina li wieħed bejjiegħ jipprova jagħmillek pressjoni biex tixtri xi ħaġa. Iktar ma jipprova jbegħlek, int iktar tirreżisti b’mod sod. Anki jekk għandek bżonnu l-prodott li qed ibigħ, probabbilment jimbottak bil-manjiera tiegħu. Tkun trid teħles minnu.
Tistaʼ tiġri xi ħaġa simili jekk tipprova tisforza l-valuri, it-twemmin, u l-miri tiegħek fuq l-adoloxxent tiegħek. Se “jixtrihom”? X’aktarx li le! Infatti, il-metodu tiegħek għandu mnejn jaħdem bil-kontra, billi jġiegħel lill-adoloxxent tiegħek jiżviluppa stmerrija għal-livelli tiegħek. Ħafna drabi, meta l-ġenituri jipprovaw jikkontrollaw għalkollox lil uliedhom, it-tfal jirribellaw. Allura, x’tistaʼ tagħmel?
Minflok ma tipprova tikkontrolla għalkollox il-ħajja tal-adoloxxent tiegħek, billi timponi l-valuri tiegħek fuqu bħalma forsi għamilt meta kien iżgħar, għinu jara l-għerf taʼ li jagħmel dak li hu sewwa. Pereżempju, jekk int Kristjan, urih kif billi jgħix fi qbil mal-prinċipji t’Alla fl-aħħar mill-aħħar se jkun iktar kuntent.—Isaija 48:17, 18.
Hekk kif tagħmel dan, ħalli l-eżempju. Kun it-tip taʼ persuna li trid li l-adoloxxent tiegħek isir. (1 Korintin 11:1) Uri b’mod ċar x’inhuma l-valuri li int għażilt li tgħix fi qbil magħhom. (Proverbji 4:11) Jekk l-adoloxxent tiegħek jiżviluppa mħabba għal Alla u għal-livelli tiegħu, se jagħmel għażliet għaqlin, anki meta int ma tkunx preżenti.—Salm 119:97; Filippin 2:12.
Għallimhom Abbiltajiet Prattiċi
Bħalma ssemma f’paġna 2 taʼ din ir-rivista, se tasal il-ġurnata—forsi malajr wisq fl-opinjoni tiegħek—meta t-tifel adult tiegħek “iħalli lil missieru u lil ommu.” (Ġenesi 2:24) Bħala ġenitur, trid tkun ċert li għandu l-abbiltajiet meħtiġin biex jaġixxi bħala adult indipendenti. Ikkunsidra ftit mill-abbiltajiet li tistaʼ tgħinu jiżviluppa issa, waqt li għadu d-dar.
Abbiltajiet Domestiċi. Jistaʼ l-adoloxxent tiegħek jipprepara xi ikliet? jaħsel u jgħaddi ħwejġu? iżomm kamartu nadifa u żbarazzata? jagħmel ftit manutenzjoni u tiswijiet bażiċi fuq il-karozza? Jekk jiżviluppa abbiltajiet bħal dawn, ibnek, jew bintek, fil-futur se jkun kapaċi jmexxi familja. L-appostlu Pawlu spjega li hu kien kapaċi jieħu ħsieb lilu nnifsu ‘f’kull ċirkustanza li sab ruħu fiha.’—Filippin 4:11.
Abbiltajiet Soċjali. (Ġakbu 3:17) L-adoloxxent tiegħek kemm jingwalaha m’oħrajn? Jistaʼ jirranġa nuqqas taʼ qbil bil-kalma u bil-qalb tajba? Ħarriġtu biex jittratta lin-nies bir-rispett u biex jirranġa konflitti bil-paċi? (Efesin 4:29, 31, 32) Il-Bibbja tgħid: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.”—1 Pietru 2:17.
L-Immaniġġar tal-Flus. (Luqa 14:28) Tistaʼ tgħin lill-adoloxxent tiegħek jitgħallem xi sengħa, jgħix skont il-mezzi tiegħu, u jevita d-dejn? Ħarriġtu biex ifaddal għall-affarijiet li jkollu bżonn u biex jevita li jixtri bl-addoċċ u biex ikun kuntent bin-neċessitajiet? (Proverbji 22:7) Pawlu kiteb: “La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti.”—1 Timotju 6:8.
Adoloxxenti li jitgħallmu jgħixu fi qbil maʼ valuri retti u li jiżviluppaw abbiltajiet prattiċi huma preparati tassew biex ikunu adulti. Il-ġenituri tagħhom ikunu laħqu l-mira tagħhom!—Proverbji 23:24.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni, ara It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Frar, 2011, paġni 18-19.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● X’inhi l-mira tiegħek bħala ġenitur?—Ebrej 5:14.
● X’se tkun ir-responsabbiltà tal-adoloxxent tiegħek meta jsir adult?—Ġożwè 24:15.
[Stampi f’paġna 25]
Liema tixtieq li jsir l-adoloxxent tiegħek?
Eżatt bħalek . . .
Ribell . . .
Adult responsabbli