Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn Id-dinja

Ħarsa Lejn Id-dinja

Xi 17 fil-​mija mit-​tfal tal-​iskola fil-​Brażil li l-​età tagħhom hi minn 10 snin sa 13-​il sena huma involuti fl-​ibbuljar—jew bħala vittmi jew bħala dawk li jibbuljaw.—O ESTADO DE SÃO PAULO, IL-​BRAŻIL.

Pressjoni għolja, kolesterol għoli, ġebel fil-​kliewi, u problemi fil-​fwied issa qed jinstabu fi tfal taʼ taħt it-​12-​il sena. X’inhuma l-​kaġuni prinċipali? Stil taʼ ħajja dejjem bilqiegħda, ħafna ikel mhux sustanzjuż, u piż żejjed.—ABC, SPANJA.

L-​ispiża biex trabbi tifel li twieled fl-​2008 sal-​età taʼ 18-​il sena f’familja taʼ dħul medju fl-​Istati Uniti hi “madwar 153,440 ewro (202,280 ewro meta aġġustata minħabba l-​inflazzjoni),” skont stima taʼ gvern.—DIPARTIMENT TAL-​AGRIKULTURA TAL-​ISTATI UNITI, L-​ISTATI UNITI TAL-​AMERIKA.

Insew Kif Jilagħbu

Skont stħarriġ li sar dan l-​aħħar, wieħed minn kull ħames ġenituri fil-​Britannja jsostni li nesa “kif jilgħab maʼ wliedu.” Terz minnhom jistqarru li l-​logħob idejjaqhom, waqt li oħrajn la għandhom ħin u lanqas ideat. Rigward dan l-​istħarriġ, il-​Professoressa Tanya Byron, psikologa klinika, tgħid: “Hemm erbaʼ aspetti fundamentali biex il-​ħin tal-​logħob jirnexxi bejn il-​ġenituri u t-​tfal: l-​edukazzjoni, l-​ispirazzjoni, l-​integrazzjoni, u l-​komunikazzjoni.” Għalkemm 1 minn kull 3 ġenituri għażel li jilgħab logħob tal-​kompjuter maʼ wliedu, il-​maġġuranza l-​kbira mit-​tfal jippreferu li dan jilagħbuh waħedhom. Fost l-​attivitajiet li l-​biċċa l-​kbira minn dawk li għandhom bejn 5 snin u 15-​il sena jixtiequ jieħdu sehem mal-​ġenituri tagħhom hemm il-​logħob li jintlagħab barra mid-​dar u dak li jintlagħab fuq il-​mejda.

Stejjer taʼ Qabel l-​Irqad

Servizz tal-​Internet joffri li jgħin lil dawk il-​missirijiet li għandhom wisq x’jagħmlu biex huma personalment jaqraw stejjer taʼ qabel l-​irqad lil uliedhom. Il-​missier jistaʼ juża dan l-​apparat teknoloġiku sofistikat biex jirrekordja leħnu hu u jaqra storja taʼ qabel l-​irqad, jistaʼ jżid il-​mużika u l-​effetti tas-​sawnd u jibgħat fajl tal-​awdjo permezz taʼ e-​mail lit-​tifel, tispjega gazzetta Awstraljana. (Daily Telegraph) Madankollu, esperti fir-​relazzjonijiet huma xettiċi. “Il-​qari taʼ storja lil tifel jinvolvi li tibni relazzjoni mat-​tifel,” jgħid it-​Tabib Richard Fletcher li jmexxi programm taʼ riċerka dwar il-​familji fl-​Università taʼ Newcastle, l-​Awstralja. Jinvolvi li l-​missirijiet jikkomunikaw maʼ wliedhom, iħaddnuhom, u jidħqu magħhom. Ebda e-​mail ma tistaʼ tirriplejsja l-​benefiċċji taʼ li toqgħod bilqiegħda fiżikament u taqra xi storja lit-​tifel tiegħek, jgħid Fletcher.