Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġrajja Storika fil-Malawi—1,000 Sala tas-Saltna!

Ġrajja Storika fil-Malawi—1,000 Sala tas-Saltna!

“QATT ma ħsibt li se jkun possibbli fil-​Malawi,” esklama Augustine. Kien qed jirreferi għall-​kostruzzjoni t’għadd kbir taʼ Swali tas-​Saltna, kif ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jsejħu l-​postijiet taʼ qima tagħhom. Fl-​1993, it-​30,000 Xhud li kien hemm dak iż-​żmien fil-​Malawi, pajjiż żgħir fix-​Xlokk tal-​Afrika, ma kellhom ebda post xieraq fejn setgħu jagħtu qima u jistudjaw il-​Bibbja.

Imma issa, is-​sitwazzjoni hi differenti ferm. Fi Blantyre f’Settembru tal-​2010, ix-​Xhieda fil-​Malawi lestew l-​elf Sala tas-​Saltna tagħhom! a Ix-​Xhieda għala stennew li jiżdiedu sa 30,000 qabel ma bdew jibnu postijiet għall-​qima? U ladarba bdew, kif irnexxielhom itellgħu 1,000 sala f’perijodu relattivament qasir f’art fejn ir-​riżorsi huma limitati? Finalment, dan il-​programm meraviljuż taʼ kostruzzjoni, x’effett kellu fuq ix-​Xhieda u fuq il-​ġirien tagħhom?

Żminijiet Diffiċli

Fil-​bidu tas-​seklu 20, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, li dak iż-​żmien kienu magħrufin bħala Studenti tal-​Bibbja, bdew jgħallmu l-​verità tal-​Bibbja fil-​Malawi. Sal-​1967, in-​numru taʼ xhieda kien kiber għal xi 17,000. Bħall-​Kristjani tal-​ewwel seklu, kienu magħrufin bħala wħud li jobdu l-​liġi u li juru rispett lejn l-​uffiċjali tal-​gvern. Ukoll, bħall-​Kristjani tal-​bidu, baqgħu newtrali għalkollox fejn tidħol il-​politika.—Ġwanni 18:36; Atti 5:29.

B’sogħba, sa nofs is-​snin 60, il-​waqfa tax-​Xhieda bbażata fuq il-​Bibbja ġabithom f’konflitt mal-​gvern, u fl-​1967 ġew projbiti. Ma damux ma tkeċċew għal xejn b’xejn mill-​postijiet tagħhom tax-​xogħol, u marmalji ħatfu jew qerdu l-​proprjetajiet tagħhom. Minħabba l-​persekuzzjoni ħarxa u l-​biżaʼ li setaʼ jinqalaʼ ġenoċidju, eluf taʼ Xhieda ħarbu lejn il-​Możambik u z-​Zambja, il-​pajjiżi tal-​madwar.

Iżda, eventwalment, inqalbet il-​folja għax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Malawi u l-​biċċa l-​kbira minnhom inġiebu lura lejn art twelidhom fil-​bidu tas-​snin 90. Kemm ferħu meta fit-​12 t’Awwissu, 1993, tneħħiet il-​projbizzjoni fuq l-​attività tagħhom li kienet ilha għaddejja 26 sena! Madankollu, issa ħabbtu wiċċhom maʼ problema ġdida. Kienu iktar minn 30,000 persuna f’583 kongregazzjoni u ma kellhom ebda post xieraq fejn setgħu jiltaqgħu għall-​qima! X’kellhom jagħmlu?

L-​Imħabba fl-​Azzjoni!

Għall-​ewwel sitt snin wara li tneħħiet il-​projbizzjoni, ix-​Xhieda lokali għamlu xogħol taʼ min ifaħħarhom għalih f’li jibnu Swali tas-​Saltna bil-​finanzi limitati tagħhom. Imma ma kinitx xi biċċa xogħol la kemm tgħidha għax ma setgħux ilaħħqu maż-​żieda annwali tax-​Xhieda. Kif solvew din il-​problema? Billi applikaw il-​prinċipju Bibliku misjub fit-​2 Korintin 8:14. “Biex kulħadd ikun indaqs,” il-​flus żejda li kellhom pajjiżi oħrajn ‘għamlu tajjeb għan-​nieqes’ f’pajjiżi bħall-​Malawi. Għal dan l-​għan, fl-​1999 il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova bdiet programm speċjali biex tgħin fil-​bini taʼ postijiet taʼ qima f’artijiet fejn ir-​riżorsi huma limitati. B’din l-​għajnuna kollha mħabba, ix-​Xhieda fil-​Malawi bdew iħaffu ferm iktar il-​programm tal-​bini tas-​Swali tas-​Saltna tagħhom. b

Qabel dan, kongregazzjonijiet fil-​Malawi għamlu laqgħat Kristjani fi klassijiet ġol-​iskejjel, f’postijiet temporanji taʼ kenn, jew saħansitra taħt is-​siġar. Issa, l-​1,230 kongregazzjoni jistgħu jiltaqgħu għall-​qima u t-​tagħlim Bibliku f’bini dinjituż dedikat għall-​avanz tal-​qima vera. Kif tistaʼ timmaġina, l-​iktar minn 75,000 Xhud fil-​Malawi japprezzaw mill-​qalb l-​appoġġ taʼ ħuthom spiritwali minn madwar id-​dinja.

Fattur ieħor li għen lix-​Xhieda jibnu tant postijiet għall-​qima f’tant żmien qasir kien ix-​xewqa tagħhom għal swali modesti u utli. Ma ridux strutturi taʼ barra minn hawn. Anzi, riedu binjiet sempliċi u dinjitużi li jġibu unur lil Alla u li jipprovdu ambjent komdu għal diskussjoni u studju minn fuq il-​Bibbja.

Komunitajiet Lokali Jibbenefikaw

Qabel dan, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Malawi kienu jiġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt għax ma kellhomx postijiet taʼ qima. Minħabba f’hekk, xi Xhieda kultant kienu jistħu jistiednu għal-​laqgħat lill-​uħud interessati. Allura, aħseb ftit kif ħassewhom meta kellhom is-​Sala tas-​Saltna tassew sabiħa tagħhom stess! Issa kienet l-​għaxqa tagħhom li jistiednu lill-​ġirien u lill-​uħud interessati għal-​laqgħat Kristjani. Tabilħaqq, f’post wieħed, kongregazzjoni lokali tgħaxxqet meta 698 persuna attendew laqgħa f’Sala tas-​Saltna li kienet għadha kemm inbniet!

Ħafna Xhieda u nies oħrajn qalu li qatt ma għaddielhom minn moħħhom li kien se jkollhom sala tant sabiħa u soda fl-​inħawi tagħhom. Augustine, li ssemma fil-​bidu, jistaʼ jiftakar kongregazzjoni waħda li kienet tagħmel il-​laqgħat tagħha taħt siġra. Augustine jgħid: “Kont tieħu pjaċir fl-​istaġun niexef. Imma fl-​istaġun tax-​xita—ajma ħej, xi problemi!” Jekk xi darba nqbadt f’ħalba xita qawwija tropikali, taf għal xiex qed jirreferi Augustine.

Augustine jiftakar meta darba żar lill-​Kongregazzjoni taċ-​Chimwanje. “Il-​laqgħa saret f’post taʼ kenn żgħir magħmul minn arbli tal-​injam b’saqaf tal-​ħaxix,” jispjega hu. “Imma ma indunajniex li s-​saqaf tal-​ħaxix kien sar id-​dar taʼ brimba kbira u velenuża. F’daqqa waħda, f’nofs it-​taħdita, il-​brimba niżlet u ġiet eżatt fejn sieqi! Smajt lil membru maħsud tal-​udjenza jgħajjat, ‘Irfisha, Augustine, irfisha!’ Ovvjament, hekk għamilt. Kif tistaʼ tara, għadni ħaj!” Issa li l-​kongregazzjoni għandha Sala tas-​Saltna ġdida, m’għadx ikollhom interruzzjonijiet bħal dawn.

“Ġawhra fil-​Komunità”

Il-​programm eċċitanti tal-​bini tas-​Swali tas-​Saltna wassal biex ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkunu ammirati u rispettati minn ħafna komunitajiet u kapijiet lokali, kif juru l-​kummenti li ġejjin:

✔ “Il-​kostruzzjoni taʼ post ġdid għall-​qima, flimkien mal-​imħabba u l-​unità murijin mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, hi ġawhra fil-​komunità, u jistħoqqilha li tiġi imitata minn knejjes oħrajn.”—Il-​kap lokali f’Chabwenzi.

✔ “Il-​ħaġa li nammira l-​iktar fix-​Xhieda hi l-​unità li għandhom. Aħna bdejna nibnu l-​knisja tagħna għaxar snin ilu, imma x-​xogħol għadu għaddej—u min jaf meta se jitlesta! Nixtieq nirringrazzjakom talli bnejtu faċilità mill-​isbaħ fl-​akkwata tagħna.”—Il-​mexxej tar-​raħal f’Chigwenembe.

✔ “Il-​mod kif taħdmu hu tal-​għaġeb. Tant tgħaġġlu u xorta waħda tant hu pulit ix-​xogħol! Bilfors li intom magħqudin ħafna.”—Il-​kap lokali f’Chiuzira.

Il-​programm tal-​bini tas-​Swali tas-​Saltna tant kien rimarkevoli li saħansitra ġie għall-​attenzjoni tal-​edituri taʼ ċertu dizzjunarju (Chichewa/Chinyanja—English Dictionary). Fid-​dizzjunarju, rigward ix-​Xhieda hemm miktub: “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bnew ħafna [Swali tas-​Saltna].”

‘Din is-​Sala tas-​Saltna Hi Miraklu’

Fit-​30 taʼ Jannar, 2011, il-​Kongregazzjoni taʼ Manyowe fi Blantyre, li ssemmiet qabel, iddedikat is-​Sala tas-​Saltna ġdida tagħha—l-​elf waħda li nbniet fil-​Malawi. Membru tal-​kongregazzjoni qal: “Hu miraklu li għandna din is-​Sala tas-​Saltna. Qisha ħolma li saret realtà.”

Żagħżugħa fil-​Kongregazzjoni taʼ Manyowe tgħid: “Lanqas ġurnata waħda ma tlift mill-​proġett taʼ kostruzzjoni. Jien ferħana se ntir li stajt nieħu sehem fil-​bini taʼ post xieraq għall-​qima fit-​territorju tagħna.”

“Kellna diffikultà f’li niksbu l-​permess mill-​awtoritajiet lokali biex nibnu s-​Sala tas-​Saltna tagħna,” spjega wieħed mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni. “Diversi drabi, l-​uffiċjali tal-​belt irrifjutaw li jiffirmaw il-​permessi li kellna bżonn. Imma s-​Sinjura Liness Chikaoneka, il-​mexxejja lokali, stinkat ferm biex tikkonvinċi lill-​uffiċjali ħalli jiffirmaw il-​permessi.”

Ġurnata minnhom, is-​Sinjura Chikaoneka u anzjan marru biex jiksbu firma għall-​permess. Hi qalet lill-​uffiċjal: “Irrid li x-​Xhieda jibnu s-​Sala tas-​Saltna tagħhom fir-​raħal tiegħi. Huma nies tajbin. Qatt ma kelli għalfejn insolvi xi diffikultajiet li kienu jinvolvu lilhom fil-​qorti tradizzjonali tiegħi.” Imbagħad l-​uffiċjal iffirma l-​karti.

Is-​Sinjura Chikaoneka kienet eċċitata meta s-​Sala tas-​Saltna ġiet iddedikata. Hi qalet: “Jien verament ferħana u kburija li għandi dan il-​bini mill-​isbaħ fir-​raħal tiegħi!”

Fil-​Malawi kollu, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova u l-​ġirien tagħhom ikomplu jesprimu l-​apprezzament għall-​programm tal-​bini tas-​Swali tas-​Saltna. Minħabba l-​ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali u x-​xogħol iebes tagħhom, li huma karatteristiki eżemplari, f’dan il-​pajjiż, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova m’għadx għandhom numru kbir taʼ Swali tas-​Saltna li għad iridu jinbnew, kif kien il-​każ fl-​1993. Veru, se jibqaʼ jkollhom bżonn taʼ iktar Swali tas-​Saltna hekk kif in-​nies iwieġbu għall-​“aħbar tajba tas-​saltna” t’Alla u hekk kif jiġu fformati kongregazzjonijiet ġodda. (Mattew 24:14) Għaldaqstant, ix-​Xhieda tassew japprezzaw l-​appoġġ kollu mħabba u d-​donazzjonijiet ġenerużi tax-​Xhieda sħabhom minn madwar id-​dinja. c

Imma, iktar minn dan kollu, ix-​Xhieda jesprimu l-​gratitudni lil Alla tagħhom, Ġeħova. Huma jħossuhom bħas-​salmista, li qal: “Il-​ġnus kollha li int għamilt se jiġu u jmilu quddiemek, O Ġeħova, u jagħtu glorja lil ismek. Għax int kbir u qed tagħmel affarijiet taʼ l-​għaġeb.”—Salm 86:9, 10.

[Noti ta’ taħt]

a L-​għadd taʼ Swali tas-​Saltna issa qabeż l-​1,030.

b Mill-​1999, madwar id-​dinja, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bnew 23,786 Sala tas-​Saltna f’151 pajjiż li għandhom riżorsi limitati.

c Madwar id-​dinja, ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova hu appoġġat għalkollox minn kontribuzzjonijiet volontarji.

[Stampa f’paġna 24]

Qabel ma beda l-​programm tal-​bini tas-​Swali tas-​Saltna, il-​postijiet tal-​laqgħat spiss kienu xejn ħlief postijiet taʼ kenn mgħottijin bil-​ħaxix

[Stampa f’paġna 24]

Issa l-​kongregazzjonijiet jiltaqgħu fi Swali tas-​Saltna bħal din