Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jien lil Min Nammira u Nimita?

Jien lil Min Nammira u Nimita?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

F’dan l-​artiklu, int se titgħallem

GĦALA għandek bżonn eżempji tajbin

FEJN issibhom

KIF tistaʼ timitahom

GĦALA GĦANDEK BŻONNHOM

REALTÀ TAL-​ĦAJJA: It-​tendenza hi li ssir bħan-​nies li tammira. Dan jistaʼ jkun tajjebjew ħażin—jiddependi lil min tammira.

Dak li għandek bżonn: Eżempji taʼ min jimitahom.—Filippin 3:17.

Il-​problema: Ħafna jammiraw nies famużi—mużiċisti, eroj tal-​isports, l-​istilel taċ-​ċinema—anki jekk dawn għandhom reputazzjoni ħażina.

Aħseb dwar dan: Il-​Bibbja tqabbel il-​karatteristiki tal-​personalità tagħna mal-​ħwejjeġ. (Kolossin 3:9, 10) Jekk qed tixtri l-​ħwejjeġ, se tħalli lil bejjiegħ li ma jkunx liebes tajjeb jgħidlek x’għandek tilbes? Mela allura għala se tħalli lil xi ħadd magħruf b’reputazzjoni ħażina jiddettalek it-​tip taʼ persuna li int għandek tkun? Minflok tagħmel dan jew sempliċement timxi mal-​kurrent, li tagħżel lil xi ħadd li tammira u timita se jgħinek (1) tagħżel il-​kwalitajiet li tixtieq tikseb u (2) timita nies li jispikkaw f’li juru dawn il-​kwalitajiet.

FEJN ISSIBHOM

Immarka s-​sentenzi li ġejjin veru jew falz.

1. Xi ħadd li tammira u timita jeħtieġ ikun xi ħadd li ltqajt miegħu wiċċ imb wiċċ.

VeruFalz

2. Xi ħadd li tammira u timita jeħtieġ ikun perfett.

VeruFalz

3. Jistaʼ jkollok ħafna wħud li tammira u timita.

VeruFalz

Tweġibiet

1. Falz. Tistaʼ saħansitra tagħżel lil min tammira u timita miż-​żmien tal-​qedem. L-​aħjar fosthom jinsabu fil-​Bibbja. Pereżempju, jekk taqra kapitlu 11 tal-​ktieb Bibliku t’Ebrej, se ssib li l-​appostlu Pawlu jsemmi 16-​il raġel u mara li l-​fidi tagħhom kienet eżemplari. L-​iktar importanti, fil-​kapitlu taʼ wara, Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani biex ‘iħarsu fiss’ lejn Ġesù u jsegwuh. (Ebrej 12:2) Ġesù hu l-​aqwa persuna biex nammiraw u nimitaw.—Ġwanni 13:15. a

2. Falz. Ġesù kien l-​uniku dixxendent perfett t’Adam. (Rumani 3:23) Anki l-​profeta Elija, li kien kuraġġuż, kien sempliċement “bniedem bħalna.” (Ġakbu 5:17, Għaqda Biblika Maltija) L-​istess jistaʼ jingħad għal uħud bħal Mirjam, David, Ġona, Marta, u Pietru. Bl-​onestà kollha l-​Bibbja turi l-​iżbalji taʼ dawn l-​irġiel u n-​nisa. Xorta waħda, huma kienu eżemplari fil-​maġġorparti tal-​aspetti tal-​ħajja, u għalhekk jistgħu jkunu individwi tajba biex tammira u timita.

3. Veru. Jistaʼ jkollok kemm trid individwi li tammira u timita. Wieħed jistaʼ jkun b’mod speċjali ħabrieki f’xogħlu, filwaqt li ħaddieħor jistaʼ jispikka f’li jkun paċenzjuż. Forsi t-​tielet individwu jżomm ħarsa pożittiva meta jinqalgħu l-​problemi. (1 Korintin 12:28; Efesin 4:11, 12) Fittex it-​tajjeb f’oħrajn, u ssibilhom kwalitajiet taʼ min jimitahom.—Filippin 2:3.

KIF TISTAʼ TIMITAHOM

1. Osserva lil dawk li tammira u li tixtieq timita. Lill-​Kristjani tal-​ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu qalilhom: “Ħarsu lejn dawk li jimxu skond l-​eżempju li rajtu fina.”—Filippin 3:17, Għaqda Biblika Maltija.

2. Issieħeb. Jekk hu possibbli, qattaʼ xi ħin mal-​uħud taʼ żmienna li għażilt biex tammira u timita. Il-​Bibbja tgħid: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref.”—Proverbji 13:20.

3. Imita l-​kwalitajiet taʼ min ifaħħarhom tal-​uħud li tammira. Ebrej 13:7 jgħid: “Imitaw il-​fidi tagħhom, waqt li tosservaw bir-​reqqa r-​riżultat tal-​kondotta tagħhom.”

Lest biex tibda? Agħmel l-​eżerċizzju t’hawn taħt.

L-​Azzjoni li Se Nieħu

Agħżel karatteristika li tixtieq ikollok. (Tixtieq tkun iktar dħuli? ġeneruż? ħaddiem iktar bieżel? ma tiħux għalik malajr? dipendenti? taʼ min jafdak?)

․․․․․

Agħżel lil xi ħadd li juri l-​kwalità li tixtieq tiżviluppa. b

․․․․․

Meta tagħżel lil xi ħadd tajjeb biex tammira u timita, l-​iskop tiegħek ma jkunx li ssir dak l-​individwu. Int xorta għandek il-​kwalitajiet tajbin uniċi tiegħek stess. Minkejja dan, li jkollok uħud tajbin biex tammirahom u timitahom se jgħinek toħroġ l-​aħjar tiegħek hekk kif issir adult. Mhux hekk biss, billi ssegwi l-​eżempju tagħhom, int se ssir persuna tajba biex ħaddieħor jammirak u jimitak.

Iktar artikli bl-​Ingliż mis-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fuq il-​Websajt www.pr418.com

[Noti ta’ taħt]

a Naturalment, illum ukoll hemm ħafna nies li tistaʼ tammirahom u timitahom. Dawn jistgħu jinkludu ġenitur, xi ħadd minn ħutek, xi membru tal-​kongregazzjoni Kristjana li jkun matur spiritwalment, jew xi ħadd ieħor li taf jew qrajt dwaru.

b Tistaʼ tagħmel dan l-​eżerċizzju bil-​kontra wkoll. L-​ewwel, agħżel persuna li tirrispetta. Imbagħad, staqsi lilek innifsek, ‘Xi kwalità partikulari tagħmel lil dan l-​individwu taʼ min jammirah?’ Imbagħad, billi tuża lil dan l-​individwu bħala xi ħadd li tammirah, agħmel ħiltek biex timita l-​kwalitajiet li identifikajt fih.

[Kumment f’paġna 27]

Għala se tħalli lil xi ħadd magħruf b’reputazzjoni ħażina jiddettalek it-​tip taʼ persuna li int għandek tkun?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 28]

DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK

Layla—Ħabibti Sandra tħares lejn l-​affarijiet b’lenti pożittiva. Barra minn hekk, hi familjari ħafna mal-​Bibbja. Minħabba dan, qisha dejjem taf kif issib is-​soluzzjoni għall-​problemi. Nistaʼ niftaħ qalbi magħha kull meta jkolli l-​problemi, żgħar jew kbar.

Terrence—Sħabi Kyle u David qatt ma jċekknu s-​sentimenti t’oħrajn. Dejjem lesti biex jgħinu lil dak li jkun fil-​problemi tiegħu, filwaqt li għal mument iwarrbu l-​ansjetajiet tagħhom fil-​ġenb. Narahom t’eżempju tajjeb.

Emmaline—Ommi hi dik il-​persuna li nammira u nimita. Hi taf il-​Bibbja fuq ponot subgħajha, u dejjem tara kif tagħmel biex titkellem m’oħrajn dwar il-​fidi tagħha. Hi temmen bis-​sħiħ li l-​ministeru hu privileġġ u mhux taʼ dwejjaq. Nammiraha għal dan!

[Kaxxa f’paġna 29]

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT!

Għandek bżonn għajnuna f’li ssib individwi tajbin biex tammirahom u timitahom? Aqra Ebrej kapitlu 11 u agħżel wieħed mill-​irġiel jew in-​nisa li huma msemmijin hemmhekk. Ibda proġett taʼ studju bl-​intenzjoni li timita waħda mill-​kwalitajiet li tammira f’dik il-​persuna.

Int tistaʼ ssib iktar individwi mill-​Bibbja biex tammira u timita fl-​1 Volum tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom u f’Volume 2 tal-​ktieb Questions Young People Ask—Answers that Work, ippubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ara l-​“Eżempju taʼ Min Jimitah—Indiċi” li jinsab fuq il-​qoxra taʼ wara fin-​naħa taʼ ġewwa.

[Kaxxa f’paġna 29]

GĦALA MA TISTAQSIX LILL-​ĠENITURI TIEGĦEK?

Tkellem mal-​ġenituri tiegħek dwar dawk li jammiraw u jimitaw huma—dawk li kellhom meta kienu tal-​età tiegħek u dawk li għandhom issa. Il-​ġenituri tiegħek kif ibbenefikaw milli jkollhom lil min jammiraw u jimitaw f’ħajjithom?