Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Aħħar tad-Dinja Jbeżżaʼ lil Ħafna

L-Aħħar tad-Dinja Jbeżżaʼ lil Ħafna

MINBARRA t-​teoriji mhux realistiċi dwar l-​aħħar tad-​dinja msemmijin fl-​artiklu taʼ qabel, hemm xi tħassib li jistħoqqlu konsiderazzjoni serja. Bosta nies jinkwetaw li minħabba li l-​popolazzjoni qed tikber wisq jistaʼ jkun hawn nuqqas taʼ ilma u ikel. Oħrajn jitħassbu dwar il-​konsegwenzi taʼ kollass finanzjarju globali. Xi ngħidu għad-​diżastri naturali, il-​mard li jittieħed, jew il-​gwerer nukleari? Jistgħu ġrajjiet bħal dawn jikkaġunaw katastrofi globali?

Ejja niddiskutu fil-​qosor xi sitwazzjonijiet li wħud jaħsbu li jistgħu jwasslu għall-​aħħar tad-​dinja. Mhux kollha jheddu li joqtlu lill-​bnedmin kollha fid-​dinja, imma żgur jidhru li għandhom il-​potenzjal li jeqirdu l-​ħajja fuq l-​art kif nafuha issa. Fosthom hemm dawn li ġejjin.

Vulkani Qerrieda Ħafna

Fl-​1991 żbroffat il-​Muntanja Pinatubo fil-​Filippini. Din qatlet iktar minn 700 ruħ u ħalliet madwar 100,000 persuna bla dar. Sħaba kbira taʼ rmied telgħet xi 30 kilometru fl-​ajru u mbagħad niżlet fuq l-​art, fejn ksiet l-​uċuħ tar-​rabaʼ u ġarrfet il-​bjut tal-​bini. Pinatubo u vulkani oħrajn bħalu jikkaġunaw bidliet fil-​klima għal diversi snin wara li jiżbroffaw.

Żbroffi enormi, bħal dawk li seħħew fil-​passat imbiegħed, kieku jkunu mijiet taʼ drabi akbar u iktar devastanti minn kwalunkwe żbroff fl-​istorja dokumentata u kieku jagħmlu ħafna iktar ħsara. Minbarra l-​qawwa qerrieda immedjata, it-​taqlib fil-​klima globali kieku jikkaġuna ħsara lill-​ħsad, tfixkil fil-​provvisti tal-​ikel, u jwassal għal ġuħ fuq skala kbira.

“Il-​vulkani joqtlu l-​pjanti u l-​annimali madwarhom għal kilometri sħaħ; vulkani qerrieda ħafna jheddu speċi sħaħ bl-​estinzjoni billi jbiddlu l-​klima mad-​dinja kollha.”—“National Geographic.”

Asterojdijiet

Kmieni għodwa waħda fl-​1908, raġel kien bilqiegħda fil-​veranda taʼ ħanut fl-​imwarrab f’Vanavara, is-​Siberja, meta splużjoni tajritu mis-​siġġu tiegħu. Is-​sħana tant kienet qawwija li ħass bħallikieku l-​qmis tiegħu kienet qed taqbad. Il-​post tal-​isplużjoni kien xi 60 kilometru ’l bogħod. L-​isplużjoni kienet kaġunata minn asterojde li kellu dijametru taʼ xi 35 metru u li kien jiżen madwar 100 miljun kilogramma. L-​asterojde sploda minħabba l-​pressjoni u t-​temperatura għolja li kienu riżultat tal-​veloċità mgħaġġla li beda għaddej biha mill-​atmosfera. L-​isplużjoni ħarġet enerġija ekwivalenti għal 1,000 bomba daqs dik taʼ Hiroshima u qerdet xi 2,000 kilometru kwadru taʼ foresta Siberjana. M’għandniex xi ngħidu, asterojde akbar kieku jagħmel ħafna iktar ħsara, għax jikkaġuna nirien enormi u mbagħad it-​temperatura titbaxxa b’mod drastiku madwar id-​dinja kollha u jinqerdu ħafna speċi.

“Matul l-​istorja tad-​dinja, ġejna bombardjati minn kometi u asterojdijiet mill-​ispazju. Fil-​passat, il-​kolliżjonijiet kienu iktar spissi, imma se jerġgħu jseħħu. Hija biss kwistjoni taʼ meta.”—Chris Palma, lekċerer tal-​astronomija u l-​astrofiżika f’Penn State University.

Taqlib fil-​Klima

It-​temperatura medja tad-​dinja qed tiżdied u qed ikun hemm estremi fit-​temp. Il-​glaċieri kif ukoll is-​silġ minn fuq il-​muntanji qed jinħallu, u s-​sikek tal-​qroll u speċi importanti qed imutu. Xi xjenzati jemmnu li dawn kollha jindikaw li l-​klima globali qed tinbidel. Għalkemm hemm opinjonijiet differenti, ħafna jsostnu li dan hu minħabba li l-​karozzi u l-​industrija qed jaħarqu l-​faħam, iż-​żejt, u l-​gass naturali—fjuwils tal-​fossili li jitfgħu ammonti għoljin taʼ dijossidu karboniku fl-​atmosfera.

Xi esperti jemmnu li dawn l-​emissjonijiet jaġixxu bħal serra, billi jnaqqsu l-​pass li bih is-​sħana toħroġ mill-​art għal ġol-​ispazju, u b’hekk jikkaġunaw żieda fit-​temperaturi. Peress li s-​siġar jassorbu d-​dijossidu karboniku, il-​qtugħ taʼ siġar fuq skala kbira jistaʼ jeffettwa wkoll it-​taqlib fil-​klima.

“Jekk ir-​rati preżenti tat-​tisħin globali jkomplu kif inhuma u l-​produzzjoni tad-​dijossidu karboniku ma tonqosx, ħafna xjenzati jemmnu li t-​temperatura medja tal-​Art se tkompli tiżdied, u dan se jwassal għal taqlib eħrex u li jkun iktar diffiċli biex tbassru u għal livelli ogħla tal-​oċeani li jistgħu jheddu l-​inħawi baxxi taʼ mal-​kosta fejn jgħixu ħafna nies.”—“A Mind for Tomorrow: Facts, Values, and the Future.”

Mard li Jinxtered

Fis-​seklu 14, il-​Pesta qerdet terz tal-​popolazzjoni fl-​Ewropa f’sentejn biss. Bejn l-​1918 u l-​1920, l-​influwenza Spanjola qatlet minn tal-​inqas 50 miljun ruħ. Peress li l-​ivvjaġġar kien jieħu fit-​tul, il-​mard ma kienx jinxtered malajr. Madankollu, minħabba li llum il-​bliet kibru u l-​ivvjaġġar internazzjonali sar faċli, f’kemm ilna ngħidu marda simili tistaʼ tinfirex mal-​kontinenti kollha.

Marda bħal din li tinxtered tistaʼ sseħħ b’mod naturali. Imma hemm ukoll biżaʼ li qed jikber minħabba l-​armi bijoloġiċi, mard li joħloq il-​bniedem. Esperti f’dan il-​qasam jgħidu li grupp żgħir taʼ nies bl-​għarfien neċessarju jistgħu jixtru tagħmir minn fuq l-​Internet u jipproduċu armi bijoloġiċi qattiela.

“Mard kaġunat b’mod naturali għadu taʼ theddida bijoloġika serja; madankollu, nies għedewwa armati b’dawn l-​istess organiżmi li jikkawżaw il-​mard—jew b’organiżmi [li jirreżistu diversi mediċini] jew li jinħolqu b’mod sintetiku—jistgħu jipproduċu konsegwenzi katastrofiċi.”—The Bipartisan WMD Terrorism Research Center.

L-​Estinzjoni taʼ Speċi Essenzjali

Matul l-​aħħar ħames snin, uħud li jrabbu n-​naħal fl-​Istati Uniti tilfu madwar 30 fil-​mija tan-​naħal tagħhom kull sena minħabba fenomenu globali li fih kolonji sħaħ taʼ naħal f’daqqa waħda u b’mod misterjuż jisparixxu mid-​doqqajs, jew il-​bejta, tagħhom. In-​naħal ma jagħtiniex l-​għasel biss. Idakkar prodotti importanti, fosthom l-​għeneb, it-​tuffieħ, is-​soyabeans, u l-​qoton. Aħna niddependu min-​naħal.

Aħna niddependu wkoll mill-​fitoplankton (jiġifieri, il-​ħxejjex tal-​baħar bħall-​alka). Mingħajru ma jkollniex ħut. Mingħajr id-​dud biex jagħti l-​arja lill-​ħamrija, ikollna ferm inqas prodotti tal-​ikel. L-​estinzjoni taʼ speċi importanti bħal dawn kieku tirriżulta f’nuqqas taʼ ikel u f’ġuħ, li mbagħad iwasslu għal vjolenza u rewwixti. It-​tinġis, il-​popolazzjoni li qed tikber wisq, il-​ħsad żejjed, il-​qerda tal-​ambjent naturali tal-​annimali u l-​pjanti, u t-​taqlib fil-​klima kollha jikkontribwixxu għall-​estinzjoni taʼ xi annimali forsi sa 1,000 darba iktar mir-​rati naturali.

“Kull sena, bejn 18,000 u 55,000 speċi jsiru estinti. Il-​kaġun: l-​attivitajiet tal-​bnedmin.”—United Nations Development Program.

Gwerra Nukleari

Splużjoni nukleari tistaʼ teqred belt f’ħakka t’għajn—fatt tal-​biki li ntwera darbtejn f’Awwissu tal-​1945. Hi tal-​biżaʼ l-​qawwa li għandha splużjoni nukleari, għaliex teqred u toqtol permezz taʼ mewġa għal għarrieda taʼ pressjoni tal-​arja, ir-​riħ, is-​sħana, in-​nar, u r-​radjazzjoni. Ir-​radjazzjoni tikkontamina wkoll l-​ikel u l-​ilma. Gwerra nukleari kieku tikkaġuna ammonti kbar taʼ trab biex jitilgħu fl-​ajru, u b’hekk id-​dawl tax-​xemx ma jkunx jidher u t-​temperaturi madwar il-​globu jitbaxxew ħafna. Prodotti tal-​ikel u pjanti oħrajn kieku jmutu. Mingħajr l-​ikel x’jieklu, il-​bnedmin u l-​annimali kieku jmutu bil-​ġuħ. Jingħad li xi disaʼ pajjiżi għandhom il-​kapaċità li jagħmlu attakki nukleari. Ftit nazzjonijiet oħrajn jidhru li qegħdin fil-​proċess li jiżviluppaw l-​armi nukleari tagħhom stess. U organizzazzjonijiet tat-​terroristi huma ħerqanin ħafna biex jakkwistawhom.

“L-​armi nukleari għadhom l-​iktar theddida serja u immedjata għaċ-​ċivilizzazzjoni umana. . . . Għad hemm xi 25,000 arma nukleari madwar id-​dinja . . . Eventwalment, it-​terroristi se jiksbu arma nukleari.”—Union of Concerned Scientists.