Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-dmugħ misterjuż tiegħek

Id-dmugħ misterjuż tiegħek

IL-BIKI jibqaʼ magħna minn jum it-twelid. Espert wieħed jispjega li l-biki tat-trabi hu mezz li bih jesprimu l-bżonnijiet emozzjonali u fiżiċi tagħhom. Imma meta nikbru għala nibku ladarba kapaċi nikkomunikaw b’modi oħrajn?

Id-dmugħ emozzjonali jimlielna għajnejna għal diversi raġunijiet. Nistgħu nibku minħabba n-niket, il-frustrazzjoni, jew is-sofferenza fiżika jew psikoloġika. Imma meta nħossu ferħ kbir, serħan il-moħħ, u sodisfazzjon, b’mod simili jitqanqal dmugħ emozzjonali—f’dan il-każ, dmugħ taʼ ferħ. Id-dmugħ jistaʼ wkoll jittieħed. “Jekk nara lil xi ħadd ieħor jibki—hu x’inhu l-kaġun—ma nistax ma nibkix jien,” tgħid María. Għandu mnejn sitwazzjonijiet immaġinarji f’film jew ktieb ukoll ġegħluk tibki.

Hi x’inhi r-raġuni, il-biki hu lingwa qawwija bla kliem. “Hemm ftit modi oħrajn li bihom tistaʼ tgħid tant fi żmien daqstant qasir,” jispjega l-ktieb Adult Crying. Id-dmugħ iqanqal reazzjoni. Pereżempju, il-biċċa l-kbira minna jsibuha diffiċli jinjoraw dmugħ taʼ niket għax jallarmana dwar xi ħadd li qed isofri. Nistgħu nirreaġixxu billi nipprovaw infarrġu jew ngħinu lil min ikun qed jibki.

Xi esperti jemmnu li l-biki jipprovdi sfog utli għall-emozzjonijiet tagħna u li jekk niħduha drawwa nżommu lura milli nibku jistaʼ jagħmlilna l-ħsara f’saħħitna. Oħrajn isostnu li l-benefiċċji fiżiċi jew psikoloġiċi tal-biki ma ġewx ivverifikati xjentifikament. Minkejja dan, l-stħarriġ juri li 85 fil-mija tan-nisa u 73 fil-mija tal-irġiel jgħidu li jħossuhom aħjar wara li jkunu bkew. “Kultant, naf li jkolli bżonn nibki,” tispjega Noemí. “Wara nkun nistaʼ nieħu nifs fil-fond u nara l-affarijiet iktar ċar, kif ikunu fir-realtà.”

L-istħarriġ juri li 85 fil-mija tan-nisa u 73 fil-mija tal-irġiel jgħidu li jħossuhom aħjar wara li jkunu bkew

Imma dan is-sentiment taʼ serħan il-moħħ jistaʼ ma jiddependix biss mid-dmugħ. Il-mod kif ħaddieħor jaġixxi għall-biki tagħna għandu rwol importanti wkoll.  Pereżempju, meta d-dmugħ tagħna jqanqal lil ħaddieħor ifarraġna jew jgħinna, inħossuna mistriħin. Imma jekk ir-reazzjoni għad-dmugħ tagħna ma tkunx tajba, nistgħu nħossuna nistħu jew li m’aħniex aċċettati.

Jidher ċar li għad hemm il-misteri dwar il-biki. Dak li nafu hu li l-biki hu waħda mir-reazzjonijiet emozzjonali interessanti li tana Alla.