Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-​BIBBJA GĦADHA TGĦODD GĦAL ŻMIENNA?

Valuri li dejjem japplikaw għal kulħadd—Il-​fedeltà

Valuri li dejjem japplikaw għal kulħadd—Il-​fedeltà

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli għal kulħadd, u ħa tkun is-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis.”Ebrej 13:4.

IL-​BENEFIĊĊJI: Xi nies jikkunsidrawh antikwat dan il-​kliem. Imma żgarralhom—żgarralhom bl-​ikrah! Iż-​żlealtà tweġġaʼ llum daqskemm kienet meta nkitbet il-​Bibbja.—Proverbji 6:34, 35.

Joseph, li hu kemm raġel miżżewweġ kif ukoll missier, kiteb: “Il-​lealtà fiż-​żwieġ ikkontribwiet bil-​kbir għar-​relazzjoni b’saħħitha li għandi maʼ marti u għall-​ferħ li għandna. Tabilħaqq, il-​fiduċja hi importanti ħafna fiż-​żwieġ. L-​infedeltà teqred il-​fiduċja”—biex ma nsemmux l-​effetti futuri fuq it-​tfal!

Ligaya poġġiet iż-​żwieġ tagħha f’periklu. “Bdejt nagħmilha maʼ nies ħżiena,” tgħid hi. “Dan wassalni għax-​xalar bla kontroll billejl u li naqlibha lil żewġi.” Ġabilha ferħ dan l-​istil taʼ ħajja? Hi u żewġha kienu jillitikaw il-​ħin kollu, u hi kienet miżerabbli. Hi żżid: “Meta ħsibt dwar il-​problemi tal-​mistħija li dħalt fihom, irrealizzajt kemm kellhom raġun il-​ġenituri meta kienu jgħiduli, ‘Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.’”—1 Korintin 15:33.

Ligaya żżid: “Qabel ma l-​affarijiet qalbu għall-​agħar, iddeċidejt li nieqaf mill-​istil taʼ ħajja ħażina u li nistudja l-​Bibbja—u li din id-​darba napplika t-​tagħlim tagħha.” Ir-​riżultati? Salvat iż-​żwieġ tagħha u żewġha beda jittratta magħha b’iżjed qalb tajba u rispett. “Il-​Bibbja biddlitli ħajti,” tgħid hi, “u ma jiddispjaċini xejn għax abbandunajt l-​istil taʼ ħajja u l-​hekk imsejħin ħbieb li kelli qabel.”