Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 1

Alla Jibda Jagħmel l-Affarijiet

Alla Jibda Jagħmel l-Affarijiet

L-​AFFARIJIET tajbin kollha li għandna ġejjin mingħand Alla. Hu għamel ix-​xemx biex jagħtina d-​dawl matul il-​jum, u l-​qamar u l-​istilel ħalli jkollna xi dawl bil-​lejl. U Alla għamel id-​dinja biex aħna ngħixu fuqha.

Imma x-​xemx, il-​qamar, l-​istilel, u d-​dinja ma kinux l-​ewwel affarijiet li għamel Alla. Taf x’għamel l-​ewwel? L-​ewwel Alla għamel persuni bħalu. Ma nistgħux narawhom lil dawn il-​persuni, bħalma ma nistgħux naraw lil Alla. Fil-​Bibbja dawn il-​persuni jiġu msejħin anġli. Alla għamel l-​anġli biex jgħixu miegħu fis-​sema.

L-​ewwel anġlu li għamel Alla kien speċjali ħafna. Hu kien l-​ewwel Iben t’Alla, u hu ħadem maʼ Missieru. Hu għen lil Alla biex jagħmel l-​affarijiet l-​oħrajn kollha. Hu għen lil Alla biex jagħmel ix-​xemx, il-​qamar, l-​istilel, kif ukoll id-​dinja tagħna.

Kif kienet id-​dinja dakinhar? Fil-​bidu ħadd ma setaʼ jgħix fuq l-​art. Ma kien hemm xejn iktar ħlief baħar kbir ħafna t’ilma fuq wiċċ l-​art kollha. Imma Alla ried li n-​nies jgħixu fid-​dinja. Għalhekk, hu beda jlesti l-​affarijiet għalina. X’għamel?

L-​ewwel nett, id-​dinja kellha bżonn id-​dawl. Għalhekk, Alla għamel li d-​dawl tax-​xemx jiddi fuq id-​dinja. Hu rranġa l-​affarijiet biex ikun hemm il-​jum u l-​lejl. Wara, Alla ġiegħel li l-​art toħroġ minn taħt l-​ilma tal-​baħar.

Għall-​ewwel ma kien hemm xejn fuq l-​art. Kienet tidher bħall-​istampa li tara hawn. Ma kienx hemm fjuri, siġar, jew annimali. U ma kienx hemm ħuta waħda fil-​baħar. Alla kellu ħafna iktar xogħol x’jagħmel biex l-​art tkun sabiħa ħafna ħalli jgħixu fiha l-​annimali u n-​nies.