Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 4

Għala Tilfu d-Dar Tagħhom

Għala Tilfu d-Dar Tagħhom

QED tara x’inhu jiġri issa? Adam u Eva qed jiġu mkeċċijin mill-​ġnien mill-​isbaħ tal-​Għeden. Taf għala?

Għaliex għamlu xi ħaġa ħażina ħafna. U għalhekk, Ġeħova qed jagħtihom kastig. Taf x’inhi l-​ħaġa ħażina li għamlu Adam u Eva?

Għamlu xi ħaġa li Alla qalilhom biex ma jagħmlux. Alla qalilhom li jistgħu jieklu mill-​frott tas-​siġar li kien hemm fil-​ġnien. Imma minn siġra waħda Alla qalilhom biex ma jiklux, inkella kienu se jmutu. Hu żamm din is-​siġra għalih biss. U aħna nafu li hu ħażin li nieħdu xi ħaġa li tkun taʼ xi ħadd ieħor, hux veru? Allura x’ġara?

Darba minnhom, meta Eva kienet waħedha fil-​ġnien, kellimha serp. Tistaʼ timmaġinah dan? Qal lil Eva biex tiekol frott mis-​siġra li Alla qalilhom biex ma jiklux minnha. Issa aħna nafu li meta Ġeħova għamel is-​sriep, hu m’għamilhomx jitkellmu. Allura dan bilfors li jfisser li xi ħadd ieħor kien qed jagħmel is-​serp jitkellem. Min kien dan?

Ma kienx Adam. Għalhekk, bilfors li kien wieħed mill-​persuni li Ġeħova kien għamel ħafna qabel m’għamel l-​art. Dawn il-​persuni huma anġli, u aħna ma nistgħux narawhom. L-​anġlu li qed nitkellmu dwaru kien sar kburi ħafna. Hu beda jaħseb li għandu jkun ħakkiem bħal Alla. U hu ried li n-​nies jobdu lilu minflok lil Ġeħova. Dan kien l-​anġlu li għamel is-​serp jitkellem.

Dan l-​anġlu rnexxielu jidħaq b’Eva. Meta qalilha li kienet se ssir bħal Alla jekk tiekol mill-​frotta, hi emmnitu. Għalhekk, kielet hi u anki Adam. Adam u Eva m’obdewx lil Alla, u għalhekk tilfu d-​dar mill-​isbaħ tagħhom li kienet ġnien.

Imma xi darba Alla se jirranġa biex l-​art kollha ssir sabiħa daqs il-​ġnien tal-​Għeden. Iktar tard se nitgħallmu dwar kif int tistaʼ tgħin biex tagħmilha sabiħa. Imma issa, ejja naraw x’ġara lil Adam u Eva.