STORJA 7
Raġel Kuraġġuż
HEKK kif in-nies bdew jiżdiedu fuq l-art, ħafna minnhom għamlu affarijiet ħżiena bħal Kajjin. Imma kien hemm raġel wieħed li kien differenti. Hu dan ir-raġel li jismu Enok. Enok kien raġel kuraġġuż. In-nies madwaru kienu qed jagħmlu affarijiet ħżiena ħafna, imma Enok xorta baqaʼ jaqdi lil Alla.
Taf għala n-nies taʼ dak iż-żmien għamlu ħafna affarijiet ħżiena? Aħseb ftit, Min ġiegħel lil Adam u Eva biex ma jobdux lil Alla u jieklu mill-frott li Alla qalilhom li m’għandhomx jieklu? Iva, kien anġlu ħażin. Il-Bibbja tgħid li jismu Satana. U hu qed jipprova jagħmel lil kulħadd ħażin.
Darba minnhom Alla Ġeħova qal lil Enok biex jgħid lin-nies xi ħaġa li ma kinux se jieħdu gost jisimgħu. Kienet din: ‘Alla xi darba se jeqred lin-nies ħżiena kollha.’ X’aktarx li n-nies irrabjaw ħafna meta semgħu dan. Jistaʼ jkun ukoll li pprovaw joqtlu lil Enok. Għalhekk, Enok ried ħafna kuraġġ biex jgħid lin-nies x’kien se jagħmel Alla.
Alla ma ħalliex lil Enok jgħix żmien twil fost dawk in-nies ħżiena. Enok għex sakemm kellu 365 sena biss. Għala ngħidu “365 sena biss”? Għax in-nies dak iż-żmien kienu ħafna iktar b’saħħithom mil-lum u kienu jgħixu ħafna iktar. Fil-fatt, it-tifel t’Enok, Metuselaħ, għex sakemm kellu 969 sena!
Wara li Enok miet, in-nies marru mill-ħażin għall-agħar. Il-Bibbja tgħid li ‘kulma kienu jaħsbu kien biss ħażin il-ħin kollu,’ u li ‘l-art imtliet bil-vjolenza.’
Taf x’kienet waħda mir-raġunijiet għala kien hawn dak l-inkwiet kollu fuq l-art dak iż-żmien? Kien minħabba li Satana sab mod ġdid kif iġiegħel lin-nies jagħmlu affarijiet ħżiena. Se nitgħallmu dwar dan fl-istorja li jmiss.