Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 10

Id-Dilluvju l-Kbir

Id-Dilluvju l-Kbir

BARRA l-​arka, in-​nies baqgħu għaddejjin b’ħajjithom bħal qabel. Kienu għadhom m’emmnux li kien ġej Dilluvju. Min jaf kemm daħqu iktar minn qatt qabel! Imma ma tantx damu jidħqu.

F’daqqa waħda beda nieżel l-​ilma. Niżel mis-​sema bħal meta tferraʼ l-​ilma minn ġo barmil. Noè kellu raġun! Imma issa kien tard wisq biex xi ħadd ieħor jidħol fl-​arka. Ġeħova kien għalaq il-​bieb sew.

L-​art kollha li kienet fil-​baxx ma damitx ma ġiet miksija bl-​ilma. L-​ilma għamel bħal xmajjar kbar. Waqqaʼ s-​siġar u gerbeb ġebel kbir, u għamel ħafna storbju. In-​nies beżgħu ħafna. Bdew jitilgħu iktar fl-​għoli. Min jaf kemm xtaqu li semgħu minn Noè u daħlu fl-​arka meta l-​bieb kien għadu miftuħ għalihom! Imma issa kien tard wisq.

L-​ilma baqaʼ tielaʼ u tielaʼ. L-​ilma dam nieżel bil-​qawwi mis-​sema għal 40 jum u 40 lejl. Telaʼ mal-​ġnub tal-​muntanji u ma damx ma kesa anki l-​ogħla muntanji. Għalhekk, eżatt bħalma kien qal Alla, in-​nies u l-​annimali kollha li ma kinux fl-​arka mietu. Imma kull min kien ġewwa ħelisha mill-​periklu.

Noè u wliedu kienu għamlu biċċa xogħol tajba meta bnew l-​arka. L-​ilma tellagħha ’l fuq u baqgħet fil-​wiċċ tal-​ilma. Imbagħad darba minnhom, meta x-​xita waqfet, bdiet tiddi x-​xemx. Min jaf kif kienet tidher! Kien hemm biss baħar kbir kullimkien. U l-​unika ħaġa li stajt tara kienet l-​arka għaddejja fil-​wiċċ tal-​ilma.

Issa l-​ġganti ma kinux għadhom jeżistu. Ma kontx se tibqaʼ tarahom iweġġgħu lin-​nies. Kollha mietu, flimkien m’ommijiethom u man-​nies il-​ħżiena l-​oħrajn. Imma xi ġralhom missirijiethom?

Il-​missirijiet tal-​ġganti fil-​fatt ma kinux bnedmin bħalna. Kienu anġli li niżlu mis-​sema għal fuq l-​art biex jgħixu bħala bnedmin. Allura, meta ġie d-​Dilluvju, huma ma mitux man-​nies l-​oħrajn. Dawn ma baqgħux jużaw il-​ġisem uman li kienu għamlu, u marru lura s-​sema bħala anġli. Imma ma kinux għadhom jistgħu jkunu parti mill-​familja tal-​anġli t’Alla. Għalhekk, saru l-​anġli taʼ Satana. Fil-​Bibbja jiġu msejħin demonji.

Issa Alla għamel riħ jonfoħ, u l-​ilmijiet tad-​Dilluvju bdew jonqsu. Ħames xhur wara, l-​arka straħet fuq l-​ogħla post taʼ muntanja. Għaddew ħafna iktar ġranet u dawk li kienu fl-​arka setgħu jittawlu ’l barra u jaraw l-​ogħla post tal-​muntanji. L-​ilmijiet baqgħu jonqsu iktar u iktar.

Imbagħad, Noè tajjar ’il barra mill-​arka għasfur iswed li jissejjaħ ċawlun. Dan kien itir għal ftit żmien u mbagħad jiġi lura, għax ma setax isib post tajjeb fejn jistrieħ. Baqaʼ jagħmel dan u kull darba li l-​għasfur kien jiġi lura kien jistrieħ fuq l-​arka.

Noè ried jara jekk l-​art kinitx nixfet mill-​ilma, allura, imbagħad tajjar ’il barra mill-​arka ħamiema. Imma anki l-​ħamiema ġiet lura għax ma sabitx fejn tistrieħ. Noè reġaʼ bagħatha għat-​tieni darba u din ġabitlu werqa taʼ siġra taż-​żebbuġ f’ħalqha. Għalhekk, Noè induna li l-​ilma beda jinxef. Noè bagħat il-​ħamiema t-​tielet darba, u fl-​aħħar sabet post niexef fejn tgħix.

Alla issa kellem lil Noè. Hu qallu: ‘Oħroġ mill-​arka. Ħu l-​familja kollha tiegħek u l-​annimali miegħek.’ Kienu ilhom fl-​arka għal iktar minn sena sħiħa. Allura, nistgħu biss nimmaġinaw kemm kienu ferħanin ilkoll kemm huma li reġgħu ħarġu u li kienu għadhom ħajjin!