Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 12

In-Nies Jibnu Torri Kbir

In-Nies Jibnu Torri Kbir

GĦADDEW ħafna snin. Ulied Noè kellhom ħafna tfal. U wliedhom kibru u kellhom it-​tfal ukoll. Ma damx wisq ma kien hemm ħafna nies fuq l-​art.

Wieħed minnhom kien Nimrod. Noè kien il-​bużnannu tiegħu. Nimrod kien raġel ħażin li kien jikkaċċja u joqtol kemm l-​annimali u kemm il-​bnedmin. Ukoll, Nimrod għamel lilu nnifsu sultan biex jaħkem fuq nies oħrajn. Alla ma kienx jieħu gost b’Nimrod.

F’dak iż-​żmien, in-​nies kollha kienu jitkellmu lingwa waħda. Nimrod ried li jżommhom kollha flimkien ħalli jkun jistaʼ jaħkimhom. Allura taf x’għamel? Qal lin-​nies biex jibnu belt b’torri kbir fiha. Qed tarahom fl-​istampa jagħmlu l-​briks?

Alla Ġeħova xejn ma ħa gost b’dan il-​bini. Alla ried li n-​nies jinfirxu u jgħixu mal-​art kollha. Imma n-​nies qalu: ‘Isa! Ejja ħa nibnu belt u torri tant għoli li l-​iktar parti għolja tiegħu tilħaq is-​smewwiet. Imbagħad insiru magħrufin!’ In-​nies riedu t-​tifħir għalihom infushom u mhux għal Alla.

Allura Alla waqqaf lin-​nies milli jibnu t-​torri. Taf kif għamel dan? Billi f’daqqa waħda għamel lin-​nies jitkellmu b’lingwi differenti, minflok ma jitkellmu lingwa waħda biss. Il-​bennejja ma baqgħux jifhmu lil xulxin. Għalhekk, il-​belt tagħhom bdiet tissejjaħ Babel, jew Babilonja, li tfisser “Konfużjoni.”

Issa, in-​nies bdew jitilqu minn Babel. Gruppi taʼ nies li kienu jitkellmu bl-​istess lingwa marru jgħixu flimkien f’partijiet oħrajn tal-​art.