Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 14

Alla Jgħaddi l-Fidi t’Abraham Minn Prova

Alla Jgħaddi l-Fidi t’Abraham Minn Prova

QED tara x’inhu jagħmel hawn Abraham? Għandu sikkina f’idu, u donnu se joqtol lil ibnu. Kif qatt setaʼ jagħmel xi ħaġa bħal din? L-​ewwel, ejja naraw kif Abraham u Sara kellhom it-​tifel.

Ftakar, Alla kien wegħedhom li kien se jkollhom iben. Imma dan deher li kien impossibbli, għax Abraham u Sara kien xjaħu ħafna. Madankollu, Abraham emmen li Alla setaʼ jagħmel dak li jidher impossibbli. Allura x’ġara?

Għaddiet sena sħiħa minn meta Alla għamel il-​wegħda. Imbagħad, meta Abraham kellu 100 sena u Sara kellha 90 sena, kellhom tarbija tifel li kien jismu Iżakk. Alla kien żamm il-​wegħda tiegħu!

Imma meta Iżakk kiber, Ġeħova għadda l-​fidi t’Abraham minn prova. Hu għajjat: ‘Abraham!’ U Abraham wieġeb: ‘Hawn jien!’ Imbagħad Alla qal: ‘Ħu lil ibnek, l-​uniku wieħed li għandek, Iżakk, u mur fuq il-​muntanja li se nurik. Hemmhekk oqtol lil ibnek u offrih bħala sagrifiċċju.’

Kemm tnikket Abraham b’dan il-​kliem, għax Abraham kien iħobb ħafna lil ibnu. U ftakar, Alla kien wiegħed li wlied Abraham kienu se jgħixu fl-​art taʼ Kangħan. Imma dan kif kien se jiġri jekk Iżakk imut? Abraham ma fehemx, imma xorta waħda obda lil Alla.

Meta wasal fuq il-​muntanja, Abraham rabat lil Iżakk u poġġieh fuq l-​artal li kien bena. Imbagħad ħareġ is-​sikkina biex joqtol lil ibnu. Imma eżatt f’dak il-​ħin l-​anġlu t’Alla għajjat: ‘Abraham, Abraham!’ U Abraham wieġeb: ‘Hawn jien!’

Alla qal: ‘Tweġġax lit-​tifel u tagħmillu xejn. Issa naf li għandek il-​fidi fija, għax ma żammejtx lura milli tagħtini lil ibnek, l-​uniku wieħed li għandek.’

Kemm kellu fidi kbira Abraham f’Alla! Hu emmen li xejn mhu impossibbli għal Ġeħova, u li Ġeħova setaʼ anki jqajjem lil Iżakk mill-​mewt. Imma ma kinitx verament ir-​rieda t’Alla li Abraham joqtol lil Iżakk. Allura, Alla ħalla nagħġa tinqabad f’xi siġar żgħar fil-​viċin, u qal lil Abraham biex jissagrifika lilha minflok lil ibnu.