Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 17

Tewmin li Kienu Differenti

Tewmin li Kienu Differenti

IŻ-​ŻEWĠ subien hawnhekk huma differenti ħafna, hux veru? Taf x’jisimhom? Il-​kaċċatur jismu Għesaw, u t-​tifel li qed jieħu ħsieb in-​nagħaġ jismu Ġakobb.

Għesaw u Ġakobb kienu l-​ulied tewmin t’Iżakk u Rebekka. Missierhom, Iżakk, kien iħobb ħafna lil Għesaw, għax dan kien kaċċatur tajjeb u kien iġib l-​ikel id-​dar għall-​familja. Imma Rebekka kienet tħobb lil Ġakobb l-​iktar, għax kien tifel kwiet li jħobb il-​paċi.

In-​nannu tagħhom, Abraham, kien għadu ħaj, u nistgħu nimmaġinaw kemm Ġakobb kien jieħu gost jisimgħu jitkellem dwar Ġeħova. Abraham miet meta kellu 175 sena, meta t-​tewmin kellhom 15-​il sena.

Meta Għesaw kellu 40 sena, hu żżewweġ żewġ nisa mill-​art taʼ Kangħan. Dan nikket ħafna lil Iżakk u Rebekka, għax dawn in-​nisa ma kinux iqimu lil Ġeħova.

Imbagħad, darba minnhom, ġrat xi ħaġa li ġiegħlet lil Għesaw jirrabja ħafna għal ħuh Ġakobb. Kien wasal iż-​żmien biex Iżakk ibierek lil ibnu l-​kbir. Ladarba Għesaw kien akbar minn Ġakobb, Għesaw stenna li hu jirċievi l-​barka. Imma qabel, Għesaw kien biegħ lil Ġakobb id-​dritt tiegħu biex jirċievi l-​barka. Ukoll, meta s-​subien kienu twieldu, Alla kien qal li Ġakobb kien se jirċievi l-​barka. U hekk ġara. Iżakk bierek lil ibnu Ġakobb.

Wara, meta Għesaw sar jaf b’dan, irrabja għal Ġakobb. Tant irrabja li qal li kien se joqtol lil Ġakobb. Meta Rebekka semgħet b’dan, inkwetat ħafna. Għalhekk, qalet lir-​raġel tagħha, Iżakk: ‘Tkun xi ħaġa ħażina ħafna jekk Ġakobb ukoll jiżżewweġ waħda minn dawn in-​nisa taʼ Kangħan.’

Għalhekk, Iżakk sejjaħ lil ibnu Ġakobb u qallu: ‘Tiżżewwiġx mara minn Kangħan. Minflok, mur fid-​dar taʼ nannuk Betwel f’Ħaran. Iżżewweġ waħda mill-​bniet t’ibnu Laban.’

Ġakobb semaʼ minn missieru, u mill-​ewwel beda l-​vjaġġ twil lejn Ħaran, fejn kienu jgħixu qrabatu.