Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 20

Dina Tidħol fl-Inkwiet

Dina Tidħol fl-Inkwiet

QED tara lil min sejra tara Dina? Sejra tara lil xi tfajliet li jgħixu fl-​art taʼ Kangħan. Taħseb li missierha, Ġakobb, se jieħu gost b’dan? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, ipprova ftakar kif ħassewhom Abraham u Iżakk dwar in-​nisa taʼ Kangħan.

Ried Abraham li ibnu Iżakk jiżżewweġ tfajla minn Kangħan? Le, ma riedx. Riedu Iżakk u Rebekka li t-​tifel tagħhom, Ġakobb, jiżżewweġ tfajla Kangħanija? Le, ma ridux. Taf għala?

Kien għax dawn in-​nies taʼ Kangħan kienu jqimu allat foloz. Ma kinux nies tajbin biex tiżżewwiġhom, u ma kinux nies tajbin biex ikunu ħbieb tal-​qalb. Allura nistgħu nkunu ċerti li Ġakobb ma kienx se jkun ferħan li bintu kienet qed tagħmel ħbieb maʼ dawn it-​tfajliet Kangħanin.

M’għandniex xi ngħidu, Dina daħlet fl-​inkwiet. Qed tara lil dak ir-​raġel Kangħani fl-​istampa, li qed iħares lejn Dina? Jismu Sikem. Darba waħda, meta Dina marret iżżurhom, Sikem ħa lil Dina u ġegħelha timtedd miegħu. Dan kien ħażin, għax il-​miżżewġin biss għandhom jimteddu flimkien. Din il-​ħaġa ħażina li għamel Sikem lil Dina wasslet għal ħafna iktar inkwiet.

Meta ħut Dina saru jafu b’dak li kien ġara, huma rrabjaw ħafna. Tnejn minnhom, Simegħon u Levi, tant irrabjaw li ħadu s-​sejf tagħhom u marru fil-​belt u qabdu l-​irġiel għal għarrieda. Flimkien maʼ ħuthom qatlu lil Sikem u l-​irġiel l-​oħrajn kollha. Ġakobb irrabja għax uliedu għamlu din il-​ħaġa ħażina.

Dan l-​inkwiet kollu kif beda? Beda għax Dina għamlet ħbieb maʼ wħud li ma jobdux il-​liġijiet t’Alla. Aħna ma rridux nibdew ħbiberiji maʼ wħud bħal dawn, hux hekk?