Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 21

Ħut Ġużeppi Jobogħduh

Ħut Ġużeppi Jobogħduh

ARA miskin kemm hu mdejjaq u bla tama dan il-​ġuvnott! Dan Ġużeppi. Ħutu għadhom kemm bigħuh lil dawn l-​irġiel li sejrin l-​Eġittu. Hemmhekk kienu se jagħmlu lil Ġużeppi lsir. Ħutu għala għamlu din il-​ħaġa ħażina? Għax kienu jgħiru għal Ġużeppi.

Missierhom, Ġakobb, kien iħobb lil Ġużeppi ħafna u ħafna. Hu wrieh kemm iħobbu billi għamillu libsa twila u sabiħa. Meta l-​10 ħutu l-​kbar raw kemm Ġakobb kien iħobb lil Ġużeppi, bdew jgħiru għal Ġużeppi u jobogħduh. Imma kien hemm raġuni oħra għala kienu jobogħduh.

Ġużeppi ħolom żewġ ħolmiet. Fiż-​żewġ ħolmiet taʼ Ġużeppi, ħutu baxxew rashom quddiemu. Meta Ġużeppi qal lil ħutu x’ħolom saru jobogħduh saħansitra iktar.

Issa, ġurnata minnhom, meta ħutu l-​kbar kienu qed jieħdu ħsieb in-​nagħaġ taʼ missierhom, Ġakobb staqsa lil Ġużeppi biex imur jara kif kienu sejrin. Meta ħut Ġużeppi rawh ġej, xi wħud minnhom qalu: ‘Ejja noqtluh!’ Imma Ruben, ħuhom il-​kbir, qal: ‘Le, ara ma tagħmlux hekk!’ Minflok, ħatfu lil Ġużeppi u tefgħuh ġo bir vojt. Imbagħad, qagħdu bilqiegħda biex jaraw x’kienu se jagħmlu bih.

F’dan il-​waqt għaddew xi rġiel Ismagħelin. Ġuda qal lil ħutu, ‘Ejja nbigħuh lill-​Ismagħelin.’ U hekk għamlu. Biegħu lil Ġużeppi għal 20 biċċa tal-​fidda. Kemm kienet xi ħaġa kiefra u bla qalb din!

L-​aħwa x’kienu se jgħidu lil missierhom? Huma qatlu mogħża u darba wara l-​oħra billew il-​libsa mill-​isbaħ taʼ Ġużeppi fid-​demm tal-​mogħża. Imbagħad ħadu l-​libsa d-​dar lil missierhom Ġakobb u qalu: ‘Sibna din. Ħares lejha, u ara jekk hijiex il-​libsa taʼ Ġużeppi.’

Ġakobb għarafha. Hu qal: ‘Bilfors li qatlu xi annimal salvaġġ.’ U ħut Ġużeppi hekk riduh jemmen lil missierhom. Ġakobb tnikket ħafna u ħafna. Beka għal ħafna ġranet. Imma Ġużeppi ma kienx mejjet. Ejja naraw xi ġralu fil-​post li ttieħed.