Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 22

Ġużeppi Jiġi Mitfugħ il-Ħabs

Ġużeppi Jiġi Mitfugħ il-Ħabs

ĠUŻEPPI għandu 17-​il sena biss meta jittieħed l-​Eġittu. Hemmhekk jinbiegħ lil raġel jismu Potifar. Potifar jaħdem għas-​sultan tal-​Eġittu, li jissejjaħ Fargħun.

Ġużeppi jaħdem iebes għal sidu, Potifar. Għalhekk, meta Ġużeppi jikber, Potifar jgħidlu biex jieħu ħsieb daru kollha. Allura, Ġużeppi għala qiegħed il-​ħabs? Minħabba l-​mara taʼ Potifar.

Ġużeppi jsir raġel gustuż ħafna, u l-​mara taʼ Potifar tridu jimtedd magħha. Imma Ġużeppi jaf li din hi xi ħaġa ħażina, u ma jridx jagħmel hekk. Mart Potifar tirrabja ħafna. Għalhekk, meta r-​raġel tagħha jiġi d-​dar, tigdiblu u tgħid: ‘Dak ir-​raġel ħażin Ġużeppi pprova jimtedd miegħi!’ Potifar jemmen lil martu, u jirrabja ħafna għal Ġużeppi. Għalhekk, jitfgħu l-​ħabs.

Ir-​raġel li jieħu ħsieb il-​ħabs malajr jinduna li Ġużeppi hu raġel tajjeb. Għalhekk, jgħidlu biex jieħu ħsieb il-​priġunieri l-​oħrajn kollha. Iktar tard, il-​Fargħun jirrabja mal-​kuppier (dak li kien iferragħlu x’jixrob) u mal-​furnar tiegħu, u jitfagħhom il-​ħabs. Lejla waħda, it-​tnejn li huma jkollhom ħolma speċjali, imma ma jafux xi tfisser. L-​għada Ġużeppi jgħidilhom: ‘Għiduli xi ħlomtu.’ U meta jagħmlu hekk, Ġużeppi, bl-​għajnuna t’Alla, jispjegalhom xi jfisser il-​ħolm tagħhom.

Ġużeppi jgħid lill-​kuppier: ‘Fi tlett ijiem int se tinħeles mill-​ħabs u se terġaʼ ssir il-​kuppier tal-​Fargħun.’ Għalhekk, Ġużeppi jżid jgħid: ‘Meta tinħeles, għid lill-​Fargħun dwari u għinni noħroġ minn dan il-​post.’ Imma lill-​furnar, Ġużeppi jgħidlu: ‘Fi tlett ijiem biss, il-​Fargħun se jordna li tinqatagħlek rasek.’

Wara tlett ijiem kollox jiġri eżatt kif qal Ġużeppi. Il-​Fargħun jordna li jaqtgħu ras il-​furnar. Imma l-​kuppier jinħeles mill-​ħabs u jerġaʼ jibda jaqdi lis-​sultan. Iżda l-​kuppier jinsieh għalkollox lil Ġużeppi! Ma jgħidx lill-​Fargħun dwaru, u Ġużeppi jkollu jibqaʼ l-​ħabs.